30.9.14

Wara li għadda s-sajf.



1.    Ix-xhur tas-sajf iġibu magħhom diversi affarijiet.  Għalkemm il-ħajja politika tidher minn barra li hija wieqfa, fir-realtà tkun għadha għaddejja tberren.  Il-Gvern baqa’ bil-programm tiegħu.  L-Oppożizzjoni tikber u tifhem iktar dak li għaddiet minnu u dak li trid tipprepara ruħha għalih.  Il-poplu qiegħed pass lura jħares u jifhem dak li qiegħed isir.  Jista’ jkun hemm min jaħseb li jista’ jagħmel li jrid għax ħadd ma huwa jagħti kas, però r-realtà hija differenti.  Verament hemm forom ġodda ta’ dawk li joqogħdu lura u bejn biża’ u bejn prudenza qegħdin joqogħdu lura, biss xorta jgħarblu dak li għaddej.  Xorta qed iħarsu biex jaraw jekk dak li ġie mwiegħed mill-partit fil-Gvern huwiex qiegħed jiġi miżmum.

2.    Preżentement qiegħed joħroġ iktar u iktar b’saħħa u determinazzjoni li hemm differenza bejn is-salarji ta’ min kien impjegat qabel mal-Gvern u mal-privat u min ġie issa mpjegat mal-Gvern.  Hawn impjegati ġodda u preferiti li bdew jidhru mas-saqajn.  Magħhom hemm oħrajn li, għal raġuni jew oħra, sabu ruħhom jaqilgħu flejjes f’konsulenzi li ma jikkonvinċux.  Jista’ jkun hemm min huwa tajjeb u kapaċi, biss il-maġġor parti ta’ dawn il-ħatriet tant jiżgarraw li lil ħadd m’huma jaqbżulu.  Il-ħaddiem issa beda jifhem: l-ewwel, din il-kalatura differenti fit-trattament; u t-tieni, qiegħed iħoss iktar minn qabel li dak li qiegħed jaqla mhuwiex biżżejjed għalih.  Hemm ħafna li ħasbu li s-salarji tagħhom fi ftit xhur ser isiru bħal dawk ta’ Ewropej oħra.

3.    Il-kelma, iktar minn qabel, hija fuq din it-triq: hemm qarsiet ġodda fil-bwiet tan-nies li ma’ kull ġurnata qegħdin jinħassu.  L-effetti u l-konsegwenzi soċjali ta’ din id-differenza, ta’ din il-qabża dejjem ikbar bejn min għandu u min ma għandux qegħda tikber u tissoda.  Sa issa ebda politika lejn xi forma ta’ ġustizzja soċjali sostnuta u kostanti ma ġiet meħuda.  Rajna manuvri, diskorsi, propaganda iżda sustanza ma waslitx.  Hemm karba li qegħda tirranka iktar li għaliha l-Gvern ma jistax iwieġeb.  Issa li qiegħed fil-poter, il-Partit Laburista qiegħed jiġi wiċċ imb’wiċċ mar-realtà.  Bejn dak li wiegħed u dak li qiegħed preżentement jagħmel hemm differenza kbira ħafna.  L-ekonomija tagħna tista’ tkun aħjar fost ta’ pajjiżi oħra, però mhix aħjar meta tqabbilha ma’ dak li kellna qabel.

4.    Il-flus mhumiex jidħlu fi bwiet in-nies imma qegħdin jibqgħu f’idejn il-ftit u dan ser ikompli jġib problemi li m’aħniex naraw biżżejjed il-konsegwenzi tagħhom.  Diversi qed jinqatgħu jew jiġu maqtugħa minn mal-poplu, u dan ifisser iktar kumplikazzjonijiet.  Anzi, diversi oħra jidhru li diġà tilfu ħafna min-nifs inizjali tagħhom.  Ftit verament huma dawk li qabdu ritmu u baqgħu għaddejjin bih.  Hemm min mhuwiex effettiv u oħrajn li qegħdin jippruvaw jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ ħaddieħor.  Deċiżjonijiet politiċi mhumiex jiġu meħuda, oħrajn qed jiġu meħuda malajr, f’dak il-ħin, mingħajr ħsieb jew riflessjoni.  Il-komplikazzjonijiet, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar jikkumplikaw ruħhom proprju għax mhumiex jiġu kkunsidrati.  Rari biex problemi jsolvu lilhom infushom.

5.    Il-Partit Nazzjonalista jifhem iktar dan proprju għax huwa ffurmat minn bażi ta’ ħaddiema li qed jiffaċċjaw dawn il-pożizzjonijiet.  F’dawn ix-xhur ħadna ħsieb niċċaqilqu iktar biex nifhmu iktar din ir-realtà.  Żidna fl-esperjenza, fil-kredibilità u l-kritika kostruttiva tagħha qegħda ssir.  M’aħniex partit tal-estremiżmi.  Aħna partit moderat li jifhem sew xi tfisser li jkollok fuqek ir-responsabbiltà tal-poter.  Partit li jippreferi l-użu tar-raġuni biex jipperswadi u fl-istess ħin jifhem iktar jekk dak li qiegħed jipproponi huwiex tajjeb jew le.  Il-kredibilità tagħna u d-differenza tagħna mill-Gvern tiġi jum wara jum, bl-għaqal tagħna.  Mingħajr ġiri bla sens iżda bil-kawtela ta’ min jifhem li dak li jkun qiegħed jgħid fl-Oppożizzjoni jrid iwettaq fil-Gvern.

6.    Il-ħaddiema tal-pajjiż mhux qed jaraw biżżejjed miżuri tajba biex il-pożizzjoni tagħhom tiġi mibdula.  Is-sajf issa għadda u ser nidħlu f’fażi differenti.  Waħda li minnha nippretendu, ġustament, iktar.  Nippretendu li jittieħdu miżuri konkreti biex il-pakkett tas-salarju jkun aqwa milli huwa, biex jonqsu d-differenzi bejn dawk li ġew preferuti u dawk li le, biex dawk li tilfu jew qed jitilfu x-xogħol jinstabulhom mill-ewwel alternattivi tajba.  Il-piż tar-responsabbiltà mhuwiex fuqna.  Qiegħed fuq il-Gvern.  Biss, aħna ser nibqgħu nieħdu ħsieb nitkellmu u ngħinu sabiex l-ewwel, il-Gvern jifhem li wasal iktar il-mument li jiċċaqlaq u jżomm mal-kelma li ta; u t-tieni, li  nassistu kemm nistgħu biex isir dibattitu kostruttiv li jwassal għal soluzzjonijiet tajba.  Fix-xhur li ġejjin ser nifhmu iktar kemm dan il-Gvern qiegħed jifhem dan kollu jew huwiex ser ikompli jaħrab mir-realtà.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...