27.11.14

Gvern: għaliex dan il-ħabi kollu?




1.      Mhux ser nipprova nipperswadikom fuq kemm huwa vitali għal pajjiż demokratiku, modern, progressiv u Ewropew li jkollu Gvern li ma jaħbix u jgħid il-verità.  Ċert li lkoll ser taqblu miegħi fuq dan.  Ċert ukoll li ma tapprovawx minn min irid jaqbad din it-triq żbaljata.  Għalhekk ħassejt li għandi nikteb dan l-artiklu.  Mhux biex ningħata raġun, għax dan hemm qiegħed, imma sabiex inħajjar lill-Gvern tal-ġurnata jifhem li għandu jibdel triqatu.  Jibdel dan il-mod, dan l-eżempju żbaljat.

2.      Hemm verament differenza bejn li taħbi u ma tgħidx il-verità.  Meta taħbi, almenu ma tkunx qiegħed tigdeb.  Ma tkunx qiegħed tgħid il-kontra ta’ dak li ġara, però xorta f’soċjetà fejn għandha tirrenja t-trasparenza u anzi fejn huwa dritt fundamentali ta’ kull ċittadin li jkun jaf il-verità, is-sitwazzjoni għandha l-istess gravità.  Wisq drabi, li issa bdew jakkumulaw sew, qed jiġu għal widnejna u għajnejna każijiet li l-Gvern ma jrid jgħid xejn dwarhom, anzi jrid jaħbihom taħt it-tapit.  Dan huwa stramb ħafna.

3.      Huwa stramb għax ħafna ma jifhmux x’valur hemm fi Gvern li tela’ b’ħafna saħħa, b’ħafna kaxxi ta’ wegħdi, li joqgħod lura milli jgħid il-verità.  Gvern immexxi minn Prim Ministru daqshekk żgħir fl-età, u sa issa fl-esperjenza, għandu l-bżonn li jmur għal din it-tattika antika?  Meta gvern jibda jaħbi l-fatti, l-istatistika, il-poplu jispiċċa jinqabad fl-istess nassa.  Eżempju ħażin iġib eżempji ħżiena oħra u jibda huwa stess jiddeċiedi fuq fatti li m’humiex korretti, b’konsegwenzi żbaljati.  U hawn għandna numru ġmielu ta’ każijiet.

4.      Issa jekk hemm uffiċċju li għandu jkun iċ-ċavetta u l-garanzija tal-fatti huwa dak tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.  Garanzija għall-pajjiż kollu fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra.  Hekk kien sa issa, imma dan il-Gvern iddeċieda li ma jġeddidx il-kuntratt tad-Direttur Ġenerali mingħajr ebda forma ta’ raġuni valida.  Direttur Ġenerali li qeda dmiru sewwa, għandu esperjenza kbira u ma ċċaqlaqx taħt ebda forma ta’ pressjoni politika taħt żewġ amministrazzjonijiet.  Allura għalfejn dan il-Gvern, tant b’saħħtu, għandu jaġixxi b’dan il-mod żbaljat?  Għalija dan huwa indikazzjoni ċara li issa l-Gvern irid jibda jbagħbas anki bil-figuri tal-istatistika għall-konvenjenza tiegħu.  Mhux biss jaħbi l-fatti, iżda issa jibda jittanta ruħu jħassar u jibdel il-figuri.

5.      Dan huwa iktar evidenti għax tul din il-ġimgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni ċċita kif kien kellu l-figuri indipendenti u imparzjali tal-istess uffiċċju fuq kemm hemm persuni li daħlu jaħdmu mal-Gvern f’dawn ix-xhur, u l-figura telgħet issa għal 4,420.  Figura li nċaħdet b’formoli matematiċi tal-gabrijoli.  Għal diversi nies huwa mill-iktar ovvju li l-Gvern ma jridx ‘il-poplu jkun jaf x’qiegħed jagħmel u ddeċieda li jieħu l-passi neċessarji biex l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jsir issa Uffiċċju tal-Istatistika Mbagħbsa, skont dak li jaqbillu l-Partit Laburista.

