30.10.14

Il-Gvern għandu jkun onest mal-impjegati tal-Air Malta



Il-Gvern għandu jieqaf jilgħab bil-futur tal-impjegati tal-Air Maltau jkun ones magħhom. Skont ir-rendikont finanzjarju tal-Air Malta waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-kumpanija u li nżammet ilbieraħ, l-Air Malta din is-sena għamlet telf ta’ 16.2 miljun ewro meta suppost kellha tagħmel profitt ta’ 3.2 miljun ewro. Dan meta sal-2012, il-pjan ta' ristrutturar kien qiegħed on track.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Turiżmu Robert Arrigo għamel referenza għal dak li ħareġ waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Air Malta waqt konferenza tal-aħbarijiet u li għaliha attendew ukoll il-Kelliema għall-Kompetittivita’ u t-Tkabbir Ekonomiku Kristy Debono u l-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali Aaron Micallef. 

Robert Arrigo qal li hu inaċċettabli li jkollok Gvern li waqt proċess ta’ ristrutturar, li kien miftiehem mill-Gvern preċedenti, b’konsultazzjoni anke mal-Oppożizzjoni li dak iż-żmien kienet immexxija minn Joseph Muscat, u maqbul mal-Kummissjoni Ewropea,  ikun hemm indħil politiku mill-Gvern f’din il-kumpanija. Jekk il-Gvern se jibqa’ miexi b’dan il-mod, l-Air Malta mhux se tlaħħaq mal-pjan li għandha u dan se jħalli impatt kbir fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Arrigo qal li l-Gvern Laburista għandu jwieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet li s’issa qed jibqa’ jagħżel li ma jweġibx u li l-poplu għandu dritt li jkun jaf. Fost oħrajn il-Partit Nazzjonalista, bħall-ħaddiema tal-Air Malta, qed jistaqsi jekk huwiex veru li l-Air Malta se tinbigħ, u jekk iva, liema parti ta’ din il-kumpanija se tinbigħ. Hu fakkar li l-Partit Laburista fil-Gvern m’għandux mandat elettorali biex ibigħ l-Air Malta u tenna li fid-diskors li l-Ministru responsabbli minn din il-linja tal-ajru għamel fl-AĠM tal-kumpanija, ammetta li f’dawn l-aħħar sentejn il-Gvern falla f’dan is-settur.

Il-Gvern Laburista għandu jieqaf iġib l-iskużi biex jiġġustifika l-falliment tiegħu fit-tmexxija tal-Air Malta u jammetti li l-pjan maqbul bejn il-Gvern u l-Kummissjoni Ewropea dwar ir-ristrutturar tal-Air Malta mhux sejjer kif ippjanat. Arrigo fakkar kif f’dawn l-aħħar xhur l-Air Malta impjegat 300 persuna iżjed u ingħataw promotions lil 17-il persuna li jammontaw għal 20,000 ewro fix-xahar iżjed fin-nefqa ta’ din il-kumpanija.

Kristy Debono saħqet fuq l-importanza tal-Air Malta u li s-settur turistiku qed isir aktar sinifikanti għal pajjiżna la darba l-kontribuzzjoni tiegħu qegħda dejjem tiżdied. Għaldaqstant hu importanti li nieħdu ħsieb dan is-settur billi nassiguraw li l-Air Malta tkun b’saħħitha u sostenibbli, sostniet Debono.

Kristy Debono appellat biex il-Gvern jispjega għalfejn il-pjan ta’ ristrutturar m’huwiex on track, kif ukoll biex ikun trasparenti mhux biss mal-ħaddiema tal-Air Malta iżda anke mal-poplu Malti u Għawdxi.  

29.10.14

It-telf tal-Air Malta żdied taħt Gvern Laburista.



Kuntrarju għall-impressjoni li qed jiprova jagħti l-Gvern, l-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta matul is-sena li għaddiet żiedet it-telf u mhux naqsitu.

Il-Partit Laburista, minkejja li l-amministrazzjoni kollha tiegħu bħalissa tinsab fiċ-Ċina, ħareġ jiddefendi malajr il-Gvern, u fi stqarrija qal li t-telf tal-Air Malta taħt il-Partit Laburista naqas bin-nofs.

Dan mhuwiex minnu. It-telf tal-Air Malta fl-2011 kien dak ta' 30 miljun ewro, fl-2012 kien ta' 13.7 miljun ewro. Issa taħt it-tmexxija tal-Gvern Laburista, u li kif indikat l-istess Chairperson tal-Air Malta, it-telf żdied għal 16-il miljun ewro.

Dawn il-fatti jfissru żewġ affarijiet :
  • taħt Gvern Laburista, t-telf tal-Air Malta flok naqas, żdied
  • taħt Gvern Nazzjonalista, l-proċess ta' ristrutturar tal-Air Malta kien on track, u l-uniku ħaġa li wasslet biex il-proċess imur off track hija l-bidla fil-Gvern.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis mhuwiex kredibbli meta jgħid li “l-Air Malta tħalliet taħdem b'mod seren.” L-Oppożizzjoni tfakkar lill-Ministru Zammit Lewis li taħt it-tmexxija tal-Gvern Laburista, diġa' kellhom jinbiddlu 3 CEOs u 3 Chairm
​e​

n.

29.10.14

Aġir anti-demokratiku li ma jagħmilx ġieh lis-soċjeta' Maltija



Dak li qal il-Ministru Manwel Mallia fil-Parlament nhar it-Tlieta li għadda, fejn bil-mod tiegħu hedded lil min jagħti informazzjoni biex jinkixef l-abbuż, il-vendikazzjonijiet u l-inkompetenza tal-Ministeru li hu jmexxi, ħadu lil pajjiżna fil-passat u f’perjodu iswed tal-politika Maltija.

Il-Kelliem għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Jason Azzopardi qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament fi Pjazza San Ġorġ fil-preżenza tal-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Alessia Psaila Zammit. Jason Azzopardi saħaq li l-Gvern m’għandux jiddejjaq li jkun hemm min ikollu l-kuraġġ jikxef il-ħażin bħalma huma abbużi u/jew korruzzjoni.

