31.5.12

Id-diskors tiegħi fil-Parlament il-bieraħ filgħodu

Dan huwa id-diskors tiegħi fil-Parlament fis-seduta tal-bieraħ filgħodu li matulu tajt rendikont tax-xogħol kollu li sar mill-Ministeru tal-Intern fl-aħħar erba' snin u tajt prova kemm il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni kienet bla bażi. 

Nistedinkom tisimgħuh, għalkemm huwa kemmxejn twil.

Biex tisimgħu il-clip, ikollok bżonn il-plugin neċessarju, bħal Quicktime. Imbgħad kemm tagħfas fuq il-buttuna tal-"play"


28.5.12

Lejn il-Kunsill

1.    F’dan il-Ħadd, il-partit tagħna huwa miġbur sabiex jiddiskuti l-pożizzjoni preżenti tal-pajjiż.  F’dawn l-erba’ snin ta’ din il-leġislatura, tant sar xogħol li huwa tajjeb li l-partit jassigura li, dak li sar, jiġi mxandar hemm barra.  Fil-ġimgħat li għaddew, kull ministeru ħa ħsieb li jinforma lill-poplu direttament b’numru ta’ punti li saru f’din il-ħidma.  Meta taqrahom tagħraf kemm saret ħidma li, fir-realtà, ma tasalx fid-djar tan-nies jekk mhux permezz ta’ pubblikazzjoni li tkun faċli li tinftiehem u tinqara’.

2.    Ħafna drabi, min ikun fil-politika ma jirrealizzax kemm il-lingwaġġ tiegħu jkun wieħed li ma jinftehimx.  Jitkellem b’mod li min qed jisimgħu, li mhuwiex intiż fil-ħidma li huwa jwettaq ta’ kuljum, ma jkunx jista’ jifhem.  Diġà għandek numru ta’ persuni fis-soċjetà li, jingħad x’jingħad, ma jsegwux.  Għaldaqstant huwa importanti li l-vuċi tagħna tuża kliem u lingwaġġ li jiġi apprezzat u miftiehem.  Il-politika tagħna tiddependi fuq dan.  Tiddependi fuq kemm hija kapaċi twassal il-messaġġ ta’ dak li sar għall-poplu.

3.    Għalhekk huwa dejjem vitali li f’dan il-Kunsill Ġenerali jkun hemm vuċijiet differenti.  Vuċijiet fi ħdan il-partit li huma kapaċi ferm iktar li jfehmu fi kliemhom dak li sar.  Il-partit għandu biex jiftaħar għax, minkejja d-diffikultajiet kollha li rajna u li għadna qed naraw, sar ħafna.  Ix-xenarju ekonomiku qiegħed il-ħin kollu jbaqbaq.  Dak li qiegħed jerġa’ jseħħ fil-Greċja huwa ta’ inkwiet għalina lkoll.  Huwa ta’ inkwiet għax kollass politiku f’dak l-Istat, sija b’partit fl-estrem fil-gvern jew għax tibqa’ ma tistax tiġi ffurmata koalizzjoni, jibgħatna lkoll lura.

4.    Pajjiżna żamm sod quddiem il-mewġ u l-irwiefen li ġew u li ġejjin minn kull direzzjoni.  L-inkwiet li ġie mill-gwerra ċivili fil-Libja, it-tibdil fit-tmexxija tat-Tuneżija u l-Eġittu kien mewġ qawwi wkoll.  Daqshekk ieħor dak li ġie mill-kriżi ekonomika, l-ewwel mill-Istati Uniti; it-tieni, direttament mill-Ewropa fiż-Żona Ewro u t-tielet, mill-baċċin tal-Mediterran.  Flimkien, u b’mod ferm iktar determinanti, dak li ġie miż-żieda fil-prezzijiet tal-gass u taż-żejt.