6.      Mhux biss dan, imma anke l-kwistjoni tal-Casino.  Għala l-Gvern qeigħed jerġa’ jaħbi l-affarijiet u ma jippubblikax ir-rapport magħruf bħala “Valenzia”.  Anki l-kwistjoni tal-Gozo Connect: għala sibna ruħna naraw fil-Parlament logħba ta’ tqassim tal-ballun min-naħa għall-oħra, minn ministru għal ieħor, sakemm fl-aħħar sirna nafu parti mill-affarijiet?  L-istess jgħodd għal dak li seħħ fil-kwistjoni tal-irtirar tal-kawża tal-Australia Hall, inkella dik marbuta mal-kuntratt tal-Cafѐ Premier.  Domandi fuq domandi li l-Gvern ma jweġibx, jaħrab minnhom u fl-aħħar ipoteżi jgħid il-kontra.


7.      Fl-aħħar ta’ dan tiġi d-domanda: għala l-Gvern qiegħed iħoss tant il-bżonn li jaħbi?  Quddiem sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali li hija fit-triq tan-niżla, il-Gvern baqagħlu karta waħda f’idejh: jaħbi, ma jgħidx il-fatti kif inhuma u allura jibda l-proċess ta’ propaganda politika biex jipperswadi li kollox huwa tajjeb fuq l-istatistika mbagħbsa tiegħu.  Dan huwa żbaljat.  Il-poplu għandu dritt għall-verità u dan il-Gvern għandu jgħidhielu.  Fuqha biss jista’ jibni politika tajba.

Il-Gvern għandu jispjega għafejn il-GU Clinic mhix taċċetta testijiet ġodda



B’referenza għal dak li ġie rrapurtat f’diversi mezzi tax-xandir fejn jidher li l-GU Clinic fl-Isptar Mater Dei mhix qed taċċetta appuntamenti għal testijiet ġodda, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex jispjega x’inhi r-raġuni għalfejn mhux qed isiru dawn l-appuntamenti u kif seta’ jħalli funzjoni daqstant sensittiva mingħajr l-amministrazzjoni klinika neċessarja mingħajr ma jaħseb għal rimedju li jassigura l-kontinwità tas-servizz.

Minn dak li ġie rappurtat, s’issa jidher li persuni li qed jitolbu li jagħmlu testijiet marbutin mal-HIV/AIDS u l-Hepatitis fil-GU Clinic ta’ l-Isptar Mater Dei (li hi l-unikà faċilita li fiha jistgħu jsiru dawn it-tip ta’ testijiet) m’humiex jingħataw appuntamenti biex isirulhom dawn it-testijiet sensittivi u qed ikunu mitluba jħallu aktar minn xahar ieħor biex jerġgħu jippruvaw jagħmlu appuntament. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li din is-sitwazzjoni m’hijiex aċċettabbli f’sistema tas-saħħa żviluppata bħal ta’ pajjiżna u li l-Gvern għandu jaġixxi biex jindirizza l-problema mingħajr aktar dewmien.

Dan in-nuqqas ta’ servizz jikkuntrasta bil-kbir mad-direttivi u l-linji gwida tal-World Health Organisation li tqis l-iscreening u t-testijiet bħala mezz ewlieni fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’ dan it-tip ta’ infezzjonijiet.

Minbarra li tagħmel dawn it-testijiet, din il-klinika għandha rwol importanti ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-counselling ta’ pazjenti u tal-qraba tagħhom, servizz li jidher li minħabba nuqqas ta’ riżorsi qiegħed jingħata b’limitazzjonijiet.

Din is-sitwazzjoni mhux biss qiegħda tnaqqar il-livell tas-servizz mogħti lill-pazjenti iżda wkoll qed toħloq ħafna pressjoni fuq il-ħaddiema fil-GU Clinic li jridu jiffaċċjaw it-tħassib u r-rabja tal-pazjenti li ma jistgħux jingħataw servizz daqstant sensittiv. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jappella lill-Gvern biex ma jħallix din is-sitwazzjoni tkompli għaddejja u jieħu azzjoni immedjata biex dan is-servizz jerġa’ jibda jingħata fuq il-livell li jixraq f’pajjiż żviluppat.