Kliem il-Ministru Mallia fil-Parlament jikkonfermaw dak li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tirrimarka dwar it-tmexxija inkompetenti tal-Ministru Mallia. Aktar minn hekk, dan l-aġir qed iġib fix-xejn il-Liġi tal-Whistleblower. Azzopardi żied jgħid li l-Gvern qed jibża’ mill-verita’ u qed iżomm il-verita’ milli toħroġ. Kien hawnhekk li fakkar dwar numru ta’ każijiet li juru ksur fil-liġi fl-aħħar xhur, fosthom
  • l-allegat twaqqif abbużiv ta’ proċeduri kriminali mill-eks Kummissarju tal-Pulizija,
  • l-arrest ta’ persuna innoċenti fuq akkużi ta’ hold-up
  • l-għibien ta’ żewġ tankers maqbudin b’ordni tal-Qrati minn taħt għajnejn l-Armata,
  • il-fatt li l-Korp tal-Pulizija spiċċawlu l-flus tal-overtime,
  • il-fatt li l-Korp fetaħ għassa bla permessi tal-MEPA,
  • il-fatt li ngħataw promotions lil tal-qalba fl-Armata mingħajr is-security clearance skond il-liġi u mingħajr rakkomondazzjoni skont il-liġi,
  • il-fatt li Pulizija tal-qalba qed jipprovdu protezzjoni lill-barranin li qed jiġu biex japplikaw għax-xiri taċ-ċittadinanza,
  • il-fatt li l-Gvern ta assistenza lill-barrani b'konnessjonijiet mal-Al Qaeda,
  • li ngħataw transfers vendikattivi fil-Korp tal-Pulizija, inkluż tnejn f'jum wieħed lill-istess persuna u erba' f'ġimgħa lil Maġġur,
  • u l-fatt li ġew ingaġġati Pulizija eks uffiċjali tal-Armata mingħajr taħriġ.

Minn naħa tagħha, Alessia Psaila Zammit qalet li hu inkwetanti li pajjiżna għandu Ministru tal-Gvern jitkellem b’dan il-mod. Politiku li m’għandu xejn x’jaħbi ma jagħmilx dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet għaliex ikollu moħħu mistrieħ li fil-Ministeru li hu jmexxi l-iskoretezza qed tiġi indirizzata. Alessia Psaila Zammit irreferiet ukoll għall-każ ta’ ġurnalist tat-Times, li fil-jiem li għaddew kien vitma ta’ tattiċi tal-bullying mill-Ministru Mallia meta dan għamel mistoqsijiet leġittimi dwar il-Ministeru li Mallia stess imexxi.

30.10.14

Il-Gvern għandu jwieġeb mistoqsijiet dwar wieħed mix-shareholders tal-konsorzju Electrogas.



Il-Gvern Laburista għandu jkun trasparenti u jwieġeb għall-mistoqsijiet li qed jagħmel il-poplu Malti u Għawdxi dwar il-bini ta’power station ġdida, b'mod speċjali issa li ġie żvelat li waħda mix-shareholders tal-konsorzju Electrogas, il-Gasol, għandha problemi finanzjarji kbar. Il-Gvern għandu jgħid ukoll

Il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament Mario de Marco qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet, flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino u mill-Inġinier u Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Mark Anthony Sammut.

Mario de Marco kkwota r-rapporti tal-awdituri tal-kumpanija Gasol li qalu li l-kumpaniaj qed tħabbat wiċċha ma' problemi finanzjarji kbar. Il-kumpanija Gasol għandha 30 fil-mija tal-konsorzju Electrogas li ntgħażel mill-Gvern biex jibni l-Powerstation il-ġdida, li skont kif wiegħed il-Gvern, se twassal biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl. Din il-Powerstation kellha tkun mibnija sa Marzu li ġej, iżda l-Prim Ministru ma żammx mal-wegħda tiegħu, u sal-lum, ħadd għadu ma jaf meta se jibda l-bini tal-Powerstation u wisq anqas meta din se titlesta.

Hu għalhekk li l-Oppożizzjoni qed tagħmel numru ta' mistoqsijiet li l-poplu għandu dritt li jkollu tweġiba għalihom. Mario de Marco staqsa jekk il-fatt li din il-kumpanija, li hi shareholder prinċipali ta’ dan il-konsorzju, mhux se jkollha flus biżżejjed, huwiex se jkollu impatt fuq il-proġett tal-power station. Hu staqsa ukoll jekk il-Gvern għamilx financial due dilligence ta’ Gasol, min kien responsabbli għal dan id-due dilligence, x’impat l-istat finanzjarju preżenti ta’ Gasol jista’ jkollu fuq dan il-proġett u fuq kollox jekk il-problema finanzjarja ta’ din il-kumpanija hijiex marbuta mal-fatt li ma tħallasx id-depożitu lill-Gvern Malti.

George Pullicino staqsa jekk illum, l-investituri humiex qed jemmnu li dan il-proġett huwa sostenibbli u fattibli kif kien jgħid li hu l-Partit Laburista. Pullicino fakkar kif Gasol kienet il-kumpanija magħżula mill-Gvern mingħajr sejħa għal tender għaliex il-Gvern ried jaġgħel il-proċess tal-bini ta’power station biex tkun lesta sa Marzu li ġej meta issa rriżulta li din il-wegħda ma kienet xejn ħlief gidba.

Mark Anthony Sammut fakkar kif il-Partit Laburista kien jitkellem dwar it-trasparenza iżda f’dan l-każ mhux qed jagħti rendikont lill-poplu ta’ x’qed jiġri.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jisfida lil Gvern biex ikun trasparenti u onest mal-popl. Il-poplu għandu kull dritt li jistaqsi u għal kull mistoqsija, jistenna tweġiba.