5.    Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, flimkien mal-Viċi Prim Ministru Tonio Borg, raw dan kollu quddiemhom.  Ittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba.  Dawk li ppermettew lill-poplu jibqa’ għaddej bil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.  Il-politika tinteressa lin-nies, però rridu nammettu li f’dawn is-snin naqqset sew mill-importanza tagħha.  Dan għax għandna iktar persuni li għandhom moħħhom mistrieħ minna.  M’għadx hawn Gvern fejn mil-lum għall-għada jaqbad u jivvinta xi ħaġa ġdida.  L-ansjetà, il-biża’ u l-preokkupazzjoni li kellna, illum spiċċaw.  Il-poplu qiegħed jgħix fil-paċi u fl-istabilità.  Anzi, jrid ikompli jgħix hekk.

6.    Il-Partit Nazzjonalista huwa l-garanzija tal-futur.  Il-poplu jagħraf li, minkejja n-nuqqasijiet ta’ imperfezzjoni tagħna, xorta waħda aħna dawk li kapaċi mmexxu ‘l quddiem fil-paċi u l-ġid soċjali u ekonomiku.  Il-pajjiż għadda minn diversi diffikultajiet.  Aħna l-politiċi fil-Gvern għaddejna u għadna għaddejjin minn diversi problemi, però dawn mhux talli ma dgħajfuniex iżda ssudawna u għaqqduna iktar.  Wara dan il-Ħadd, wara dan il-Kunsill, il-partit ser joħroġ ferm iktar magħqud, b’saħħtu u ppreparat għall-impenji politiċi li ġejjin.

24.5.12

Il-Protezzjoni Legali għall-Minuri

1.    F’din is-soċjetà tagħna għamilna passi ‘l quddiem.  Numru ta’ drabi fil-kultura tagħna, li diffiċli tbiddel, naħsbu li f’postijiet oħra l-ħajja hija aqwa milli għandna aħna.  Min ikun ġej minn barra xtutna jaf li dawn il-gżejjer għandhom huma wkoll x’juru li għandhom sistemi avvanzati.  M’aħniex, u ta’ bnedmin ma nistgħux inkunu xempju tal-perfezzjoni, però xorta waħda dak li huwa tagħna m’għandniex narmuh.

2.    Settur partikolari li ħadna ħsieb nindirizzaw biex ngħollu ‘l fuq huwa proprju kif tipproteġi aħjar lil uliedna mid-diffikultajiet ta’ din s-soċjetà preżenti.  M’hemmx dubju li fl-edukazzjoni dak li qegħdha toffri s-soċjetà tagħna m’għandhiex oħrajn li jistgħu jikkompetulha.  Ħafna drabi d-diskussjoni ssir fuq nuqqas ta’ attenzjoni għad-dettall.  Nitqabblu u jqabbluna biex ikejluna mal-oħrajn meta m’hemmx il-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha fuq il-mejda.  Ngħidu x’ngħidu, il-verità hija li għandna sistema mill-aqwa.

3.    Dan hu tajjeb għall-maġġoranza ta’ wliedna, però hemm ċirkostanzi li jimmeritaw, u fil-fatt ingħataw, attenzjoni sabiex it-tfal jiġu protetti aħjar.  Il-Ministeru li mexxejt żamm bħala prijorità lill-minuri sabiex f’setturi differenti jżid fid-difiża legali li hemm bżonn.  Irrid ngħid li diġà għandna Qorti li hija iktar sensittiva billi hemm żewġ Maġistrati konċentrati fuq aspetti differenti.  Hemm Maġistrat fil-Qorti tal-Familja li jara li l-pagamenti tal-manteniment lil minuri b’digrieti tal-Qorti, sija għal dawk imwielda fiż-żwieġ kif ukoll barra miż-żwieġ, isiru.  Hemm ukoll Maġistrat ieħor li huwa nkarigat b’kawżi fejn it-tfal huma l-vittmi diretti ta’ reat.  Passi, għalija, determinanti li jippermettu attenzjoni u speċjalizzazzjoni.

