30.6.09

Proġetti importanti għalina

1. Il-pajjiż, hemm min isib kull okkażjoni sabiex imaqdru. Jgħid kemm kollox għadu ma sarx u kemm dak li sar messu sar aħjar, però f’ebda mument ma jirrikonoxxi kemm fil-fatt dan inbidel ta’ taħt fuq. Il-wirt kulturali, l-ambjent sħiħ tagħna huma llum ferm u ferm aqwa milli qatt kienu. Fortunatament għalina, it-territorju huwa mogħni bi kwantità ta’ siti storiċi li jiffurmaw parti importanti mill-wirt tagħna.


2. Mhux biss dan, imma biċċa biċċa, sistematikament skond xi flaħna bħala Stat, ħadna ħsieb li nimbarkaw fuq proġetti li permezz tagħhom ippreservajna dak li kien hemm u mexxejna sabiex nirrestawraw dak li stajna. F’dawn is-snin kollha li ilu fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista, f’ebda mument ma żammejna lura minn dawn il-passi. Dan kellu żgur prezz li ħallasna, biss illum ħadd ma jista’ jiċħad li mertu tad-determinazzjoni ta’ diversi Ministri, għandna iktar biex niftaħru.


3. Ħadna ħsieb li ma nillimitawx irwieħna għal belt jew raħal partikolari, iżda avvanzajna kemm stajna f’kemm siti possibbli. Ma hemmx dubju li dak li sar huwa evidenza li l-Gvern huwa konvint li l-wirt kulturali tagħna jrid jiġi ppreservat u, anzi, mkabbar. It-Tieni Gwerra Mondjali ħalliet ħerba f’diversi bliet u rħula tagħna. Huwa magħruf li t-tkissir u t-tifrik li rajna ħalliena b’ħafna diffikultajiet. L-ewwel, ma kellniex il-possibilità li nibnu kollox lura kif kien; it-tieni l-pajjiż ried iħares ‘il quddiem u jagħmel priorità: jibni djar għal min tilef tiegħu sabiex jerġa’ jġib kemm jista’ jkun normalità.


4. Fuq kif sar il-proċess ta’ rikostruzzjoni hemm min għandu tifħir u hemm oħrajn li jidhrilhom li mhux kollox kien ippjanat kif kellu jkun. Ir-realtà hija li dak li nbena, illum ma jistax jitwaqqa’. Dak li sar jikkondizzjona, anzi aħjar, id-deċiżjonijiet li ttieħdu f’dak il-mument rabtu lilna. Biss il-punt, il-fus ta’ dak l-istat tal-affarijiet kien aktar marbut ma’ kemm dak li kien qiegħed isir sar b’doża ta’ kreattività u gosti tajba jew inkella sarx sempliċement minn viżjoni purament utilitarja.


5. Ftit (tgħoddhom fuq idejk) huma s-siti li kienu mibnija qabel dak il-konflitt mondjali, li llum għadhom mhux imtella’. Ir-realtà hija li aktar ma għadda ż-żmien, aktar dak li tħalla barra spiċċa jkerrah dak li nbena u li ġie restawrat. Din il-ġimgħa l-poplu tagħna jitlaq fiha b’ġabra ta’ disinji li l-Perit Renzo Piano qiegħed iressaq għall-kunsiderazzjoni tagħna. Pjanti, viżjoni kompletament ġdida ta’ kif is-sit tat-Teatru Mwaqqa’ jista’ jittrasforma ruħu lejn il-bżonnijiet tagħna tal-lum u fil-futur.