30.10.14

29.10.14

KAP B'DIREZZJONI--- Mario Rizzo Naudi



Il-Partit Laburista għandu ħabta jipprova jnessi l-passat tiegħu lill-poplu.  U biex jagħmel dan jew jgħawweġ il-fatti inkella jipprova jiskredita lill-Partit Nazzjonalista.  Ftit ġimgħat ilu prova   jpingiha li fil-Partit Nazzjonalista hemm xi konfoffa kontra l-kap tal-Partit Simon Busuttil. 
Irrid infakkar li l-kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ntagħżel bħala kap b’vot siġriet qawwi ħafna tad-delegati tal-partit, fi proċess trasparenti u demokratiku. Ma tqiegħedx hemm minn xi ħadd kif kien sar meta Karmenu Mifsud Bonnici kien sar kap tal-Partit Laburista fis-snin tmenin.
Illum il-Laburisti insew f’liema stat prekarju kienu wara t-telfiet elettorali tas-snin tmenin u disgħin.  Tant kellhom diżgwid bejniethom li biex irażżnu l-kritika kontra l-amministrazzjoni tal-partit kienu ħolqu bord li sejħulu l-Bord ta’ Viġilanza u Dixxiplina tal-Partit Laburista, li xogħlu kien li jsikket jew jagħmel sarima ma ħalq l-imqarbin.  Tiftakruhom dawk it-tliet membri ta’ dak il-Bord li tant kienu jidhru fl-aħbarijiet tas-Super One, qishom it-tliet slaten maġi? 
Il-PN wara l-aħħar elezzjoni ukoll kellu problemi u beda proċess ta’ tiġdid li r-riżultati tiegħu jibdew jidhru aktar ma jgħaddi ż-żmien.  M’għamilniex bordijiet ta’ viġilanża.  Anzi, ftaħna diskussjoni matura u trasparenti biex nanaliżżaw l-iżbalji li wassluna għal telfa elettorali. Fl-istess ħin bdejna nġeddu l-politika tagħna f’kull qasam biex noffru oppożizzjoni serja u kostruttiva bi programm alternattiv għall-ġid ta’ pajjiżna.  
Il-PN sab ukoll problemi finanzjarji bħal ħaddieħor iżda ma kellux propjeta’ pubblika li kienet inagħtat lilu fil-passat biex tagħmel tajjeb għall-iżbilanċ.  Għaldaqstant it-triq li Simon Busuttil u l-amministrazzjoni tal-Partit sabu ma kinitx waħda lixxa u d-delegati tal-partit jirrikonoxxu l-ħidma sfiqa li qed issir f’dan ir-rigward mill-amministrazzjoni tal-Partit immexxija mis-segretarju ġenerali Chris Said.
Fil-fehma tiegħi, pero’, il-Partit Nazzjonalista llum qed ikollu jħabbat wiċċu mal-konsegwenzi tal-liberta’ li jemmen fiha. Din il-liberta’ wasslet biex il-PN ma ddejjaqx jumilja ruħu u jammetti li għamel l-iżbalji meta kien fil-gvern, ħaġa li l-Partit Laburista qatt ma għamel dwar affarijiet ferm agħar li saru meta l-laburisti kienu fil-gvern.  Dan qed wassal biex illum qisha saret kultura normali li tikkritika lill-PN anke meta ma jkunx hemm fuqhiex, fil-waqt li dak li jagħmel il-PL, anke meta jkun ħażin, jinħeba taħt it-tapit il-ħin kollu u ħadd ma jsemmi xejn.  Sfortunatament araw x’qed jiġri meta jsiru l-abbużi taħt dan il-gvern; minflok issib kritika ħarxa, issib l-istess politiċi tal-gvern u ġurnalisti ħbieb tagħhom moħħhom biex jiġġustifikaw l-abbużi.
Dan hu proċess li finalment isaħħaħ lill-Partit Nazzjonalista.  Iżda rridu nkunu rejalistiċi.  Minflok noqgħodu nokorbu, jew li nistennew li fi żmien qasir jsiru l-mirakli, għandna  nibdew naħlu l-enerġija tagħna biex nipproponu r-riformi aħna stess, internament.  Fl-istess ħin nassiguraw li niflu mill-qrib l-operat tal-gvern, biex ma nħalluhx iwettaq l-abbużi.  Issa għidna biżżejjed li ma konniex qrib tan-nies, u llum kull wieħed u waħda minna qed nagħmlu minn kollox biex inkunu qrib il-ħin kollu tal-elettorat.
Simon Busuttil qed jirnexxilu jwettaq ir-riformi kemm fl-istrutturi kif ukoll fid-direzzjoni politika tal-partit.  U dan qed iseħħ b’konsultazzjoni sħiħa ma kull min hu involut fil-partit. Għalhekk hu mportanti li l-kontribut tagħna għandu jibda billi nwasslu l-messagg fl-istrutturi nterni tal-partit inniffsu. Din hija d-dixxiplina mistennija minn kull membru ta’ partit politiku.
Din id-dixxiplina ssaħħaħ it-tmexxija tal-partit u tkattar it-twettiq tar-riformi neċessarji. Naturalment, l-avversarji politiċi tagħna ma jieħdux gost b’dan u ma jitilfux okkażjoni biex jippruvaw ipinġu sitwazzjoni bil-maqlub.  Pero’ dan mhux se jaqtagħlna qalbna. Aħna konvinti mis-serjeta’, il-commitment u l-ispirazjoni tal-kap tagħna.

Simon Busuttil huwa kap b’direzzjoni, konvint u determinat.  U aħna lkoll ċerti li għad jasal iż-żmien meta l-ħidma tiegħu tagħti l-frott u l-PN jerġa’ jikseb l-appoġġ tal-maġġoranza tal-poplu b’Simon jieħu postu bħala Prim Ministru futur ta’ pajjiżna.  

Joseph Muscat għandu jieqaf jidħaq bin-nies.



Aħbar wara l-oħra qed tikkonferma kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed jidħaq bin-nies. Wara l-gidba b'rabta mal-bini tal-Power Station, meta baqa' jsostni sal-aħħar li kollox kien “on track”, issa Muscat se jkun qed jagħti 58c bħala żieda tal-għoli tal-ħajja.

Dan qalu l-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jieqaf jidħaq bil-poplu Malti u Għawdxi. “Huwa ta' insult li filli tgħid li l-ekonomija miexja tajjeb, u filli tħabbar li se tkun qed tagħti biss 58c lill-familji Maltin u Għawdxin,” qal Tonio Fenech. Hu fakkar li ċ-ċifra ta' 58c hija n-nofs tal-ammont li ngħata lill-poplu Malti u Għawdxi erba' snin ilu meta Joseph Muscat niżżel in-nies fit-toroq biex jiprotestaw.

Dwar dan, il-Ministru Fenech fakkar li l-Partit Nazzjonalista diġa' għamel appell lill-Gvern biex minnufih iraħħas dawn il-prezzijiet. Hu fakkar li l-prezz internazzjonali taż-żejt illum jinsab fl-istess livell li kien fih f'Settembru 2010. “L-uniku differenza hi li l-prezz li l-poplu Malti qed iħallas għad-diesel hu ta' 30c aktar, u għall-petrol 22c aktar. Din hija taxxa u għalhekk mhux aċċettabli, u l-Gvern għandu jraħħas dawn il-prezzijiet minnufih,” sostna Tonio Fenech.

Tonio Fenech spjega kif bejn l-2008 u l-2012, il-ħaddiema u l-pensjonanti Maltin ingħataw medja ta' 3.84 ewro fil-ġimgħa bħala żieda skont l-għoli tal-ħajja. Dan ifisser medja ta' 200 ewro fis-sena. Is-sena d-dieħla, għal kuntrarju, iż-żieda għall-għoli tal-ħajja se tkun biss ta' 30 ewro f'sena sħiħa.