4.    Mhux biss, imma nfakkar ukoll li b’deċiżjoni politika oħra għandna llum is-sistema ta’ xhieda mogħtija mill-minuri bil-videoconferencing.  Il-Qorti hija armata b’dan u għalhekk it-tfal f’kawża, meta huwa strettament neċessarju li wieħed itellagħhom jixhdu, ma jkunux fiżikament fl-Awla fejn ikun qiegħed jinstema’ l-każ.  Ma jkollhomx bżonn jgħaddu mid-diffikultà li jerġgħu jaraw lil min għamlilhom jew jista’ jkompli jagħmlilhom il-ħsara.  Ma’ dan żidna wkoll artikolu fil-Kodiċi Kriminali fejn il-minuri jixhdu fin-normalità tal-proċeduri darba waħda biss.  Jiġu reġistrati fix-xhieda tagħhom sabiex ikun hemm dokument ċar ta’ dak li għaddew minnu fiż-żmien li jkun seħħ ir-reat.  Passi oħra importanti.

5.    Ma’ dan reċentement żidna passi oħra.  Dan sar permezz ta’ żewġ liġijiet li ġew magħmula speċifikament biex jindirizzaw aħjar kif nistgħu nagħtu iktar protezzjoni effettiva.  Protezzjoni minn min irid jabbuża minn uliedna fis-settur tal-pornografija; mill-abbuż tal-internet, mill-abbuż tal-hekk imsejjaħ “sexual tourism” kif ukoll mill-perikolu ta’ persuni li diġà nstabu ħatja ta’ reati fejn it-tfal huma vittmi, li jerġgħu jsib impieg mat-tfal.  Dan sar prinċipalment bl-Att VII tal-2010 u dak tar-Reġistru biex jipproteġi l-minuri, l-Att XXIII tal-2011.  F’dawn il-liġijiet żidna mal-qafas ta’ protezzjoni li kellna qabel.

6.    Illum fil-liġi tagħna daħħalna dawn l-mekkaniżmi li jipproteġu aħjar.  L-Artikoli 208 sa 208B tal-Kodiċi Kriminali huma ferm aħjar u b’saħħithom.  Fost l-emendi għandna li l-Qorti tista’, meta ssib ħtija fuq reati f’dan it-Titolu, tordna li persuna tiġi, għal xi żmien jew għal kull żmien, miżmuma milli taħdem f’xogħol li jkollha x’taqsam mas-superviżjoni tat-tfal.  Il-Qorti tista’ tordna wkoll li din tiġi reġistrata fil-fedina penali.  Ma’ dan għandna wkoll b’ferm iktar saħħa l-preżenza ta’ Reġistru għall-protezzjoni tal-minuri.  Dan ir-Reġistru jidħlu fih persuni li wettqu delitti kontra t-tfal li huma gravi, sija fuq dawk ta’ linja sesswali, kif ukoll le.

7.    Jidħlu sabiex jiġu miżmuma bil-liġi li jiġu mpjegati f’postijiet tax-xogħol fejn hemm il-kura u l-kustodja tat-tfal.  Min għandu istituzzjonijiet fejn ser ikun hemm it-tfal, sija jekk jimpjega, kif ukoll jekk ikun ser idaħħal xi voluntiera, irid l-ewwel jara li dik il-persuna mhix imniżżla fir-Reġistru.  Mhux biss, imma hemm ukoll obbligu li min jara li sar, jew jissuspetta raġonevolment li kien hemm ksur ta’ liġi f’post fejn hemm it-tfal, għandu huwa stess imur għand il-Pulizija sabiex jirrapporta.  Il-liġi tagħna mxiet ‘il quddiem u għandha fiha metodi ġodda ta’ kif nipproteġu lil dawk li huma l-iktar vulnerabbli.  Passi li jagħtuna kredtu għall-attenzjoni li aħna nżommu fil-prijorità tagħna favur protezzjoni aqwa lit-tfal tagħna.    

