3.8.09

ATTAKKI KONTRA D-DEMOKRAZIJA



1. Ma hemmx dubju li l-aġir anti-demokratiku għandu mhux biss jiġi kundannat, imma kontrollat b’mezzi legali. Din il-ġimgħa kellna nassistu għall-attakk mill-iktar vili li sar fil-belt Spanjola ta’ Binjas. Ħidmet l-ETA għadha tippersegwita lil dan il-Gvern ta’ Josè Luis Rodriguez Zapatero bħal ma ilha tagħmel tul dawn l-aħħar snin. Ma hemmx gvern wieħed fid-demokrazija Spanjola li ma kellux jaffronta din is-sitwazzjoni daqshekk spjaċevoli. L-imwiet ta’ diversi kunsilliera u uffiċjali għolja fl-istituzzjonijiet għadha ferita li diffiċli sabiex tingħalaq.


2. Minkejja l-proponimenti nobbli li bihom beda l-ħidma Zapatero, mal-ETA baqa’ ma wasal imkien. Organizzazzjoni terroristika kienet, u hekk baqgħet. Taħseb li tista’ tieħu dak li trid (l-indipendenza tar-reġjun Bask minn Spanja) b’dawn il-metodi. Ikun għal kollox żbaljat li ġewwa demokrazija wieħed jasal b’dawn il-linji ta’ ħidma. Il-każ tal-mexxej straordinarju Nelson Mandela jindika proprju kemm dan huwa minnu. Irrinunzja għall-użu tal-vjolenza f’ċirkostanzi xejn faċli u rnexxielu jwassal lil pajjiżu lejn tmexxija differenti mingħajr problemi impossibbli, jew agħar, gwerra ċivili.

3. Il-piż fuq dan il-Gvern Soċjalista Spanjol huwa ikbar. Dan għax irnexxielu jispiċċa fil-poter proprju minħabba l-attentat ta’ Madrid li kien sar fl-2004. Għadni naħseb fuq dik il-laqgħa li kellna fil-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Intern fid-19 ta’ Marzu 2004 u li kont attendejt għaliha meta kont Segretarju Parlamentari. Hemmhekk rajt lill-Ministru Spanjol tal-Partit Popolari Jaime Mayor Oreja jrid jispjega lill-oħrajn kif u għaliex sar l-attentat li fih kienu nqatlu numru kbir ta’ persuni li kienu mill-iktar innoċenti. Il-pożizzjoni qatt ma kienet faċli għal ħadd minn dawk li mexxew il-ministeru li llum huwa mmexxi tant tajjeb minn Alfredo Perez Rubalcaba, bniedem li kelli diversi drabi l-opportunità li niltaqa’ miegħu u nkellmu.

4. Din id-darba l-attakk l-ewwel sar fuq kwartieri tal-gwardja ċivili, u t-tieni f’Malaga fuq żewġ uffiċjali jistennew li jidħlu għax-xogħol li huma magħrufa kemm huma dixxiplinati u effettivi. Dan għax l-attakki saru direttament fil-qalba ta’ l-Istat u kienu intenzjonati li jolqtu kemm jista’ jkun persuni ta’ familji li huma viċin l-amministrazzjoni ta’ l-ordni. Fortunatament, l-effett intenzjonat ma kienx dak li seħħ direttament. Biss dan bagħat il-messaġġ ċar u tond li t-terroriżmu għadu ħaj u għadu fil-possibilità li jolqot. Ma hemmx dubju li ebda demokrazija ma tista’ tħalli aġir simili għaddej, mingħajr ma tirreaġixxi b’saħħa u determinazzjoni.

5. Għalhekk l-emendi u n-numru kbir ta’ liġijiet fuq it-terroriżmu li saru seħħew sforz it-theddida li aġir anti-demokratiku bħal dan iwassal. Pajjiżna żamm lilu nnifsu għaddej huwa wkoll u reċentement erġajna daħħalna fis-seħħ numru ta’ artikoli fil-Kodiċi Kriminali biex inżidu fil-protezzjoni li l-Istat Malti fl-Unjoni Ewropea għandu bżonn. Biss id-demokraziji, fil-ħsieb ġustifikat tagħhom li jiggarantixxu ċerti libertajiet, mhux dejjem huma konxji minn numru ta’ theddid li jeżistu. Kollox jibda minn persuni li jabbużaw mis-sistema, sija bil-kliem kif ukoll bil-fatti.

6. Fl-Unjoni Ewropea, tul dawn l-aħħar snin, żidna sew mill-konoxxenza u l-għarfien ta’ din is-sitwazzjoni. Mhux biss fuq livell ta’ aġir anti-terrorista, però anki fuq dak li jassigura li diskors li jistiga mibgħeda razzjali u xenofobija. Għalkemm il-linja ta’ ħidma hija żgur tajba, però hemm bżonn li mmorru iktar fil-fond. L-estremiżmi, ġejjin minn fejn ġejjin, huma ħżiena u jagħmlu effett li huwa kollox barra demokratiku. Hawn hawn lok għal iktar ħidma. Dak li ġara fi Spanja mhuwiex biss ta’ dak il-pajjiż, però huwa wkoll ta’ l-Unjoni Ewropea kollha. Għalhekk, mill-esperjenza ta’ dak li seħħ u qiegħed iseħħ, għandna nifhmu li attakki lejn id-demokrazija bil-fomm u bl-aġir huma dejjem kontra ċ-ċiviltà tagħna u għalihom għandna dmir inwieġbu.

Dan l-artikolu kien ippubblikat fil-ġurnal Illum tal-Ħadd 2 t’Awwissu 2009.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...