Minn naħa tiegħu, l-Kelliem għall-Impjiegi u l-Persuni b'Diżabilita' Stephen Spiteri spjega kif bosta familji mhux qed ilaħħqu mal-ħajja u għalhekk, iż-żieda minima ta' 58c hija redikola. Hu spjega kif fl-aħħar xhur, il-bejgħ mill-ħwienet naqas sew u sostna li biex l-ekonomija terġa' tibda tirpilja hemm bżonn azzjonijiet aktar drastiċi.

Stephen Spiteri spjega kif filwaqt li l-poplu Malti se jkun qed jieħu biss żieda ta' 58c fil-ġimgħa, l-Gvern ta' Joseph Muscat introduċa numru ta' taxxi ġodda li jammontaw għal ferm aktar minn 58c fil-ġimgħa. Fost dawn wieħed isib iż-żidiet fit-tariffi tal-eżamijiet tal-MATSEC, iż-żidiet fit-tariffi tal-liċenzji tas-sewqan, iż-żidiet fil-prezzijiet tal-eżamijiet tal-liċenzji tas-sewqan, miżati fis-settur edukattiv, iż-żieda fil-prezz tal-gass, kif ukoll l-insistenza li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel jibqgħu għoljin meta l-prezz internazzjonali taż-żejt qed jitbaxxa u laħaq livelli baxxi ħafna. Hu esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li filwaqt li l-familji Maltin se jingħataw biss 58c fil-ġimgħa, l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi qed tingħata 3,250 ewro fl-istess perjodu.

Fl-aħħarnett, Tonio Fenech qal li l-Gvern, fil-budget li jmiss għandu jassigura li l-ħaddiema u l-pensjonanti ma jmorrux lura iżda 'l quddiem. “Dan jista' jagħmlu billi jnaqqas it-taxxa fuq id-dħul u jagħti kumpens rikorrenti lill-ħaddiema li ma jħallsux taxxa, kif ukoll lill-pensjonanti,” appella Tonio Fenech.

23.10.14

Il-Gvern qed joħloq dipendenza soċjali fuqu nnifsu.



Il-Gvern Laburista qed iżid id-dipendenza ekonomika fuqu biż-żieda ta’ impjiegi mal-Gvern u bin-nefqa bla rażan. Dan qed iwassal sabiex pajjiżna mhux qed ikollu tkabbir sostenibbli iżda tkabbir artifiċjali. F’termini ekonomiċi dan m’huwiex tkabbir vijabli u qed iwassal sabiex jinħoloq żbilanċ fil-pajjiż li fil-futur jaf joħloq problemi serji.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, Tonio Fenech qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali u li fiha ta l-ewwel reazzjonijiet tiegħu għad-dokument ta’ qabel il-baġit li ppreżenta l-Gvern. Fenech fisser kif bil-passi li qed jieħu l-Gvern qed joħloq aktar dipendenzi milli opportunitajiet. Hu ikkonferma li l-Gvern qed joħloq it-tkabbir ekonomiku li qed jitkellem dwaru iżda meta wieħed iħares lejn iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika hemm tħassib serju dwar kif qed isir dan it-tkabbir. Dan għaliex it-tkabbir tal-Gvern hu riflessjoni tan-nefqa bla rażan u żieda kbira ta’ nies li daħlu jaħdmu mal-Gvern f’din il-leġislatura. L-istatistika turi biċ-ċar li fi tlettax-il xahar ta’ Gvern Laburista, il-Gvern daħħal 3,700 persuna ġdida fis-settur pubbliku; ekwivalenti għal għaxar impjiegi ġodda kuljum mill-Gvern mal-Gvern. F’termini aktar sempliċi, nofs il-ġid li qed jinħoloq qed jinħoloq mill-Gvern u dan għaliex iż-żieda ta’ aktar ħaddiema mal-Gvern qed tagħmel l-ekonomija ikbar.
Fid-dawl ta’ dan il-fatt, Fenech saħaq fuq l-importanza li nżidu l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ pajjiżna. Bil-mod ta’ kif qed imexxi l-Gvern, id-dejn tal-pajjiż qed ikompli jikber la darba l-Gvern qed jonfoq iktar biex ikabbar l-ekonomija li tiddependi fuqu. Dan m’huwiex il-mod ta’ kif Gvern serju għandu jmexxi l-finanzi tiegħu, sostna Tonio Fenech.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni tenna li għalkemm kien hemm żieda fis-settur privat, din iż-żieda m’hijiex biżżejjed u l-Gvern qed jiġġustifika dan b’żieda fl-impjiegi mas-settur pubbliku. Fenech għamel referenza għas-settur tal-manifattura li sejjer għall-agħar xahar wara l-ieħor. Għaldaqstant wieħed kien jistenna li fid-dokument ippreżentant, il-Gvern kien se jindirizza dan is-settur biex jerġa’ jagħti spinta lil dawn in-negozji. L-istess jgħodd għall-bejgħ fil-ħwienet li skont l-aħħar statistiċi qed ikompli jonqos u l-Gvern għandu jara kif se jinċentiva dan is-settur tant importanti.

Fenech tkellem ukoll dwar id-defiċit ta’ pajjiżna li bħalissa hu 210 miljun ewro. Id-dejn żdied b’400 miljun ewro. Tonio Fenech appella lill-Gvern u lill-Ministru Scicluna biex ma jilgħabx bid-defiċit ta’ pajiżna u ħeġġeġ lill-Ministru sabiex jżomm mal-miri finanzjarji skont il-figuri oriġinali li kien tkellem dwarhom.


02.10.2014

Taxxa bil-moħbi fuq l-edukazzjoni.



Il-Gvern ta' Joseph Muscat introduċa taxxa ġdida fuq l-edukazzjoni. Għall-kuntrarju ta' kif issoltu jimxi dan il-Gvern, li għal kull ħaġa jsejjaħ lill-ġurnalisti u l-kameras għal konferenza tal-aħbarijiet, iż-żidiet fil-miżati tal-eżamijiet tal-MATSEC inżammu moħbija, u kellha tkun il-media li tinforma lill-pubbliku b'dawn iż-żidiet.

F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Edukazzjoni Joe Cassar esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-Gvern għażel li jintroduċi taxxa fuq l-edukazzjoni, u żied il-piż finanzjarju fuq l-istudenti u l-familji tagħhom.