6. Ma hemmx dubju li ser iressaq lill-pajjiż lejn dibattitu. Diskussjoni ta’ dak li għandu jsir minn post li llum qiegħed ikerrah sew lill-Belt. Mingħajr ma rridu għandna f’rasna qasma fil-post li għażilna bħala l-kapitali tagħna. Diviżjoni f’sezzjonijiet, qisha l-Belt tibda minn wara t-Teatru Mwaqqa’. M’għandniex kunċett sħiħ ta’ post storiku li huwa kollu magħqud u li mill-bidu tiegħu sal-aħħar huwa sħiħ. Hemm bżonn, wara dawn is-snin kollha, li dak li ma sarx fil-passat isir illum. Isir bil-viżjoni, veduti ta’ issa, mingħajr nostalġiji sterili tal-passat. Wasal il-mument li niddeċiedu fuq dan u hemm bżonn li dan ma jdumx ma jsir. Ladarba l-post jinbena, l-Belt kapitali tagħna tieħu lura r-ruħ. Inqisu sewwa, ma hemmx dubju, nisimgħu u niddiskutu kemm huwa possibbli, imma fl-aħħar nimxu ‘l quddiem. Dan huwa proġett importanti għalina. Ma għandniex nipposponuh aktar.



Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument tal-Ħadd, 28 ta’ Ġunju 2009.

25.6.09

Dak Li Messna Għedna

1. Mhux darba jew tnejn issib ruħek f’konversazzjonijiet, f’dibattiti, u wara li jgħaddu jibda għaddej minn ġo rasek dak li messek għedt u ma lissintx. Hemm, meta tibda tħossok fuq sieq waħda, tkun moħħok f’ħaġa oħra u ssibek ħabta u sabta fi ħwejjeġ oħra. Ma tistax tikkontrolla l-ħajja, tista’ biss tirrifletti wara u tgħid: dik stajt nagħmilha u dik messni le. L-importanti li tagħraf fejn ma kontx daqshekk tajjeb u preċiż u timxi ‘l quddiem. Għax irid jingħad ukoll li hemm mumenti meta jew tkun inti stess iebes fuqek innifsek jew issib lil ħaddieħor jikkritikak iktar u dan għax hemm dejjem fin-nofs il-pretensjoni tal-preċiżjoni assoluta.

2. Ma hemmx dubju li, tagħmel x’tagħmel, ser issib min ma jaqbilx miegħek. Għax hemm wisq min huwa ppreparat jitlaq jiġri malajr mingħajr ma jaħseb biżżejjed u jipprova jsiblek difetti żejda. Dik hija r-realtà tal-ħajja u ma tistax tibdilha. Tipprova tistinka u fl-aħħar tal-jum taf li huwa biss int innifsek li trid issib il-paċi. Il-paċi li qed tipprova tagħmel il-ħajja tal-proxxmu aħjar milli hi mit-talenti li ngħatawlek u li tħaddem. F’dan trid tibqa’ tħares lejn l-aspetti pożittivi tal-ħajja, lejn dawk il-bnedmin li japprezzaw u m’humiex tant lesti li jieħdu għalihom imma li janalizzaw u jqisu sewwa.

3. Din l-aħħar elezzjoni Ewro-Parlamentari sabitna fuq naħa naħdmu sabiex nibdlu u, fuq l-oħra, li ser niġu ġġudikati qisna għamilna ħames snin u mhux sena biss fil-Gvern. Naħseb li f’dan messna semmejna numru ta’ punti pożittivi li, sforz il-fatt li konna qed nippreparaw oħrajn ġodda, bqajna ma għedna xejn fuqhom. Qisna ħsibna li kulħadd ser jiftakar fihom għax naħsbu li kull persuna hija ffissata fil-politika. Ir-realtà hija vermanet differenti u forsi stajna semmejna dak li bqajna ħallejna barra u li fil-fatt għamel il-ġid lill-poplu.

4. Ngħid dan għax din il-ġimgħa fhimt li ħallejna barra mid-diskussjoni Ewropa l-vantaġġi tas-sistema Schengen. Minn meta dħalna f’dan il-mekkaniżmu ta’ sigurtà l-Maltin u l-Għawdxin, bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandhom il-vantaġġ li jistgħu jsiefru f’diversi pajjiżi tal-Unjoni mingħajr id-diffikultajiet li kellhom qabel. M’għadx hemm il-bżonn li naħlu ħin twil minn ajruplan għall-ieħor biex nuru l-passaport jew li noqogħdu kull darba ngħaddu mill-mekkaniżmi ta’ sigurtà, li kibru tant wara l-11 ta’ Settembru. M’għandix dubju li qattajna ħafna ħin nistennew fuq ix-xwiek bil-biża’ li ser nitilfu ajruplan. Dan illum għaddejnieh. Mhux biss, imma żidna fis-serjetà tagħna għax il-pajjiż ingħaqad ma’ oħrajn f’iktar koperazzjoni.

