26.2.10

Wara x-Xitwa

1. Ma nafx liema politiku jista’ jgħid li fil-ħajja pubblika tiegħu m’għaddiex minn problemi ta’ ċertu entità. Min jagħmel din id-dikjarazzjoni jkun qed jiċċertifika l-karriera tiegħu bħala sterili u mingħajr ebda marka. Il-politiku t-tajjeb, dak li jħalli memorja tajba warajh huwa dak li jħares lejn il-problemi li ħaddieħor jarahom bħala impossibbli, jaffrontahom u jġibom possibbli. Ħidmet il-politiku hija mingħajr dubju mimlija bi kwistjonijiet, intoppi u barrieri imma l-istorja tiġġudikah b’kemm kien kapaċi joħroġ il-pożittiv minnhom.

2. Ix-xitwa ġġib magħha l-maltemp, ix-xita u l-kesħa. Għalkemm mhux kull staġun huwa l-istess fl-intensità tiegħu, però nafu li mingħajr xitwa kif għandha tkun ma jkollniex il-frott f’dawk l-istaġuni ta’ wara. L-intensità u l-kwantità ta’ l-ilma li nirċievu huwa determinanti għalina bħala pajjiż. Pajjiż li m’għandux il-muntanji jew xmajjar, imma b’xi mod sab l-alternattivi tajbin għax proprju bl-intelliġenza, il-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-perseveranza tal-politiċi tagħna li għandna soċjetà Maltija li hija l-ikbar f’kull seklu ta’ eżistenza tagħna.

3. F’dawn il-jiem rajna parti mill-bijografija ta’ ħajjet il-President Emeritu Eddie Fenech Adami fuq ix-xandir nazzjonali. Diversi minna ħassew ruħhom meħuda lura fil-passat. Għadda minn mumenti iebsa u proprju kienu dawn li għaġnuh f’dak li sarraf bħala mexxej fil-poter. Kien l-inkwiet, id-diffikultajiet, in-nuqqas ta’ korrettezza, l-aġir anti-demokratiku li sawwru u basktu t-tafal li jifforma ġismu. Ma nistgħux nippretendu, bħalma hu ma ppretendiex, li mexxej politiku jista’ jagħżel il-problemi li għandu jaffronta. Dawk li jiġu jridu jintgħelbu, kif u skond l-għaqal politiku li jġorr.

4. M’għandix dubju li l-mexxej preżenti tagħna Lawrence Gonzi m’għandu ebda sitwazzjoni jew xenarju differenti. Problemi kienu hemm, għad hemm u għad irid ikun hemm – ħadd ma jista’ jaħrab dan. Anzi, l-istorja tgħallimna li l-mexxejja l-kbar kienu u jibqgħu dawk li vinċew. Dawk li sabu l-maltemp però ħadmu sabiex ġiebu l-kalma, dawk li sabu ruħhom fl-ilma jagħli u flok tfarrku ssudaw iktar ruħhom huma l-mexxejja l-kbar. Lawrence Gonzi, minn meta ħa l-ġurament tiegħu bħala Kap ta’ dan il-Partit kellu jaffronta l-problemi u minn dak li għandna quddiemna għelibhom kif kellhom jingħelbu.

5. M’għandux ix-xenarju li kellna meta konna fl-Oppożizzjoni u dak li mmaterjalizza wara li dħalna lura fir-responsabbiltà tal-Gvern wara sittax-il sena, imma għandu xenarji oħra u l-Bambin ibegħedna milli jerġa’ jkollna dan. Kull pożizzjoni fiha diffikultà tagħha u ma tistax tiġi mċekkna jew minimizzata. Is-sabiħ tat-tnejn huwa li żammew il-kalma, mxew bir-raġuni u spiraw ruħhom fil-prinċipji demokratiċi nsara. Ma smajna b’ebda forma ta’ imġieba ħażina. Ma rajnihomx jitilfu l-għaqal tagħhom fi ħmerijiet, aġir li jnaqqas id-dinjità tal-bniedem iżda żammew id-dekor u l-imġieba korretta. Mhux biss, imma l-poter f’ebda mument ma tela’ għal rashom, anzi żammew l-ego tagħhom f’postu.

6. Ix-xitwa tiġi u tkun traġedja jekk ma tiġix. Però warajha jiġu l-istaġuni l-oħra. Il-paċi interna li għandna u l-għarfien li rridu naħdmu kemm nifilħu sabiex nagħmlu l-ġid lill-poplu tagħna jżommna għaddejjin f’dak li rridu nagħmlu. Il-Partit Nazzjonalista fis-snin li ilu jeżisti kellu l-barka ta’ mexxejja għaqlija, onesti, nsara u ppreparati għal kull forma ta’ nkwiet. Dan hu anki llum bil-Prim Ministru tagħna bl-eventi li qed ibasktuh u jissudawh f’dak li hu kapaċi jkun mexxej għaqli u sod ta’ dan il-poplu Malti u Għawdxi. Ix-xitwa tiġi, però warajha jiġu l-istaġuni l-oħra.

Dan l-artikolu deher fil-ġurnal Il-Mument tal-21 ta' Frar 2010

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...