Joe Cassar sostna li l-Partit Nazzjonalista huwa favur li s-sistema li tamministra l-MATSEC tissaħħaħ u tiġi ffinanzjata b'mod aħjar. “L-istudenti u l-familji tagħhom iridu li tissaħħaħ is-sistema iżda żgur li ma jaċċettawx il-fatt li jkunu huma li jħallsu aktar għal dan, meta hemm eluf ta' ewro li qed imorru fil-bwiet tal-Ministri, n-nisa tagħhom, u Deputati tal-Gvern li għandhom diversi rwoli,” sostna Joe Cassar.
Il-Kelliem tal-Edukazzjoni spjega kif familja b'żewġt itfal li se jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC issa jridu jħallsu 140 ewro aktar.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista staqsa wkoll ma' min saret konsultazzjoni dwar dawn iż-żidiet. Hu fakkar li l-għaqdiet tal-istudenti kollha esprimew id-diżappunt tagħhom li ma ġewx ikkonsultati dwar dawn iż-żidiet fil-miżati. Joe Cassar talab lill-Ministru Evarist Bartolo biex jippubblika kull tip ta' studju li sar qabel ma daħlu fis-seħħ dawn iż-żidiet. “Lanqas ħaġa li seta' jagħmel il-Gvern qabel jintroduċi miżati bħal dawn hu li jagħmel Social Impact Assessment. Dan għandu jiġi ppubblikat minnufih,” sostna Joe Cassar.

Minn naħa tiegħu, l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri spjega kif din iż-żieda mhijiex waħda ta' għażla, iżda obbligatorja. “L-eżamijiet qegħdin hemmhekk u huma pass naturali fil-proċess tal-edukazzjoni. Illum-il ġurnata, l-istudenti ma jpoġġux għal eżami wieħed jew tnejn, iżda l-maġġoranza tagħhom jpoġġu għal medja ta' 8 eżamijiet jew aktar kull sena,” sostna Justin Schembri.

Justin Schembri esprima l-ħsibijiet tiegħu li din iż-żieda taf twassal biex studenti li l-familji tagħhom ma jkunux jifilħu jħallsu dawn iż-żidiet, jispiċċaw biex ma jpoġġux għal eżamijiet li forsi ma jkunux daqshekk importanti.

23.10.14.

Rating pożittiv iżda hemm bozoz ħomor mixgħula.



Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-kumpanija ta’ Credit Rating Moody’s li tikkonferma l-qagħda ta’ pajjiżna bħala waħda stabbli. Fid-deċiżjoni tagħha Moody’s tgħid li qed tagħti rating stabbli b’mod partikolari grazzi għall-prestazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna, li ħareġ b’saħħtu mil-kriżi, kif ukoll grazzi għat-tkabbir pożittiv b’mod partikolari fil-qasam tat-turiżmu u s-servizzi, b’mod partikolari s-servizzi finanzjarji.

L-istess stqarrija ta’ Moody’s tkompli tixkef l-ingann ta’ Muscat fuq il-Power Station. Filwaqt li l-Prim Ministru jibqa’ jgħid li l-posponiment hu biss ta’ ftit xhur, Moody’s tgħid li l-proġett tal-Electrogas għadu biss fil-fażijiet inizjali.

Il-Partit Nazzjonalsita jinnota wkoll bit-tħassib ix-xettiċiżmu ta’ Moody’s dwar il-ħidma tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija, fejn Moody’s turi dubji dwar kemm ir-riformi li suppost qed isiru se jwasslu għar-riżultati finanzjarji mwiegħda  b’mod li l-Enemalta tiffinanzja r-roħs fit-tariffi.

Dan huwa aktar ta’ tħassib meta meħud fil-kuntest tal-fatt li għal aktar minn darba fir-rapport tagħha, Moody’s tiġbed l-attenzjoni għaż-żieda kbira fid-dejn ta’ pajjiżna, li taħt Gvern Laburista żdied bi 3 miljun ewro kuljum.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li hemm numru ta' bozoz ħomor mixgħula li l-Gvern ma jistax jibqa' jinjora. Dawn jinkludu t-tnaqqis drastiku fl-esportazzjoni u l-importazzjoni kif ukoll it-tnaqqis fil-bejgħ mill-ħwienet.

28.10.14

Gvern Laburista żied id-dejn fuq il-familji bi 3 miljun ewro kuljum.



Il-Gvern ta' Joseph Muscat żied id-dejn fuq il-familji Maltin u Għawdxin bi 3 miljun ewro kuljum fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati lbieraħ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna.

Din l-istatistika turi kif fuq perjodu ta’ sitt xhur biss, il-Gvern irnexxilu jgħabbi lil-pajjiżna b’aktar minn nofs biljun ewro f’dejn ġdid. Dan l-iżvilupp iħasseb serjament lill-Partit Nazzjonalista dwar il-futur tal-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna. Is-saħħa tal-finanzi ta’ pajjiżna hija fattur importanti biex Malta tibqa’ attraenti għal investiment produttiv li joħloq il-postijiet tax-xogħol.

Fl-aħħar snin, pajjiżna kien iddejjen mingħand il-familji Maltin u Għawdxin u r-riżultat ta’ dak is-self huwa investiment sostanzjali fi proġetti kapitali li pajjiżna għadu jgawdi minnhom sal-lum, minn skejjel sa sptarijiet ġodda, minn ajruport sa toroq arterjali ġodda kif ukoll f’impjanti li jtejbu l-kwalità tal-arja u l-baħar ta’ pajjiżna.

Għall-kuntrarju, il-Gvern ta' Joseph Muscat m’għandux x’juri għal dawn it-3 miljun ewro kuljum li qed jonfoq, ħlief għall-ħolqien ta’ mijiet ta’ impjiegi ġodda u żieda ta’ salarji għal tal-qalba u għall-ispejjeż operattivi tal-Gvern bl-akbar Kabinett fl-istorja. Fl-istess perjodu, biex ipatti għall-infiq żejjed tiegħu, ħalla lill-poplu Malti jħallas l-petrol u diesel bl-għoli minkejja li l-prezz taż-żejt niżel fl-aktar livelli baxxi ta’ dawn l-aħħar 5 snin.

Joseph Muscat innifsu kien wiegħed li se jkun qed jikkontrolla l-infiq tal-Gvern. L-istatistika tal-NSO tikkonferma kemm dak li qal Muscat mhuwiex minnu. Dan huwa sinjal ieħor ta' kemm lil Muscat, ħadd ma jista' jemmnu.

F’dan il-kuntest, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lil Gvern jispjega għalfejn għadu qed jgħabbi lill-familji Maltin u Għawdxin b'dan id-dejn li qed inawwar l-istabilita' ekonomika u finanzjarja li pajjiżna għandu bżonn biex jattira l-investiment u joħloq ix-xoghol.
22.10.14.

