13.2.15

Ma għandniex ninsew



1.      Hemm regoli tal-ħajja li ma jinbidlux.  Hemm min jinsihom, min jista’ jaħseb lima ġrawx fil-passat, però hemm jibqgħu.  Jibqgħu għad-dawl għal min min irid jassigura li ma jidħolx fid-dlam.  Sfortunatament diversi jidħlu għal passi u jieħdu deċiżjonijiet li, mingħajr ma jafu, jkunu qed jerġgħu jieħdu l-iżbalji li ħadu oħrajn qabilhom.  F’dan il-mument tal-istorja għandna diversi persuni fil-politika li ma għandhomx magħhom kultura politika.  Li ma għandhomx fihom id-diversi lezzjonijiet li esperjenzi politiċi ta’ qabel sarrfu għad-dinja.  Ma qrawx, ma flewx u wisq inqas irriflettew fuq dak li għaddew minnu ta’ qabilna biex ma nerġgħux ngħaddu minnu llum jew għada.  Dan id-diskors jista’ jidher li fih piż żejjed, li m’huwiex liberu mir-responsabbiltà u għalhekk ixekkel għax inaqqas fis-suppost “għażliet” li wieħed jista’ jieħu.

2.      Ngħid dan fid-dawl ta’ dak li ftakarna fih tul din il-ġimgħa li għadha kif għaddiet.  It-Tlieta 27 ta’ Jannar waqafna niftakru f’dak li diversi Lhud kellhom jgħaddu minnu fl-Ewropa tul l-aħħar gwerra dinjija.  Il-qtil bla sens u raġuni ta’ diversi, għas-sempliċi fatt li twieldu minn ġenituri Lhud jibqa’ jsammarna naħsbu.  Sitt miljun Lhudi tilfu ħajjithom mhux minħabba l-gwerra.  Mhux bil-ħidma tal-għadu jew għax fuq il-kampijiet tal-battalja, iżda għal raġuni oħra.  Il-gwerra kienet biss paraventu li ppermettiet il-ġenn tal-ideoloġija nażista li tneħħi dak li hija kienet issejjaħ “razez inferjuri” sabiex ir-razza superjuri tirbaħ.  It-Tieni Gwerra Mondjali ma kienetx biss konflitt ta’ strateġiji u ideat militari fejn parti tirbaħ lill-oħra u tieħu l-premju tal-artijiet u wirt ieħor f’idejha.  Kienet waħda ta’ ideoloġija.

3.      Kienet waħda li fiha l-għażliet kienu bejn dawk demokratiċi, u fuq l-oħra, dawk dittatorjali; bejn tmexxija parlamentari minn membri eletti demokratikament minn fost diversi partiti jew dik ta’ għażliet ta’ bnedmin minn partit wieħed; bejn jekk il-bniedem għandux drittijiet fundamentali li l-Istat irid jirrispetta, inkella fejn huwa biss għodda u strument li ma għandu ebda dinjità; bejn it-tgawdija tal-libertà fir-responsabbiltà ta’ kulħadd, inkella fejn kull persuna huwa kkmandat minn mexxej wieħed li għandu f’idejh il-poter kollu; bejn l-ugwaljanza bejn il-bnedmin, huma min huma, ġejjin minn liema razza jew kulur ta’ ġilda, jew uħud biss li għandhom id-drittijiet fuq l-oħrajn, inkluż li jneħħulhom id-dritt għall-ħajja tagħhom.  Il-lemin estrem bena lilu nnifsu fuq dawn il-kuntrasti.  Ħares lejn dak li ngħad minn bniedem wieħed u pprova jġibu fis-seħħ.