17.5.12

Preġudizzji

1.    Il-politika fiha sustanza jekk hija bażata fuq il-ħsieb.  Il-linja ideoloġika ta’ partit tagħmel id-differenza f’dak li jirrappreżenta u f’dak li, għada pitgħada, ser jikkumbatti għalih.  Hemm partiti tal-ħsieb u oħrajn tal-interess.  Hemm dawk li huma mimlija b’persuni ffurmati u mbaskta fit-triq tal-valuri u hemm oħrajn li jidhru biss mar-riħ tal-konvenjenza.  Il-poter jista’ jkun strument għas-sewwa u jista’ jsir għan fih innifsu.  F’dan il-każ, il-poter isir sakra.  Importanti li jkun f’idejk u ġġibu għandek, ikunu xi jkunu l-kompromessi u l-immoralità tad-deċiżjonijiet li trid tieħu.

2.    Fix-xenarju politiku attwali għandna linja li, sfortunatament, qegħda tieħu saħħa fil-Partit Laburista.  Kien ta’ konfort għal ħafna mill-elettorat li fiż-żewġ partiti l-kbar kien hemm numru ta’ membri parlamentari li huma ċari fl-ideat tagħhom.  Bnedmin li ma joqogħdux lura milli jiddikjaraw li huma kattoliċi prattikanti u jgħixu dik it-triq.  Min jaf l-elettort Malti jaf li, meta tħabbat il-bibien, issib fid-djar kattoliċi li jivvutaw għaż-żewġ partiti.  Biss, issa jidher ċar li hemm kurrent qawwi anti-kattoliku.  F’dawn l-aħħar snin saret ferm iktar diffiċli li tiddikjara fil-kumdità dan it-twemmin.  Hemm linja ta’ intolleranza li qegħda taħkem sabiex jiġu eliminati dawn il-persuni ta’ sustanza.  Persuni li, minħabba l-konvinzjonijiet tagħhom, lesti li jgħidu le.   

3.    Jgħidu le mhux b’kapriċċ.  Jiddikjaraw li ma jaqblux proprju għax huma ffurmati tajjeb.  Bażi soda ta’ ħajja, tal-iskop tagħha, tad-dinjità tal-bniedem, ta’ dak li verament jagħmel il-ġid lill-proxxmu.  Id-dottrina soċjali tal-Knisja Kattolika hawn illum min irid jiskartaha u jarmiha.  Jaħrab mill-għeruq ta’ dak li aħna u ta’ dak li hija l-Ewropa.  Il-valur u l-kwalità ta’ dak li għandna fil-liġijiet tagħna, li bnew id-demokrazija u li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem twieldu u baqgħu jgħixu fil-loġika u s-sanità.  Dik kienet il-fonti li, għal min irid jibqa’ rilevanti, jagħraf li jrid jibqa’ jżomm lilu nnifsu jixrob mill-ilma ġieri u frisk tagħha.

4.    Il-kattoliċi jistgħu ma jogħġbux lil kull persuna, però almenu għandhom ħsiebhom dikjarat.  Taf fejn inti magħhom.  Biss illum, fuq is-suppost mewġa ta’ liberaliżmu, hawn preġudizzji u disprezzi lejn dawk li jersqu b’dawn l-ideat insara.  Iva, hawn mas-saqajn, b’saħħa kbira medjatika, linja anti-kattolika.  Il-messaġġ huwa li l-kattoliċi huma antikwati u allura aħjar tiżbarazza ruħek minnhom.  L-agħar mhux tant dawn l-ideat għax f’dan ma hemm xejn ġdid.  Dak li huwa bla sens hu proprju li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jaħseb li hija ħaġa tajba.  Ta’ qablu kien, almenu, fehem.  Kien, minkejja l-ideat opposti tiegħu, jilqa’ u jisma vuċijiet differenti li jagħmlu ‘l-Partit Laburista sħiħ u bilanċjat.  Kif titneħħa dik il-vuċi, is-suċċess tal-ħmerijiet, wisq nibża’ li jikber.