5. Mhux biss is-Schengen, imma anqas ma tkellimna fuq il-vantaġġi li l-Ewropa ġabitilna fis-settur finanzjarju. Il-pajjiż kellu diġà sistema verament avvanzata u ħadd ma jista’ jneħħi minn dan il-mertu tal-Partit Nazzjonalista, però bid-dħul tagħna fl-Unjoni żidnieh sew. L-investiment finanzjarju hawn kien u għadu għaddej b’ritmu tajjeb. Ovvjament u naturalment, dan ma jseħħx mix-xejn imma frott il-fatt li dan il-pajjiż gawda f’dawn is-snin minn paċi, stabilità u prosperità li qabel ma kellux. Min qiegħed f’dan is-settur jgħidilna kemm dan huwa minnu. Jgħidulek ukoll kemm dan is-settur ħoloq xogħol u kemm irnexxielu jiggarantixxi l-ekonomija tagħna. Dan seħħ mertu ta’ dan il-Gvern, li mhux biss mexxa ‘l quddiem imma ħa ħsieb li jsostni kollox bid-dħul fl-Unjoni.

6. Aktar minn dan, bnejna wkoll b’ħafna passi tajba s-settur marittimu u dak tat-turiżmu. Il-fatt li għandna servizzi verament avvanzati għal dawk il-ħafna li qed ifittxu li jduru l-portijiet tal-Mediterran tul is-sajf bid-dgħajjes lussużi, u l-fatt li komplejna kabbarna l-abbiltajiet tagħna fir-reġistrazzjoni tal-bastimenti huwa żgur mertu ta’ din il-politika li ħaddan il-Partit u li fl-Unjoni Ewropea m’hemmx dubju li ssudat. L-istess is-settur tat-turiżmu, li ħadd ma jista’ jmeri li kien ukoll il-viżjoni fit-tul tiegħu li biddlitu u ttrasformatu fil-potenzjal enormi li għandu fil-preżent. Ħadd ma jista’ jiddubita, l-ewwel, li kull Gvern Nazzjonalista ħadem bis-sħiħ għal dan u, t-tieni, li d-dħul tagħna fiż-żona ewro u fl-Unjoni ġiebuna f’possibiltà li niġbdu aktar turisti lejna milli qatt stajna qabel.

7. Hemm ferm iktar punti li nista’ nagħmel, bħal pereżempju l-biljuni li l-kumpannija Lufthansa Teknik investiet magħna, però dan l-artikolu qasir wisq. Il-punt li hemm bżonn li jsir huwa li rnexxielna nibnu pajjiż ferm iktar sod milli ħaddieħor jipprova jpinġih. Wieħed li qiegħed javvanza sew u qiegħed jagħti frott lil dan il-poplu. Dan kollu nafuh u jmissna nsemmuh u nispjegawh iktar. Il-poplu jitolbu u jifhem kemm xogħol sar u qed ikompli jsir.

Dan l-artiklu kien ippubblikat fil-ġurnal Il-Mument nhar il-Ħadd, 21 ta’ Ġunju 2009

21.6.09

Il-mandat il-ġdid

1. Din is-sena, fuq livell ta’ Unjoni Ewropea kellna u ser ikollna erba’ appuntamenti li jiddeterminaw dak li sejjer jiġri fiż-żona tagħna. Żewġ presidenzi interessanti meħuda wara xulxin ta’ żewġ pajjiżi li jġibu magħhom esperjenzi differenti: l-ewwel, dik Ċeka u t-tieni, dik Svediża. Waħda waslet biex tingħalaq u l-oħra trid tibda. Waħda ta’ Membru ġdid, l-oħra ta’ wieħed anzjan, biss it-tnejn determinati minn viżjoni ta’ pajjiżi “żgħar” u li jħarsu iktar lejn il-parti ta’ fuq tal-Ewropa.