Claudio Grech
Kelliem għas-Saħħa


22.11.14

Joseph Muscat igiddeb lil Joseph Muscat.



Il-Prim Ministru Joseph Muscat, għal darb’oħra, nqabad jigdeb. Sfortunatament, din mhux l-ewwel darba li Joseph Muscat inqabad jigdeb, u aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-poplu Malti u Għawdxi mhuwiex jemmnu.

Ilbieraħ fil-Parlament, u llum fi stqarrija, Joseph Muscat gideb meta qal li l-membri tal-Kabinett preċedenti ma tawx lura ż-żieda fuq l-onorarja li kienu ngħataw bejn l-2008 u l-2011.

Fis-6 ta’ Jannar 2012, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien ħabbar li l-membri tal-Kabinett ma kienux se jibqgħu jingħataw l-onorarja tal-Parlament u kienu se jagħtu lura ż-żieda fl-onorarja tas-snin ta’ qabel.

Din iż-żieda fuq l-onorarja kienet ingħatat kollha lura.

Il-Prim Ministru, qabel jagħmel dikjarazzjonijiet għall-gallarija, għandu jiftakar xi jkun qal hu stess qabel fuq l-istess suġġett. Fil-video mehmuż, Joseph Muscat, wara li nħatar Prim Ministru, kien ammetta hu stess li l-membri tal-Kabinett preċedenti kienu ħallsu dak li kellhom jagħtu lura lill-Gvern skont dak imwiegħed fis-6 ta’ Jannar 2012.

Din id-darba, Joseph Muscat spiċċa jgiddeb lil Joseph Muscat.


26.11.14

L-Oppożizzjoni tressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Manuel Mallia.



Kif ħabbar il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil nhar it-Tlieta li għadda, llum waranofsinhar, l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia.

F’kummenti mal-media, il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament Mario de Marco sostna li l-Oppożizzjoni ma kellha l-ebda triq oħra ħlief li tippreżenta din il-mozzjoni wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat naqas milli jneħħi lil Ministru Manuel Mallia. Hu qal li l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Mallia qed jitressaq anke biex l-Oppożizzjoni tkun qed tirrapreżenta l-għajta tal-poplu Malti u Għawdxi li qed jistenna li l-Ministru Mallia jerfa’ r-responsabbiltà politika.

Mario de Marco sostna li l-probabiltà hi li l-mozzjoni ma tgħaddix, iżda stieden lid-Deputati Laburisti biex jivvutaw skont il-kuxjenza. Hija sitwazzjoni redikola, qal Mario de Marco, li l-Oppożizzjoni kellha tasal biex tressaq il-mozzjoni ta’ sfiduċja, minflok ma kien il-Prim Ministru li ħa d-deċiżjoni.

Il-mozzjoni hija ffirmata mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament Mario de Marco u mill-Kelliem għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi.

Kopja tal-mozzjoni qed tiġi mehmuża ma’ din l-istqarrija.


27.11.14

15.11.14

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta' Lino Spiteri

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja tal-eks Ministru Lino Spiteri u jirringrazzjah tal-kontribut tiegħu fl-isfera politika Maltija.

Lino Spiteri żgur li jibqa' mfakkar għal snin twal iservi fil-Parlament Malti jirrapreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi.
L-eks Ministru baqa' jagħti l-kontribut lis-socjetà Maltija b'kitba fuq temi varji, fosthom anke l-politika. Speċjalizzat fis-settur ekonomiku, Spiteri serva wkoll bħala Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta.
Il-Partit Nazzjonalista jwassal il-kondoljanzi lill-familja Spiteri f'dan il-mument diffiċli.