4.      Il-forza militari, is-saħħa politika konċentrata fl-id ta’ bniedem wieħed ġiebu kriżi fl-istorja tal-umanità, dak kollu li kien ilu jinbena b’ħafna diffikultà mill-bnedmin fis-sekli.  Diversi mexxejja missew ma’ dawn l-ideat żbaljati u f’isem il-poter dittatorjali tagħhom ġiebu diżastri.  Dak li sar min-nażiżmu kien ripetizzjoni fuq skala kbira u organizzata ta’ dak li diversi kienu wettqu b’nuqqas ta’ suċċess qabel fuq skala ferm iżgħar.  Il-mod metikoluż u mill-iktar iktar li bih inġabru diversi lhud mill-irkejjen kollha tal-Ewropa u meħuda għall-eliminazzjoni tibqa’ timpressjonana.  Min-naħa l-ħruxija tagħha fejn il-ħniena, il-ġustizzja tilfu kull forma ta’ saħħa; fuq l-oħra il-banalità assolutament kbira ta’ diversi li sabu ruħhom maqtula mingħajr ħtija jew piena.  Il-lhud ma kienu ħatja ta’ xejn.  Ħadd minnhom ma kien ħaqqu l-mewt.  Bnedmin oħra daħħlu f’rashom żbaljatament li għandhom xi dritt li jneħħu l-ħajja ta’ bnedmin oħra bħalhom għax kellhom jibnu soċjetà perfetta fejn ma kienx hemm lok għad-demokrazija, għad-drittijiet fundamentali, għall-ġustizzja u l-libertà.

5.      Il-bnedmin m’humiex magni.  Wisq inqas ma jistgħu jkunu perfetti u rikonoxxuti mill-oħrajn bħala hekk.  Kull persuna jġorr miegħu dawk li għandhom stima fih u dawk le.  Dan ma jagħmlux persuna inqas jew li tiġi eliminata.  Il-fatt li l-lhud ma kienx perfetti għall-magna nażista ma jfissirx li kienu ħżiena; tfisser anzi li l-ideoloġija leminija estrema kienet żbaljata.  Kif tipprova taħrab mill-ħajja, mir-regoli tagħha li l-fidi nisranija, b’tant attenzjoni u studju tan-natura umana għallmet, tkun qed toħroġ barra minn dak li huwa sewwa u dak li jista’ jirnexxi.  In-nażiżmu ħaqqu kull kundanna u ma nistax naċċetta li l-lemin estrem jista’ f’xi mument ikollu raġun fuq dak li wettaq jew dak li ħalla warajh.  Kundannabbli iktar min jibqa’ jaħseb li dak huwa eżempju li jrid jiġi segwit.

6.      Kull bniedem għandu d-dritt għad-dinjità tiegħu, għad-drittijiet fundamentali lijagħmluh ‘il fuq mill-Istat.  Ebda bniedem, għandu kemm għandu poter jew qiegħed f’liema pożizzjoni qiegħed, ma jista’ jaħrab minn dan.  Id-demokrazija li twaqqfet mill-partiti demokristjani fl-Ewropa wara din l-esperjenza titlob anzi li kull deċiżjoni tiġi diskussa u dibattuta fis-soċjetà libera, fil-partit demokratiku u fil-Parlament fejn hemm iktar minn partit wieħed.  Kull min jaħrab minn dawn il-lezzjonijiet ikun qiegħed jieħu lilu nnifsu lura lejn dak li qatt ma kellu jkun.  Kull jum, kull min qiegħed fil-politika għandu jkun jaf li ser isib ruħu mkejjel fuq dan fuq naħa, u fuq l-oħra eżaminat f’dan.  Il-lezzjonijiet ta’ Auschwitz u ta’ Dachau m’humiex ‘il bgħid minna.  Ma humiex f’passat ta’ sebgħin sena iżda huwa attwali.  Huwa llum ma’ kull ġurnata.  Il-poter f’demokrazija jrid jiġi użat bil-mod li l-liġijiet u r-regoli jitolbu. Ma jistax ikollok demokrazija li titmexxa bi ħsieb dittatorjali.  Meta dan jiġri, il-bnedmin jintilfu u jtellfu lil xulxin id-dinjità.  Għalhekk ma għandniex ninsew dak li d-dinja rat u dak li taf sew bih.  Hekk niggarantixxu lil xulxin is-sewwa, il-ġustizzja u l-ħniena li kull soċjetà għandha bżonn.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...