Joseph Muscat lanqas fuq il-pagi u l-pensjonijiet ma jista' jitwemmen.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jista' jitwemmen f'xejn, lanqas fuq il-pagi u l-pensjonijiet.

Il-Prim Ministru ma jistax jitwemmen fuq il-pagi meta qabel sar Prim Ministru għamel il-protesti fit-toroq kontra żidiet ogħla minn t'issa u wiegħed li se jżid il-pagi sostanzjalment għal living wage, imma issa qed jilgħab biċ-ċifri u l-ewwel intqal li ż-żieda se tkun ta' €1.16 u mbagħad qed jingħad li se tkun €0.58.

Ma jitwemminx lanqas il-Prim Ministru Muscat fuq il-pagi u l-pensjonijiet għax waqt li hawn taħwid kemm se tkun iż-żieda li se jagħti, qed jiċċarġja lill-familji Maltin prezzijiet għoljin għall-fuels; fil-każ tal-petrol 24c ogħla minn kif kien il-prezz tiegħu meta l-prezz taż-żejt kien fl-istess livell tal-lum, u fil-każ tad-diesel 30c ogħla. Il-Gvern Laburista qed jibgħat ukoll lill-pensjonanti jixtru l-mediċini li suppost jipprovdilhom b'xejn.

Ma jitwemminx lanqas il-Prim Ministru Muscat meta għadu kif għamel Deputat tiegħu stess, Carmelo Abela, kelliem tiegħu biex jagħti l-aħbar taż-żieda ta' €0.58 fil-pagi u fil-pensjonijiet meta l-istess Carmelo Abela se jkun qed idaħħal 58,000 ewro fis-sena; għall-ħaddiema 58 cents, għal tal-qalba 58,000 elf ewro.

Jekk huwa veru li l-mekkaniżmu tal-COLA qed jindika żieda ta' €0.58c, fil-baġit il-Gvern għandu jagħti kumpens lill-familji KOLLHA għall-piżijiet li hu stess qed jitfa' fuq il-familji Maltin f'petrol u diesel ogħla u f'taxxi oħrajn moħbijin bħat-taxxa fuq l-edukazzjoni biż-żieda fil-miżati tal-eżamijiet.
27.10.14



Il-Prim Ministru gideb ukoll dwar il-pagi.



Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jerġa' jinqabad f'gidba oħra kbira, apparti l-gidba li jirriżenja jekk ma jlestix power station oħra sa ħames xhur oħra. Issa nqabad li gideb ukoll fil-kampanja kbira li għamel fl-oppożizzjoni fuq il-faqar, il-pensjonijiet, is-servizzi soċjali u l-living wage.

Fil-ħames snin bejn l-2008 u l-2013, il-paga medja f'Malta żdiedet b'2,640 ewro minkejja li d-dinja kienet għaddejja mill-agħar kriżi ekonomika f'mitt sena. Fl-istess ħames snin, il-pensjonanti gawdew iż-żieda sħiħa li kienet medja ta' kważi 4 ewro fil-ġimgħa.

Fl-istess waqt, imma, Joseph Muscat kien qed jgħid li jneħħi l-faqar billi jintroduċi l-living wage, jiġifieri paga li tkun ferm ogħla minn mill-paga minima, u li jżid il-pensjonijiet u s-servizzi soċjali b'ammonti sostanzjali ħalli 'jeradika' l-faqar.

Issa, l-istess Joseph Muscat qed jilgħab biċ-ċifri u l-ewwel jgħid li ż-żieda se tkun €1.16 fil-ġimgħa u mbagħad jgħid li se tkun €0.58. Dawn iż-żidiet għadhom kemm ġew deskritti mill-Alleanza Kontra l-Faqar bħala 'miżeri'.

Dan waqt li l-Ministri u d-Deputati Laburisti u l-qraba tagħhom qed jiffangaw f'pagi fenomenali. Il-mara tal-Ministru li jgħid li xirja ta' ġimgħa għand is-supermarket tiswa 25 ewro qed taħtaf 13,000 ewro fix-xahar. Il-familja tad-Deputat Laburista Silvio Schembri għandha tmien karigi. U l-aħħar eżempju ta' ffangar Laburista hu mid-Deputat Laburista Carmelo Abela li qed jaħtaf 1,115 ewro fil-ġimgħa.

Lil dal-Prim Ministru ma jista' jemmnu ħadd f'dak li jgħid. Joseph Muscat la żamm il-kelma li ta sena wara l-elezzjoni f'Dissett tas-6 ta' Marzu li għadda u lanqas ma żamm il-wegħda tal-living wage.

24.10.14

Il-Partit Popolari Ewropew se jlaqqa Konvenzjoni straordinarja f'Malta

 

Il-Partit Popolari Ewropew se jlaqqa' Konvenzjoni straordinarja f'Malta fl-ewwel nofs tas-sena 2017.

Dan tħabbar illum fi tmiem laqgħa tal-Kapijiet tal-Partit tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussell li għaliha kien preżenti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Il-Konvenzjoni straordinarja tal-PPE se tissejjaħ f'Malta fuq talba tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tħabbret fi tmiem negozjati li fihom ipparteċipa direttament Dr. Simon Busuttil.

Għal din il-Konvenzjoni se jkunu preżenti f'Malta il-Kapijiet tal-partiti politiċi li huma membri tal-Partit Popolari Ewropew fosthom il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy, il-Prim Ministru tal-Greċja Antonis Samaras u Prim Ministri oħra minn pajjiżi bħall-Polonja, il-Portugall, il-Fillandja, l-Ungerija, il-Lavja u l-Irlanda.

Għall-Konvenzjoni tal-Partit Popolari Ewropew huwa mistenni li jattendu mal-1,000 delegat tal-PPE minn madwar l-Ewropa kollha.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-ahbar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr. Simon Busuttil laqa' b'sodisfazzjon kbir id-deċiżjoni tal-Partit Popolari Ewropew li jlaqqa' Konvenzjoni straordinarja f'Malta.

Dr Busuttil qal: "Din hija l-ewwel darba li l-Partit Popolari Ewropew se jsejjaħ Konvenzjoni fuq din l-iskala f'Malta u dan sar fuq insistenza tal-Partit Nazzjonalista. B'dan il-ġest, il-Partit Nazzjonalista se jġib f'Malta bosta mexxejja Ewropej fi żmien meta Malta jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea."

Huwa żied jgħid li "anke mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista għadu rispettat ferm fi Brussell u huwa kapaċi jipperswadi lil ħaddieħor fl-aħjar interess ta' pajjiżna."