14.11.2014

13.11.14

Ma’ dan il-Gvern, min hu vulnerabbli, jħallas aktar



L-aħbar li l-Gvern għolla l-kera tal-appartamenti tal-Gvern allokati għall-akkomodazzjoni soċjali ħasdet lill-bosta familji li għandhom dħul baxx. F’dawn l-appartamenti, hawn jgħixu madwar 15,000 familja. L-ironija dwar dan kollu hu li filwaqt li għal kull ħaġa ta’ xejn, Joseph Muscat isejjaħ lill-ġurnalisti u l-kameras bħalma għamel meta raħħas il-prezzijiet tal-fuel b’2c, biex iħabbar din iż-żieda li qed taffetwa lil dawn il-familji fil-laħam il-ħaj, lanqas sempliċiment stqarrija ma ħarġet.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Awtorita’ tad-Djar fil-Furjana, l-Kelliem għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Clyde Puli qal li hemm familji li l-kirja tagħhom irduppjat, oħrajn li triplat, u saħansitra hemm numru ta’ familji li rċevew kont erba’ darbiet aktar daqs kemm kien qabel.

Clyde Puli żvela kif il-Gvern preċedenti, fl-2010, minkejja l-kriżi internazzjonali, kien ħa deċiżjoni li jissospendi d-dritt li kienet tagħtih il-liġi tar-riforma tal-kera li daħlet fis-seħħ fl-2009, u ma għolliex il-kera tal-akkomodazzjoni soċjali. Dak iż-żmien, il-Gvern Nazzjonalista kien ħa din id-deċiżjoni għaliex ma riedx li jitfa’ piż fuq l-aktar familji vulnerabbli fis-soċjetà Maltija. Il-Gvern ta’ Joseph Muscat iddeċieda differenti.

Minn naħa tagħha, l-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Graziella Schembri spjegat kif ħafna minn dawk il-persuni li jgħixu f’dawn l-appartamenti huma anzjani u familji li għandhom dħul baxx, li issa se jkollhom il-piż finanzjarju jiżdied permezz ta’ dawn iż-żidiet fil-kera. Ma’ dawn wieħed irid iżid it-taxxa ġdida fl-edukazzjoni permezz taż-żidiet fil-prezzijiet tal-eżamijiet tal-MATSEC, il-prezzijiet għoljin tal-petrol u d-diesel meta l-prezz internazzjonali taż-żejt huwa f’livelli baxxi ħafna, kif ukoll l-għotja ta’ 58c għall-għoli tal-ħajja li ħafna qed jiddeskrivuha bħala ċajta.

Clyde Puli temm jgħid li l-Gvern ta’ Joseph Muscat mhux ma’ kulħadd jimxi l-istess. Filwaqt li lill-familji vulnerabbli qed jgħollilhom il-kera tal-akkomodazzjoni soċjali, u filwaqt li lill-familji tal-istudenti għollilhom il-prezzijiet tal-eżamijiet, lil dawk viċin tiegħu tagħhom karigi u pagi għoljin.


05.11.14

Proposti konkreti mill-PN biex jissaħħu l-Kunsilli Lokali



Il-finanzi tal-Kunsilli Lokali jistgħu jiżdiedu billi persentaġġ mill-ħlas li jsir tal-Liċenzji tal-Karozzi u vetturi oħra jinżamm mill-Kunsilli Lokali. Il-Kunsilli Lokali jieħdu persentaġġ ta 10% tal-valur tal-liċenzja fl-ewwel sena u jkompli jiżdied kull sena b’1% sa massimu ta 15%. Il-ħlas tal-Liċenzji tal-Karozzi jkun jista’ jsir fil-Kunsilli Lokali. Għal min iħallas il-liċenzja b’mod ieħor, il-Kunsill Lokali tal-lokalità li fiha tkun reġistrata l-Liċenzja tal-Karozza, xorta jingħata l-persentaġġ msemmi.

Dan qalu l-Kelliem għall-Kunsilli Lokali David Agius waqt Laqgħa għas-Sindki u Viċi-Sindki organizzata mil-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali f’Għawdex.