5.    Dan deher iktar ċar tul din il-ġimgħa.  Il-poplu sab lilu nnifsu jiffaċċja din ir-realtà.  Bniedem li, tgħid x’tgħid fuqu huwa żgur onestissimu u ġenwin fi ħsibijietu, jrid iġib lilu nnifsu li jidher biex jispjega dak li ċert li ma xtaq qatt li jasal għalih.  Ma kenitx faċli, però ċert li wara ħass sens ta’ libertà.  Sens li żamm lilu nnifsu linejari mal-prinċipji li dejjem ħaddan u wera li l-impenn tiegħu kien marbut mal-bżonnijiet tal-proxxmu.  L-elettorat tiegħu jaf li l-irġulija, il-ħajja familjari, huma l-pedestalli tiegħu.  Anzi, jafu li l-impenn familjari lejn il-partit kien kbir.  Ma tilifx hu.  Tilfu l-Partit Laburista li l-vojt tiegħu ma nafx b’min irid jimlih.

6.    Hawn verament ħafna preġudizzji jiġru mas-saqajn.  Min irid jiġġieled għall-ideat tiegħu, għall-valuri li jħaddan jaf li għandu triq twila u salib xi jġorr biex iwassalhom.  Xorta, tqila kemm hija tqila t-triq, b’diffikultà jrid jaċċetta li għandu jterraqha.  Fiha l-passjonijiet tagħha.  Nieqsa mill-popolarità, imma fl-aħħar hemm il-paċi interna.  Il-kalma u l-konvinzjoni li ċert li għandu dan id-deputat li ġera t-triq it-tajba.  Jibqa’ żgur li l-Partit Laburista mexa ħażin u li, fil-verità, abbandunah.  Dawn huma eżempji umani u politiċi ħżiena.  Ma jindikawx li hemm qalb, kompassjoni u dedikazzjoni għas-sewwa.  Fl-opinjoni tiegħi, metodi żbaljati ta’ kif wieħed m’għandux jaġixxi fil-politika.  Żgur, mhux forsi, ċertifikat li dak il-partit għandu jaħbi.

16.5.12

Pulizija u Kunsilli Lokali

1.    Tul din il-ġimgħa kelli l-okkażjoni li nkun preżenti għal-laqgħa ġewwa l-Ministeru bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Kunsilli Lokali.  L-attendenza kienet waħda mistennija.  Is-suġġett ċentrali kien kif tista’ ssir ħidma aħjar bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet għall-ġid dirett tal-poplu.  Iż-żminijiet inbidlu u filwaqt li tletin sena ilu ċ-ċentru tar-raħal jew belt kienet tkun l-għassa tal-Pulizija, illum dan sar il-Kunsill Lokali.  Il-Kunsilli saru ċentru ta’ informazzjoni u dan għandu impatt ġdid u differenti fil-formazzjoni u żvilupp tas-soċjetà tagħna llum.

2.    Diġà l-Att dwar il-Pulizija jitkellem dwar dan.  Iħares ‘il quddiem sabiex jassigura li jkun hemm laqgħat regolari bejn il-Pulizija u l-Kunsilli Lokali.  Laqgħat li permezz tagħhom wieħed jista’ jaħdem strateġija aħjar ta’ prevenzjoni u kontroll tal-kriminalità.  Ma kontx ċert li dawn il-laqgħat qed isiru u, jekk iva, li jsiru fuq bażi regolari.  Għalhekk qbilna li għandna nerġgħu nqajmu l-punt sabiex nassiguraw li din il-ħidma ssir.  L-għodda qegħda hemm, però trid tiġi użata għall-ġid taż-żamma tal-ordni u l-paċi pubblika.

3.    Il-kollaborazzjoni mal-poplu hija dejjem vitali fil-ġlieda u l-isfida li d-delinkwenza ġġib magħha.  Ħafna drabi persuni jaraw delitti jitwettqu li mhux neċessarjament jitkellmu dwarhom.  Informazzjoni li tidher inutili, li ma tingħatax biżżejjed importanza miċ-ċittadin tista’ tkun il-parti nieqsa jew dik li tmexxik ‘il quddiem f’direzzjoni tajba.  Direzzjoni li tgħin sabiex wieħed isolvi delitt jew iżomm wieħed milli jsir.  Għalhekk huwa iktar u iktar importanti li din il-linja ta’ komunikazzjoni tkun ħajja u attiva.