Dr. Busuttil qal li d-deċiżjoni ta' llum ittieħdet wara ħidma intensiva mill-Partit Nazzjonalista li ilha għaddejja sa mis-sajf li għadda, filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom, fosthom is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, is-Segretarju Internazzjonali Trevor Degiorgio, l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia kif ukoll numru ta' uffiċjali tal-Partit f'Malta u fi Brussell.

Għat-taħdidiet fi Brussell, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa.

23.10.14

PN's position on abortion and euthanasia remains the same



The PN unequivocally states that there is no cause for concern on its position on abortion and euthanisia because it remains unchanged, 
 that is in favour of life.


During this weekend's General Convention, a suggestion was made by one of the participants calling upon the party to be fully informed about 
various social issues in order to be prepared should they ever arise. This would enable the party to discuss the issue in an informed and mature manner rather than be caught unprepared.

This was the sole point of the 
suggestion and not to change the party position.


28.10.14

25.10.14

Fejn ser nispiċċaw?



1.      Il-pożizzjoni politika f’dawn l-aħħar ġimgħat kompliet tinbidel.  Sfortunatament is-sitwazzjoni għal pajjiżna mhix bl-istess saħħa u direzzjoni tajba.  Il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista issa qiegħed imiss mar-realtà tal-affarijiet u qiegħed jidħol għall-eżamijiet li l-eventi jqegħduh fihom.  Hemm uħud li għadda minnhom, però hemm uħud oħra li weħel fihom.  Weħel b’mod u manjiera li wieħed fuq naħa jinkwieta ruħu għalihom u fuq in-naħa l-oħra serjament jittama li jinbidlu.  Dan huwa l-pajjiż tal-Maltin u l-Għawdxin kollha u naħdmu u naqdfu lkoll biex nimxu ‘l quddiem.  Il-fatt li aħna fil-bank tal-Oppożizzjoni ma jfissirx li aħna ma ngħinux biex isir is-sewwa, u wisq u wisq inqas li ser nieħdu pjaċir b’dak li huwa żbaljat.  Dak li qiegħed isir ħażin illum ma jinbidilx għax ma jibqax l-istess gvern, iżda b’miżuri oħra li lkoll nafu kemm jafu jkunu diffiċli u kumpliikati biex iseħħu.

2.      Xogħolna skont il-Kostituzzjoni jibqa’ dak li nidhru man-nies sabiex nuru dak li għaddej ħażin.  Naħdmu fil-Parlament u barra sabiex dawk li jistgħu jibdlu, jibdlu fit-triq it-tajba.  Jekk hemm min qiegħed jieħu għalih mhux qiegħed jifhem li dak huwa dmirna.  Dak li ngħidu, dak li nwettqu mill-Oppożizzjoni qiegħed isir biex il-pajjiż jimxi kif għandu.  Ninkwetaw meta naraw li diversi mill-wegħdiet elettorali li saru mhux talli mhumiex iseħħu, talli qiegħed iseħħ il-kontra tagħhom.  Hemm parti sw mill-poplu li qed tħoss ir-realtà ekonomika u soċjali tal-ġurnata li qed tweġġagħha.  Nafu dan minn dawk li huma fil-parti t’isfel jew dak li jħossuhom niżlin ‘l isfel fis-soċjetà.

3.      Gvern ma jistax ikun perfett però jżid fl-impreċiżjonijiet tiegħu meta għalkemm ikollu stat mhux tant tajjeb f’idejh, flok jipprova jirranġa, jwebbes rasu.  Iwebbes rasu f’żewġ toroq: l-ewwel, milli jibda jaħrab mill-problema u jikkonvinċi ruħu li dak li hemm ma jeżistix; u t-tieni billi jagħlaq kull bieb għal xi forma ta’ djalogu kostruttiv.  Ngħid dan għax għada fil-Parlament nibdew u ngħalqu dibattitu importanti dwar dak li l-Gvern qiegħed jgħid fuq is-settur tal-enerġija elettrika.  Saru diversi wegħdiet u ngħad ħafna diskors fuq dak li kien ser iwettaq u jagħmel qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali u wara li issa jidher ċar li mhuwiex sejjer isir.  Għalkemm hemm min jista’ jaħseb li dan qiegħed isir fuq is-sempliċi raġuni li l-Gvern qiegħed imur lura mit-termini li intrabat huwa stess li jżomm, fir-realtà id-dibattitu jmur ferm iktar ‘il bogħod minn dan.  L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ser tkun qed tiffoka fuq is-settur kollu.  Ser tħares u tistaqsi f’dibattitu liberu u kostruttiv dak li sewwasew qiegħed jiġri.

4.      Il-Gvern jidher ċar li ħa deċiżjonijiet varji.  Deċiżjonijiet li ma ġewx spjegati.  Daħal fi ftehim li ma ppubblikax.  Ħeba u għadu qiegħed jaħbi dak li minflok għandu jersaq quddiem u jispjega.  Ma’ kull ġurnata qed niskopru problemi li qabel ma kienx hemm.  Qed naraw li hemm mossi li flokser iwasslu sabiex ikollna sigurtà u moħħna mistrieħ minn dak li ġej għalina bħala pajjiż, ser insibu l-kontra.  Huwa minnu li hemm il-gravità li kien il-Prim Ministru nnifsu li daħal fin-nofs u diġà hemm min qiegħed jinnota diskrepanzi bejn dikjarazzjonijiet tal-bieraħ u dak ta’ llum, però f’dan il-mument il-prijorità hija t-trasparenza u informazzjoni ċara.  Dak li huwa ħażin ser ngħiduh u nippretendu li l-Gvern jieħu l-passi neċessarji sabiex jibdlu u fl-istess ħin ikun proattiv u dak li jidher li qed imur lura jġibu ‘l quddiem.

5.      Diversi fil-pajjiż qed jibdew jistaqsu, ġustament, fejn aħna sejrin.  Għandna din il-kwistjoni tal-power station li ġiet posposta u kkumplikata fix-xejn.  Għandna t-trasport pubbliku li qiegħed il-ħin kollu jikkumplika ruħu fin-nuqqasijiet ta’ kull ġurnata f’mobilità u telf ta’ ħin tax-xogħol.  Hemm diversi li qed jistaqsu sewwasew x’qiegħed isir fil-MEPA, b’Awtorità li baqgħet ma nfirditx, b’politika li ġiet waħda ta’ approvazzjoni ta’ kollox.  Hemm ukoll il-fatt li bqajna ma ċċaqlaqniex għall-bini tal-Parlament il-ġdid bil-kumplikazzjonijiet legali kollha li ġejjin.  Biex wieħed ma jsemmix ukoll dak li għaddej fl-Airmalta, b’persuni ta’ kmand jibgħatu messaġġi li huma dijametrikament opposti.

