26.2.10

Kunċetti diġà meħlusa

1. Il-politika għandha sejħiet differenti għal dawk li jiddeċiedu li jipparteċipaw fiha. Hemm min jinġibed lejha, jew jiġi mbuttat fiha jew jitlef rasu warajha, però mhux kull persuna tapprezza li din hija ħidma umana li ilha snin twal tiġi eżerċitata. Ninnota li diversi jaħsbu li kull ma trid huwa li tinġieb ma’ l-elettorat sabiex issib ruħek fil-Kamra tar-Rappreżentanti, bil-possibilità li titkellem u kull persuna fil-pajjiż tagħti kasek. Fortunatament il-ħajja pubblika titlob ferm aktar minn dan. Titlob formazzjoni politika.

2. Bħall-mużika, din tista’ tiġi jew minn preparazzjoni akkademika jew bl-udit, bl-esperjenza. Ta’ l-ewwel għandhom il-vantaġġ li qraw, għarblu dak li qalu ta’ qabilhom u fehmu x’ideat politiċi jħaddnu, jew aħjar, għandhom iħaddnu. Tat-tieni jridu jaraw it-trapass taż-żmien jgħaddi minn fuqhom sabiex jieħdu l-għerf u l-għarfien ta’ dak li għandhom jgħidu u jaħsbu. L-agħar dejjem, fiż-żewġ kategoriji, hija l-arja u n-nuqqas ta’ umiltà. Meta bniedem jaħseb li huwa diġà lest u misjur għax għandu s-siġġu, kull ma jkun qed jagħmel hu li jaqa’ għaċ-ċajt, anke jekk ta’ madwaru ma jkunux qed jiftħulu għajnejh.

3. Tispiċċa terġa’ tisma ideat li ilhom li ġew skartati s-snin, ripetuti lura fix-xejn, qishom ġew skoperti l-bieraħ taħt xi ġebla mwarrba u minsija. L-agħar li tant hawn nuqqas ta’ kultura politika, sija fil-klassi politika nnifisha kif ukoll fil-poplu, li dak li hu passat jidher preżent, dak li hu medjokri jidher attwali, dak li hu sterili jidher fertili. Il-politika għandha magħha l-mażżra tal-marda ta’ dawn is-snin li mhux is-sustanza tagħha hija importanti, imma dak li tidher li hija.

4. Dan l-aħħar smajt vuċi fil-kamp ta’ l-Oppożizzjoni tinsisti li għandu jkun hemm is-separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja, li kienet waħda tajba l-iktar għax wieħed jinnota li minn żmien għal żmien f’dak il-Partit Laburista ssib min irid jerġa’ jappella għal sezzjoni tiegħu li hija anti-klerikali. Huwa ċar li f’dak il-Partit, l-għażla lejn ideat ta’ moderazzjoni lejn il-Knisja jieħdu l-majnati tagħhom. L-agħar hu li wieħed jipprova jpinġi lill-Istat Malti bħala li huwa mmexxi mill-Vatikan jew mill-Isqfijiet tagħna, meta kulħadd jaf li mhux il-każ.

5. Is-separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja ilha prattikata f’dawn il-Gżejjer għal ħafna snin u m’hawnx bżonn ta’ xi ċaqlieq fuq dan. M’aħniex Stat immexxi mir-reliġjużi u ilna wieħed lajk. Jekk hemm min għadu ma fehemx dan qed jiżbalja u mhux qiegħed jagħraf sekli ta’ storja li wassluna fejn aħna llum. Il-fatt li l-Istat Malti huwa lajk però ma jfissirx li għandu jkun wieħed li jippromwovi l-ateiżmu, jew agħar, wieħed li ma għandu ebda forma ta’ prinċipju etiku li jmexxih. Il-kunċett ta’ lajċiżmu ta’ l-Istat m’huwiex wieħed li jitlaq minn pedament fejn ma hemm ebda morali ta’ xejn. L-iStat, għax mhuwiex Knisja, ma jfissirx li m’għandux l-ordni morali tiegħu, l-prinċipji etiċi li permezz tagħhom jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u l-familja.