4.    Hawn insibu lok fejn wieħed ikun jista’ jimxi passi ‘l quddiem li, permezz tagħhom, il-Kunsill Lokali jħajjar lejn iktar kollaborazzjoni pożittiva.  Diversi drabi s-Sindki, il-Kunsilliera u s-Segretarji Eżekuttivi jkunu xprun biex dan isir tajjeb.  Mhux biss dan, imma anke fuq livell ta’ għajnuna lill-vittmi tar-reat hemm fejn taħdem u timxi ‘l quddiem.  Taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi għamilna passi oħra differenti li permezz tagħhom għandna sezzjoni ġdida li tieħu ħsieb il-vittmi tar-reat.  Din diġà qegħda taħdem u tiġi organizzata taħt id-Dipartiment tal-Probation u Parole.

5.    Fil-komunità hemm xogħol li jrid isir direttament mill-Kunsilli Lokali u dan għax fis-soċjetà tagħna hija l-aqwa għodda li jista’ jkollna.  Għodda għad-disposizzjoni tal-poplu li trid il-ħin kollu tiġi ttemprata u organizzata aħjar.  Hemm numru kbir ta’ servizzi ta’ kull tip li qegħdin jingħataw li, fir-realtà, akkumulaw matul is-snin.  Magħhom inġabret esperjenza amministrattiva li issa hija aktar u aktar f’pożizzjoni li minnha nieħdu l-frott.  Għalhekk hemm bżonn li tikber is-sinerġija bejn il-Korp u l-Kunsilli.

6.    Hemm lok għal iktar koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità.  Fil-kuntrast għat-traffikar u konsum tad-droga.  Fil-ħidma proattiva neċessarja sabiex ikun hemm prevenzjoni aqwa tal-possibilità ta’ reati.  Hemm ukoll il-bżonn ta’ tixrid dirett ta’ informazzjoni fuq il-liġijiet li saru.  Kif jistgħu jiġu organizzati laqgħat apposta biex jiġi spjegat dak li, per eżempju sar biex nipproteġu aħjar lit-tfal minn min irid jabbuża minnhom, jew kif qed jaħdem ir-Reġistru għall-protezzjoni tat-tfal jew dik li hi Ġustizzja Riparatriċi.  Dan huwa importanti fl-istrateġija neċessarja sabiex fil-pajjiż ikomplu jirrenjaw il-buon ordni u l-paċi pubblika.

9.5.12

Prijorità tagħna

1.    Tul din il-ġimgħa kelli l-pjaċir u s-sodisfazzjon nara ħidma tajba da parti tal-Korp tal-Pulizija.  Jingħad x’jingħad barra, din il-forza tal-ordni tibqa’ waħda stmata fost il-poplu.  Rispettata għax il-maġġoranza tal-membri tagħha jaħdmu ħinijiet twal, isaqqfu wiċċhom ma’ kull forma ta’ karattru u l-ħin kollu jitqegħdu bejn il-basla u qoxritha.  Ħadd m’huwa perfett.  Il-Korp ukoll għandu l-imperfezzjonijiet u l-imperfetti.  Dan però ma jfissirx li l-istampa vera u realistika ta’ kull ġurnata hija waħda negattiva.

2.    Il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-illegalità m’hix faċli u wisq u wisq inqas xi forma ta’ logħba.  Il-persuni fil-Korp iridu jiffaċċjaw il-ħażen tad-dinja.  Pajjiżna mhux nieqes.  Għandna fostna, u jiġu wkoll minn artijiet oħra, bnedmin li tilfu triqithom.  Persuni li huma għas-servizz tal-ħażen, li jimminaw, li jagħmlu l-ħsara u li anzi ma jaraw xejn ħażin li jwettqu atti tad-daqqiet ta’ ħarta.  Il-pulizija tikkuntrasta u taħdem biex taqta’ barra l-illegalità.  Dan isir minnhom sija f’pajjiżna kif ukoll b’koperazzjoni ma’ forzi tal-ordni oħra.