6.      Nifhmu li l-burdata hemm barra mhix waħda li ser ittellef lill-Gvern il-maġġoranza li għandu.  Però hemm iktar u iktar mill-elettorat ta’ kull naħa li qiegħed jistaqsi x’inhuwa jiġri.  Il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jiġġieled ma’ diversi setturi, però almenu kien kapaċi jmexxi ‘l quddiem l-affarijiet ġenerali tal-Istat.  Kien kapaċi jamministra ferm aħjar minn dak li qiegħed jiġi amministrat illum.  It-tama tagħna kienet li dan il-Gvern Laburista jieħu t-tajjeb li għamilna u jibni fuqu.  Minflok qed naraw li sfortunatament beda billi kisser kollox u llum flok qed jibni fuq dak likien hemm, hemm jibni mill-ġdid ħażin.  Waqt li qed naraw dawn l-affarijiet iseħħu quddiemna, ta’ Oppożizjoni responsabbli bilfors nistaqsu x’qed jiġri sewwa u fejn ser nispiċċaw finalment.  Nittamaw għas-sewwa, għalkemm fil-preżent qed naraw kompletament il-kontra.


18.10.14

Għamilna l-ġid.



1.      Ser fl-aħħar nibdew minn għada s-seduti parlamentari.  Hemm diversi liġijiet pendenti fuq l-aġenda li għad irridu naraw, niddibattu u nivvutaw fuqhom.  Dan il-Gvern għandu għad-dispożizzjoni tiegħu kwantità kbira ta’ xogħol li sar minn leġislatura preċedenti.  Ħidma li għandu l-għażla jew li jaħdem fuqha u jimxi ‘l quddiem, inkella li jħalliha fejn hi.  Niddejqu naraw diversi biċċiet jitkissru.  Nieħdu pjaċir naraw li jkompli jsir progress.  Hemm min fost l-Eżekuttiv li qiegħed japprezza dak li ħallejna.  Ħaddieħor moħħu biss biex ikerraħna.

2.      Il-propaganda li kienet qegħda ssir b’ħafna suċċess fil-bidu ta’ din il-leġislatura, illum qegħda titlef mis-sustanza tagħha.  Titlef għax f’dawn l-għoxrin xahar ta’ dan il-Parlament, il-poplu beda issa jqabbel bejn tmexxija u oħra.  Il-poplu li jaħseb, li jinfluwenza u jirraġuna jaf li ebda gvern ma jiġi u jagħmel biss ħażin u ieħor il-kontra.  Għalhekk kien hemm bażi li serviet lill-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li jipprova jiddemonizza dak kollu li sar minn gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista.  Dik il-karta ħadmet, però llum m’għadhiex tista’ għax fid-deċiżjonijiet li issa bilfors qed ikollhom jiġu meħuda hemm min issa jqis bejn il-kliem u l-fatti.

3.      Wieħed jifhem dejjem iktar li l-kampanji ddisprati li saru mill-Partit Laburista kienu għalihom neċessarji biex jippruvaw jagħmlu: l-ewwel, distinzjoni bejniethom u bejnna; u t-tieni, biex jipperswadu l-kontra ta’ dak li kien qiegħed isir.  Kien hemm min ma setax jitkellem fuq diversi miżuri tajba li kienu qed isiru biex il-Partit Laburista ma jkissirhomx bil-magna denigratorju li kien irnexxielu jibni.  Biss, altru dak li jingħad u altru dak li huwa, fuq żewġ livelli prinċipali.  L-ewwel, issa li l-Partit Laburista qiegħed fil-gvern qiegħed isib ruħu fid-diffikultà u l-kumplikazzjoni li jsarraf id-diskors, il-wegħdi u l-proposti bażati fuq il-ħolm li kien għamel mar-realtà tal-ġurnata.  It-tieni, għax dak li ngħad li l-istat tal-affarijiet hu, issa diversi qegħdin isibu li mhuwiex minnu.  Qalu li l-proposti li l-Partit Nazzjonalista kien għamel kienu ħżiena, mentri issa qed isibu li fil-fatt kellhom tort.

4.      Hemm diversi ministri li qegħdin f’din id-diffikultà.  Altru x’qal il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, u altru llum x’irid jiġi effettivament implimentat.  L-agħar f’dan mhuwiex tant din il-kumplikazzjoni li twieldet mir-realtà tal-kampanja tal-wegħdi jew ta’ “għid iva” għall-kontra, iżda aħna bħala partit fl-Oppożizzjoni x’qegħdin naraw.  Hemm ir-realtà li ħafna mill-ħidma li saret meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern kienet tajba.  Però l-propaganda li saret mill-partit oppost ġiebet diversi llum li jiddubitaw dak li sar jew emmnu dak li min ried ikerraħna qal.  Iktar ma jgħaddu l-ġranet, iktar qiegħed joħroġ li hemm ħafna xogħol li hemm bżonn li niddefendu u mhux aħna stess li għamilnieh narmuh jew niddubitaw minnu.

5.      Meta tara dak li hu għaddej u tifhem iktar ma’ dawk li jaħsbu, qed joħroġ ċar li ħafna qed joħorġu mid-diskors tal-Partit Laburista u jidħlu fir-realtà ta’ kull ġurnata.  Min għandu rasu fuq għonqu, anke jekk ma vvutax għalina jifhem dejjem iktar dan kollu.  Hawn issa reazzjoni li qed tifforma ruħha li aħna, bħala Partit Nazzjonalista, m’aħniex nirreaġixxu mill-ewwel għaliha.  Hemm deċiżjonijiet li ġew meħuda li ħafna jimmaġinaw li kienu ħżiena jew li huma hekk u ftit jagħtu l-opportunità jew l-ispazju biex wieħed ikun jista’ jispjegahom.  Ma konniex gvernijiet inkompetenti, wisq inqas traskurati jew non-professjonali.  Konna determinati nagħtu l-aqwa tagħna.  Nistudjaw u naqraw dak li hemm, niltaqgħu u niddiskutu ma’ kemm jista’ jkun persuni.  Dan għax konna u għadna rridu l-ġid lil dan il-poplu u lil dan il-pajjiż.  Filwaqt li ftit xhur ilu ma kellniex il-klima politika adatta biex nitkellmu, issa ngħid li mhux biss għandna, anzi għandna d-dmir li nagħmlu.  Għamilna l-ġid u dan hemm bżonn li jkun magħruf u spjegat għax fuqu jista’ forsi jinbena iktar u ma jitkissirx fix-xejn dak li huwa tajjeb.


MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...