19.9.14

Jimmeritaw attenzjoni serja.


1.      Tul is-sajf, kważi f’kull wieħed, l-attenzjoni pubblika tonqos lejn dak li vermaent għaddej madwarha.  Hemm ħafna aljenazzjonijiet li jneħħu minn dak li jimmerita dan.  F’kull amministrazzjoni, hi liema waħda hi, jkollok min ikun ittentat jagħmel dak li m’għandux.  Ma hemm ħadd li jkun fil-Gvern u jista’jgħid li ċ-ċittadini tiegħu huma ‘l-bgħid minn kwalunkwe forma ta’ aġir illegali u viċin il-korruzzjoni.  Proprju għalhekk li f’diversi leġislaturi passati, il-Partit Nazzjonalista ħa ħsieb idaħħal ferm iktar mekkaniżmi legali u demokratiċi milli sab biex jikkumbattu kemm jista’ jkun dan il-fatt.

2.      Anki taħt dan il-Gvern ġdid diġà hawn għajta qawwija fost il-poplu li hemm aġir li ma huwiex tajjeb u jimmira direttament lejn il-bibien tal-forom differenti ta’ korruzzjoni.  L-Oppożizzjoni semmiet leħinha, bi tħassib kbir, fuq diversi punti marbuta ma’ dan is-suġġett.  Għal xi raġuni mill-iktar stramba kellna aġir għal kollox żbaljat u anti-demokratiku meta l-Gvern preżenti naqas għal xhur sħaħ milli jaħtar mill-ġdid il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.  Għamilna pressjoni fuq dan għax huwa żball li ma tappuntax kummissjoni li fis-snin li ilha mwaqqfa serviet ħafna.  Diversi każijiet spiċċaw quddiemha u r-rapporti dettaljati tagħna sabu ruħhom fuq il-mejda tal-Kamra tal-Parlament għal min kellu d-deċenza li jaqrahom.

3.      Sfortunatament, il-Partit Laburista ħa linja li kienet kważi dejjem kontra din il-Kummissjoni.  Għamlu ħilithom biex ikerrħuha b’kampanja żbaljata, immirata biss biex fl-aħħar mill-aħħar jonqsu d-difiżi demokratiċi kontra l-korruzzjoni.  Tant kienet qawwija din il-linja li saħansitra fil-Gvern anqas ma appuntaw il-membri tagħha.  Ħallewha għal perjodu twil rieqda, meta minflok setgħet tkompli bil-ħidma li kellha għaddejja u tieħu każijiet oħra ġodda.  Intilef ħin prezzjuż fix-xejn.  Kull kummissjoni li kellna fis-snin li għaddew ħademt u serviet tajjeb dak li kienet ġiet inkarigata li twettaq.  Issa ħadt pjaċir nara li l-pressjoni pubblika rebħet fuq il-Gvern u fl-aħħar ġimgħa ġiet finalment maħtura mill-ġdid.

4.      Ngħid dan fid-dawl ta’ żewġ każijiet li qed jogħrku l-għajn ta’ diversi ċittadini onesti li jħarsu li jkollhom amministrazzjoni nadifa u trasparenti, hemm min hemm fil-Gvern.  Il-każ tal-Cafѐ Premier u dak tal-Australia Hall ġibdu l-attenzjoni ta’ diversi.  Il-Partit Nazzjonalista qajjem diversi punti u għamel ukoll domandi li lkoll baqgħu mingħajr tweġiba.  L-istess il-gazzetti lokali li b’xi mod jew ieħor resqu jew biex jistaqsu jew almenu jibdew jifhmu x’sewwasew ġara.  L-attitudni għal kollox żbaljata tal-Gvern hija dik li jaħrab minnhom it-tnejn.  Żgur mhux forsi, illum iktar mill-bieraħ hemm bżonn ta’ aġir proattiv mill-Prim Ministru f’dawn il-każijiet u jiftaħ ċar beraħ dak li lkoll għandhom dritt li jkunu nfurmati dwaru.

5.      Il-kwistjoni tal-bejgħ tal-Australia Hall waħdeha hija mimlija dellijiet li diffiċli wieħed jipperswadi ruħu li l-affarijiet saru kif kellhom.  Diffiċli li wieħed jaċċetta li din l-operazzjoni finanzjarja saret bil-mod li gvern demokratiku u trasparenti għandu jġib ruħu.  Ngħid dan quddiem il-fatt li l-poplu huwa llum konvint li hemm x’jaħbi.  Kif tista’ taċċetta: l-ewwel, li kawża ċivili mill-Gvern f’isem il-poplu kontra l-Partit Laburista tiġi ċeduta taħt din l-amministrazzjoni għax issa hemm tmexxija Laburista?  It-tieni, kif tista’ llum il-ġurnata tibqa’ taċċetta li art pubblika ta’ valur storiku tgħaddi u tibqa’ f’idejn partit politku biex jispekula biha?  It-tielet, kif tista’ taċċetta li jsir bejgħ ta’ din l-art bi prezz redikolu fuq l-iskuża li hemm konvenju li ilu għoxrin sena sħaħ pendenti?  Jgħid x’jgħid fuq ir-radju l-Ħadd il-Prim Ministru, ħadd f’sensih ma jista’ jaċċetta li dak li sar mill-Gvern tiegħu huwa tajjeb, u trasparenti.


6.      Nista’ nidħol ukoll fuq il-kwistjoni tal-Cafѐ Premier, li hija wkoll mimlija domandi, però naf li diversi oħrajn qabli daħlu fil-fond tagħha.  Dan huwa l-istat ta’ fatt preżenti f’pajjiżna.  Id-domanda naturali ta’ diversi hija: x’qiegħed jagħmel il-Gvern preżenti biex jivestiga dak li qed jingħad u jersaq biex jispjega b’mod ċar dak li seħħ?  Hemm diversi strumenti demokratiċi li Gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti għamlu u li huma għad-disposizzjoni tal-attwali.  Jonqos il-kuraġġ li jimxi pass ‘il quddiem u jibda.  Nittama serjament li jitla’ fuq din it-triq inkella ser jiżdied iktar l-inkwiet u l-konvinzjoni li hemm aġir żbaljat għaddej li ħadd ma jrid jidħol fih proprju għax jaf li hemm dak li m’għandux ikun hemm.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...