6. Jekk “il-viżjoni” ta’ Stat sekulari huwa dak ta’ wieħed li huwa liberat minn xi forma ta’ prinċipju etiku, allura qed naqbdu t-triq lura lejn il-kaos, it-taħwid, it-tgerfix, fejn ir-regoli huma ineżistenti. Il-libertà timxi id f’id mal-ġustizzja. Meta tifridhom, il-baħar tmur. Il-periklu qiegħed hemm għas-soċjetà. Għax komunità ta’ bnedmin ma tgħix u ma tmurx 'il quddiem jekk ma jkollhiex linji ta’ gwida. Ħadd ma jista’ jgħid li l-Gvern jirċievi l-ordnijiet mill-Knisja. Dan però ma fissirx li aħna kontra u li ma nagħtux piż lil dik il-vuċi jew li nitilqu mill-prinċipju li għandna ninjorawha jew nippruvaw inżebilħu lit-tagħlim tagħha.

7. Aħna għandna sens qawwi ta’ dak li għandu jkun l-Istat demokratiku, però dan ma jfissirx li aħna narawh bħala strument għama li ma jafx fejn ser jasal. L-Istat huwa strument formidabbli sabiex permezz tiegħu jsir il-ġid fil-pajjiż. Nemmen fl-ugwaljanza, però iktar minn dan, inħaddan bħala valur aqwa l-ġustizzja. Biex tassigura li kull persuna f’dawn il-gżejjer timxi 'l quddiem u jkollha l-bibien miftuħa trid tibni liġijiet li jridu jkunu bbażati mhux fuq sempliċi kriterji arbitrarji, iżda fuq dawk il-prinċipji etiċi li jassiguraw il-ġustizzja soċjali u l-libertà.

8. Uħud, fil-ġudizzji sommarji tagħhom jaħsbu li għax tiddikjara ruħek demokratiku-nisrani huwa xi xkiel fil-ħidma tiegħek bħala bniedem ta’ l-Istat, inkella li inti m’intix kapaċi taħseb imma inti maħkum minn xi forma ta’ fundamentaliżmu. Il-verità hija li mertu tal-formazzjoni politika ta’ l-esperjenza ta’ kuljum sabiex tagħmel il-ġid lill-proxxmu u lill-komunità, kultant jaħarbilna dak li jitressaq minn diversi bħala soluzzjonijiet u għażliet. M’għandix biża’ mill-ideat li nħaddan. Nemmen fihom u nkejjilhom ma’ kull ġurnata, però m’jiniex maħkum iżda persważ. L-Istat Malti huwa lajk u sekulari però l-politika li titmexxa trid tiġi ispirata minn fonti. Fortunatament din hija ċara u identifikata. Mhix ħaġa moħġaġa li ma tafx fejn trid tibda jew tispiċċa. Aħna għandna partit stabbli fl-idejal demokratiku-kristjan. Ħaddieħor għadu qed ifittex fejn sejjer iqiegħed ruħu.

9. Is-soċjetà tagħna, minkejja kull kritika li ssirilha, hija waħda li tfittex li tara l-verità u l-fatti u mhux l-illużjonijiet. Għalhekk nemmen dejjem iktar li hemm preferenza li l-politiċi wieħed ikun jaf x’jaħsbu qabel jiġu eletti, u mhux wara. Fl-aħħar mill-aħħar, fl-għażla elettorali ċert li l-piż imur favur dak il-partit (li taqbel jew ma taqbilx miegħu) taf f’hiex jemmen minn dak li qed jiddikjara minn issa li ser idur skond ir-riħ. Il-poplu jifhem li min għandu prinċipju jaf fejn hu miegħu u huwa lilu li jsostni bil-vot tiegħu.


Dan l-artikolu deher fil-ġurnal Il-Mument tal-14 ta' Frar 2010

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...