David Agius ippropona wkoll li fil-Budget li ġej, il-Gvern għandu jżid il-flus li jingħataw il-Kunsilli Lokali għax dan sa llum huwa anqas minn 1% tan-nefqa tal-Gvern u mhux biżżejjed biex ikopri x-xogħol, l-kuntratti u l-obligi tal-Kunsilli Lokali.

David Agius ippropona wkoll li l-Kumitati Amministrattivi jingħataw allokazzjoni diretta mill-Gvern biex ikunu jistgħu jaħdmu, liema allokazzjoni tkun aktar mill-allokazzjoni li jingħataw il-Kunsilli Lokali biex jużawha fiż-żoni rapreżentati mill-Kumitati Amministrattivi.

David Agius staqsa lil Gvern fejn waslet ir-Riforma fis-Sistema tal-Infurzar Lokali u staqsa ukoll jekk il-Gvern jemminx fis-sistema tar-reġjuni. Hu appella wkoll lil Gvern biex jgħid jekk jaqbilx li l-Ombudsman jkollu fi ħdanu Kummissarju reponsabbli minn dak kollu marbut mal-Kunsilli Lokali.


08.11.14

Taħt dan il-Gvern, mhux kulħadd l-istess quddiem il-liġi



Il-każ tal-uffiċjal għoli fil-Korporazzjoni Enemalta Louis Attard huwa eżempju ċar ta’ kif taħt dan il-Gvern, il-ġustizzja mhix l-istess għal kulħadd. Il-Ministru Konrad Mizzi, il-Ministru Manwel Mallia u l-Ministru Owen Bonnici għandhom ħafna xi jwieġbu dwar dan il-każ.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi.

Beppe Fenech Adami spjega li meta hemm persuna li tokkupa l-kariga ta’ uffiċjal pubbliku, speċjalment rwol għoli f’kumpanija bħal ma hi l-Enemalta u li xogħolha hu li tipprevedi milli jkun hemm reati, bħal ma hu serq ta’ dawl minn smart meters, u tonqos milli tagħmel dan, il-persuna għandha titressaq quddiem il-Qorti b’akkuża ta’ aggravju. Dan ma ġarax fil-każ tal-uffiċjal tal-Enemalta Louis Attard, li tressaq il-Qorti akkużat li bagħbas l-ismart meter tad-dawl. Dan kollu jqajjem mistoqsijiet jekk kienx hemm indħil politiku.

Beppe Fenech Adami qal li kien il-Ministru Konrad Mizzi stess li bl-għaġġla biex jiddefendi lil Louis Attard, ippublika dokumentazzjoni li turi li Attard hu uffiċjal għoli tal-Enemalta. Għaldaqstant wieħed bilfors jistaqsi għalfejn Attard ma tressaqx il-Qorti ukoll b’akkuża ta’ aggravju iżda minflok tressaq quddiem il-Qrati bħala sempliċiment konsumatur. Attard hu ferm aktar minn konsumatur iżda bħala uffiċjal pubbliku tal-Enemalta kellu d-dmir u d-dover li jara li ma jkun hemm ebda irregolarità u għalhekk għandu responsabiltà ikbar.

Jason Azzopardi qal li dan il-każ ikompli jikkonferma li taħt dan il-Gvern, mhux kulħadd l-istess quddiem il-liġi. Hu rrefera għall-artiklu 141 tal-Kodiċi Kriminali li jgħid ċar li jekk uffiċjal jew impjegat pubbliku jkun ħati ta’ reat li hu kellu d-dmir li jara li ma jseħħx, jeħel il-piena stabbilità miżjuda bi grad.

Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi nsistew li l-Ministru konċernati jwieġbu dwar dan, u jkunu ċari dwar min se jerfa’ r-responsabbiltà.


10.11.14.

Tħassib għan-nuqqas ta’ trasparenza fl-NSO.



Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għall-fatt li kellha tkun il-media li tiżvela li d-Direttur-Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika, is-Sur Michael Pace Ross, ma iġġeddidlux il-kuntratt tiegħu fl-aħħar ġimgħat. Fir-rispett tas-serjetà u tat-trasparenza, wieħed kien jistenna li l-Awtorità tal-Istatistika tippubblika stqarrija b’dan l-iżvilupp u, tinforma b’mod formali lill-pubbliku u lill-aġenziji internazzjonali, fosthom il-Eurostat, b’din l-aħbar u tagħti l-informazzjoni meħtiega dwar min qed jokkupa din il-kariga sakemm tintagħżel il-persuna li ser tokkupa din il-kariga.

Il-kariga ta’ Direttur Ġenerali hija funzjoni importanti li hi mistennija li tkun indipendenti mill-Gvern tant li tirrispondi lil Awtorità Superviżorja u mhux lill-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iċ-ċirkostanzi riċenti li jistgħu jkunu wasslu ghal din id-deċiżjoni, deciżjoni li inżammet mistura għal gimghat sħaħ. Il-PN jittama li l-Gvern mhux jindaħal f’din l-istituzzjoni li jeħtieġ li tibqa’ indipendenti.

L-indipendenza tal-istatistika ppubblikata minn dan l-Uffiċċju, hi kruċjali biex pajjiżna jibqa’ jżomm ir-rispett tal-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali. L-istatistika tal-NSO hija għodda importanti ħafna għal policymakers għaliex tagħti stampa tal-isfidi u l-opportunitajiet li għandu pajjiżna, u għalhekk huma kruċjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Awtorità biex tassigura li il-perjodu ta’ tranżizzjoni ikun wieħed qasir għal ġid tal-Uffiċċju u tal-kredibilità tieghu. Għandu jkun assigurat li l-Uffiċċju tal-Istatistika jibqa’ jgawdi r-rispett u l-istima mhux biss f’pajjiżna iżda wkoll tal-Istituzzjonijiet Internazzjonali, fosthom il-Eurostat. Il-PN jistenna l-għażla tal-persuna mill-Awtorità jsir b’mod independenti mill-Gvern u b’osservanza għal Code of Practice tal-Eurostat innifsu.Ikun mill-aktar perikoluż jekk il-Gvern jipprova jinfluwenza l-għażla tad-Direttur Ġenerali u jipprova jibdel l-NSO f’xi Dipartiment ieħor taħt il-kontroll tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li waħda mir-raġunijiet li waslet għall-kollass tal-Greċja kienet proprju n-nuqqas ta’ indipendenza tal-uffiċju tal-istatistika, li kien qed jgħatti d-dejn ta’Gvernijiet suċċessivi minhabba direzzjoni politika. Dan għandu jservi ta’ tagħlima biex il-Gvern jieqaf immedjatament jinterferi fil-ħidma tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, u jiżgura l-indipendenza u t-trasparenza assoluta tiegħu.


1​2.11.2014

Ultimatum lil Manuel Mallia



Il-Ministru Manuel Mallia għandu jagħmel eżami tiegħu nnifsu u jirrealizza li l-attitudni negattiva u d-deċiżjonijiet tiegħu qed iwasslu għal rabja kbira fost bosta persuni li huma impjegati f’korpi li hu responsabbli tagħhom, kif ukoll għal kriżi istituzzjonali li pajjiżna qatt ma kellu bħalha.

L-aħħar żewġ ultimata ngħataw mill-membri tal-Korp tal-Pulizija u mill-Ombusman li qed jinvestiga lmenti dwar promozzjonijiet fil-Forzi Armati.

Huwa inkwetanti li l-Ministru tal-Intern jispiċċa jingħata żewġ ultimata, li wieħed minnhom huwa mill-Ombudsman Parlamentari. Il-poplu Malti bilfors jinkwieta meta jara Ministru fi sfida diretta kontra min xogħlu hu li jħares iċ-ċittadin mill-abbuż tal-poter.