3.    Il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga hija f’dan prijorità assoluta tagħna lkoll.  Diversi mumenti kelli l-opportunità li nirringrazzja lill-Korp u lis-sezzjonijiet speċjali tiegħu għal dak li f’dawn l-aħħar erba’ snin irnexxilhom iwettqu.  Hemm bżonn sostenn u kontinwazzjoni.  Biss, l-iktar, l-użu tal-intelliġenza f’dan il-kuntrast.  F’dan irrid ngħid li l-informazzjoni li tinġabar fuq livell Ewropew, internazzjonali u lokali hija determinanti.  Iktar ma nkunu lkoll iffukati bħala pajjiżi Ewropej, tant aħjar.  Ir-riżultati jikbru minn din il-kollaborazzjoni ta’ “intelliġenza”.

4.    F’dawn l-aħħar snin attendejt u ħadt sehem f’numru ta’ laqgħat tal-Ministri tal-Intern fl-Unjoni Ewropea fejn tqajjem il-bżonn ta’ iktar ħidma ffukata fejn jidħol traffikar ta’ droga milli għandna llum.  Dawn l-isforzi huma importanti għax issibhom iktar ‘il quddiem.  Għalhekk ħadt pjaċir nara ‘l-membri tal-Korp, fil-bidu tal-ġimgħa, jieħdu sehem f’interċettazzjoni u qabda kbira ta’ droga li kienet sejra lejn pajjiż ieħor.  Il-fatt li żammejniha jgħolli l-profil ta’ pajjiżna u fl-istess ħin jintbagħat il-messaġġ li m’għandniex niġu użati minn traffikanti ta’ droga.  Mija u erbgħin kilo droga m’humiex ċajta.

5.    Il-ġlieda kontra d-droga kompliet ukoll f’pajjiżna b’qabdiet oħra, ukoll matul din il-ġimgħa, li jagħmlu ġieħ lill-Korp.  Dawk li jaħsbu li m’hemmx xogħol għaddej jew li l-forzi tal-ordni qegħdin joqogħdu lura huma għal kollox żbaljati.  Ħidmet il-Korp ma tistax tperriċha kemm trid għax, fil-pubbliċità tkun qed tħalli lil min wettaq reat, jaħrab.  Ma tistax tiftaħ għajn id-delinkwent sija jekk dan ikun ġej minn klassi ‘l isfel jew ‘il fuq fis-soċjetà f’dak li jkun qiegħed isir.  Inqas informazzjoni pubblika iktar aħjar biex l-operazzjoni tirnexxi.  Fortunatament dan fil-maġġoranza tal-każijiet isir, isir sewwa u għalhekk irendi f’suċċess.

6.    Il-Korp, tul din il-ġimgħa kien involut f’operazzjonijiet oħra, fosthom dik ta’ ripatriju ta’ numru ta’ persuni.  Ħidma oħra importanti li tinvolvi ħafna xogħol u kollaborazzjoni Ewropea u internazzjonali.  Mhux faċli tibgħat lura persuni li ma ħaqqhomx status ta’ rifuġjat jew ta’ protezzjoni, biss dan irid isir.  Isir b’attenzjoni, bil-prudenza u b’rispett lejn id-dinjità umana li dawn il-persuni ħaqqhom dejjem.  Imma jekk irridu li s-sistema tal-ażil taħdem, allura dan irid isir.  Nagħlaq billi ngħid li l-prijorità tagħna tibqa’ li nsostnu lill-Korp tal-Pulizija f’ħidmietu bil-mezzi li għandna sabiex il-ġlieda kontra l-kriminalità tkompli ssir u titjieb.

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...