L-indħil politiku fil-Korp tal-Pulizija u fil-Forzi Armati m’huwa qatt iġġustifikat u għandu jieqaf mill-aktar fis. L-attitudni ta’ Manuel Mallia, li mingħalih li ħadd ma jista’ għalih, hija ta’ periklu f’pajjiż demokratiku Ewropew.

Ta’ dan kollu, l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu ħafna xi jwieġeb. Kull ma jagħmel Manuel Mallia, jsir bil-barka ta’ Joseph Muscat.

13.11.14

2.11.14

Il-gibda mhix demokratika.



1.      Pajjiżna fortunatament għandu f’postha sistema legali li fiha d-demokrazija hija l-ġebla tax-xewka tas-soċjetà tagħna.  Sfortunatament, però, mhux kull min iservi fl-istituzzjonijiet demokratiċi jifhem li għandu poter li jrid iservi mhux bħala dittatur iżda bħala serv fidil tas-soċjetà.  Il-poter għandu verament dawn iż-żewġ uċuħ.  Fuq naħa jservi ta’ ġid għan-nies, fuq l-ieħor ikabbar ras dawk li jkollhom il-poter f’idjehom.  Hemm qabża li ż-żminijiet jitolbu li numru ta’ persuni fil-politika għadhom ma ndunawx biha u jibqgħu jaqgħu fl-iżbalji passati.  Min għandu l-piż tar-responsabbiltà pubblika jrid jifhem li jista’ jħaddem dan fil-parametri li tagħtih id-demokrazija.  Irid jifhem li għandu kemm għandu poter f’idejh ma jistax jaħseb li t-tmexxija demokratika qegħda f’idejh biss.

2.      Id-dibattitu li beda nhar it-Tnejn fil-Parlament dwar il-kuntratt tal-Power Station, li suppost ġejja ġewwa Dellimara, beda jagħti sinjali ċari ta’ dak li ilna dawn l-aħħar xhur nosservaw quddiemna.  Il-Gvern jidher ċar li tilef triqtu f’dak li qal u ser iwettaq meta jkun fil-poter u dak li attwalment qiegħed jirnexxilu jagħmel.  Hemm sinjali evidenti li min għandu l-poter ikkonċentrat f’idejh inqata’ waħda u sew minn żewġ partijiet determinanti fil-ħajja politika.  L-ewwel inqata’ mill-poplu li vvutalu b’maġġoranza daqshekk qawwija; it-tieni mill-istess komponenti sħaħ tal-Partit Laburista.  Il-fatt li hemm maġġoranza elettorali daqshekk qawwija, il-fatt li hemm maġġoranza parlamentari daqshekk sproporzjonata qed iwasslu għal uħud biex jaħsbu li għandhom dritt divin imexxu u mhux qegħdin hemm għax qegħdhom il-poplu.

3.      Id-demokrazija parlamentari titlob dejjem li jkun hemm mexxejja li jħarsu ‘l quddiem, li għandhom il-kapaċità li jgħaqqdu u jservu.  Ma titlob però li jkollok persuna waħda jew ftit li jmexxu waħdehom u għal rashom mingħajr il-kunsens tal-bażi u tal-membri l-oħra.  Hawn iktar minn qabel mhux biss it-tendenza, iżda iktar minn hekk l-eżerċizzju tal-poter demokratiku minn  min qiegħed jimmaġina li għandu forma ta’ renju monarkiku.  Il-kawża interna ta’ dan qed nagħrfuh, però issa qed naraw aktar fil-beraħ l-effetti tagħha.  Id-dibattitu parlamentari wassal għal żewġ punti.  L-ewwel il-Gvern li ma jibżax jiċħad il-verità u anzi li jgħid il-kontra ta’ dak li huwa.  It-tieni li jagħżel b’mod iktar gravi li jidħol f’kampanja ta’ attakki vili u personali fuq il-membri tal-bank tal-Oppożizzjoni.  Huwa sintomu perikoluż tal-monarkiji li meta ma jkollhomx raġun u dahrom ikun mal-ħajt jirrikorru għal dawn il-metodi.

4.      Il-poplu matul din il-ġimgħa għamel numru ta’ domandi li l-Gvern preżenti qiegħed jaħrab milli jwieġeb.  Domandi li hemm bżonn li jingħataw risposti għax id-demokrazija hija bażata fuq il-verità tal-fatti.  Hija bażata fuq it-trasparenza ta’ dak li huwa għaddej u dak li qiegħed iwassal lill-Gvern biex jimxi fi triq jew oħra.  Aħna bnedmin mhux magni u huwa min-natura tagħna stes li l-affarijiet ma jiġux jew ma jsirux kif wieħed irid.  Biss hemm bżonn l-umiltà, l-għarfien u l-konoxxenza li wieħed jieħu żball u kull ma jrid huwa li jammettih, jistqarru quddiem u f’isem min qiegħed imexxi l-pajjiż.  Ngħid dan għax il-Gvern, mexxej politiku jikber mhux b’kemm għandu poter ikkonċentrat f’idejh, iżda bil-mod miftuħ li jersaq lejn il-problemi u wara jispjega lill-poplu.

5.      Il-pajjiż bilfors li jagħti każ tal-Power Station għax kien il-Partit Laburista stess li ġibidlu kontinwament l-attenzjoni.  Tlaqna b’kemm l-affarijiet ser isiru aħjar ladarba jkun fil-gvern għax ser jibnu l-Power Station.  Wara qalulna li t-tanker tal-gass huwa meħtieġ ġewwa l-port ta’ Marsaxlokk għax inkella ma jitlestiex fil-ħin il-proġett.  Wara ġejna infurmati li l-Electrogas u l-konsorzju Ċiniż, it-tnejn li huma ingħataw x’jifhmu li ser ikun tagħhom.  Wara, li l-Power Station li saret mill-BWSC u li tħammeġ hija lura u ser jaraw kif jibdluha.  Messaġġi li jikkuntrastaw lil xulxin.  Dak li sar mill-BWSC illum huwa aċċettat mill-istess Gvern li ma jħammiġx, ma huwiex magna tal-kankru, anzi huwa fattur li għen sabiex jiġu ffrankati l-ispejjeż li l-Gvern qiegħed jonfoq fil-ġenerazzjoni tad-dawl u huwa r-raġuni determinanti li ser iwassal għall-għeluq tal-Power Station l-antika tal-Marsa.

6.      Il-klima politika preżenti qegħda twassal sabiex is-sitwazzjoni dwar l-enerġija mhix ċara.  Il-messaġġi u d-dikjarazzjonijiet varji li saru mill-Gvern f’dawn l-aħħar sentejn skorruti ħawdu l-atmosfera sew.  Ħawduha għax illum ma nafux, l-ewwel, il-Gvern x’ser verament iwettaq, f’kelma oħra ser jibniha?  It-tieni, ma nafux meta ser iwettaq dan jekk ser tinbena.  It-tielet, ma nafux x’inhuma jew x’ser ikunu l-vantaġġi għalina f’bini ta’ power station ġdida.  Kien hemm kumplikazzjonijiet u konfużjonijiet li kontroversja politika ġġib qabel l-aħħar elezzjonijiet.  Il-poplu fehem li dak li sar mill-Partit Nazzjonalista kien ħażin, qed ikun kaġun tat-tnaqqis fis-saħħa tan-nies, li kien fattur ta’ żieda fil-kontijiet tat-tnaqqis tal-kontijiet tad-dawl.  Illum, sforz il-ħidma li saret mill-Oppożizzjoni qiegħed jirriżulta kompletament il-kontra.  Il-proġett Nazzjonalista kien u għadu tajjeb tant li ħaddieħor irid jixtrih, mhuwiex jikkaġuna ħsara fis-saħħa tal-bnedmin u qiegħed jiffrankalna b’miljuni tajba fil-konsum tad-dawl.  Il-poplu għandu dritt għall-verità.  Il-Partit Nazzjonalista, bħala wieħed li jemmen fid-demokrazija, huwa determinat li dan iseħħ għax il-gidba hija anti-demokratika.




MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...