2. It-tieni, mewġa ta’ fatturi li jibdlu u jsawwru l-kors futur huma marbuta ma’, l-ewwel, dik li kienet l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew il-ġdid, u t-tieni, l-għażla li lejn l-aħħar tas-sena tikkonkludi ruħha fil-Kummissjoni Ewropea ġdida. Dawn il-kurrenti politiċi ser ikunu determinanti f’kemm ser jirnexxilna naffrontaw b’kuraġġ il-problemi li l-popli tas-27 Membru qed jaraw ma’ wiċċhom. Dan naturalment jitlaq mill-prinċipju ta’ kemm l-istituzzjonijiet ser jiġu mċaqilqa mill-Kummissjoni u mill-mexxejja varji fl-Unjoni sabiex jitilqu minn dil-bażi lejn programm ta’ ħidma aħjar milli kellna.

3. Jekk l-affarijiet jibqgħu għaddejjin kif inhuma ser naslu f’elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fejn (forsi bl-eċċezzjoni ta’ pajjiżna) jkun hemm abbandun tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot. Meta tikkunsidra li 27% marru jivvutaw fil-Polonja, jew 19% fl-Islovakkja, jew 40% fi Franza, wieħed jifhem li għandha tkun prijorità għall-ħames snin li ġejjin li l-politika tal-Istituzzjonijiet tkun iktar parteċipattiva, diretta u trasparenti. Il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsilli tal-Ministri qegħdin hemm biex iwieġbu għar-realtà li l-ekonomija u l-ħajja soċjali waslet biex tagħti lill-komunitajiet Ewropej tagħna.

4. Il-fattur tal-persuni li, għalkemm għandhom id-dritt li jieħdu sehem jibqgħu ma jmorrux jivvutaw, trid tiġi ndirizzata bi programm mhux biss ta’ informazzjoni imma ta’ riċerka għal dak li jridu huma mill-Unjoni Ewropea. Ovvjament ir-riżultati elettorali wera li l-partiti li huma miġbura taħt il-Partit Popolari Ewropew baqgħu jżommu l-maġġoranza, mentri l-partiti Soċjalisti naqqsu għall-partiti oħra. Dan ifisser li l-267 membru fil-PPE fil-konfront tal-159 tal-PES għandhom fuq daharhom responsabbiltà iktar minn ta’ oħrajn sabiex wieħed iċaqlaq ‘il quddiem din l-aġenda, għax huwa minnu li din il-kollaborazzjoni trid tibqa’ u tiġi sostnuta.

5. L-għażla prospettata tal-President tal-Kummissjoni Josè Manuel Barroso fiha ħafna sens. Ma hemmx dubju li l-perjodu tiegħu kien mimli deċiżjonijiet xejn faċli u kellu, f’ħafna mumenti, jintervjeni direttament sabiex jiġu sblukkati problemi li deher li ma kienx hemm possibilità ta’ soluzzjoni. Ovvjament ser ikun irnexxielu jikkrea pass ġdid fl-Unjoni Ewropea proprju f’mument bħal dan, fejn l-ekonomija marret lura għal ħafna pajjiżi fl-Unjoni u fejn hemm diffikultajiet sabiex wieħed iżomm il-Kummissjoni fuq quddiem tal-“leadership” mondjali. Biss l-Ewropea tas-27 għandha bżonn perjodu ieħor ta’ stabilità fejn ma għandhiex il-kumplikazzjoni “naturali” ta’ min jilħaq ġdid. Iż-żmien jitlob deċiżjoni bħal din.

6. Dan għax huwa ġà magħruf li numru ta’ Kummissarji ser jinbidlu billi ħafna pajjiżi għażlu li jibdlu lil min ser jibgħatu. Għalhekk huwa għaqli iktar mis-soltu li Barroso jżomm it-tmun sabiex tinżamm il-linja ta’ stabilità li f’dan il-mument hija ferm iktar importanti minn oħrajn. Il-prijorità ta’ din id-deċiżjoni tikber iktar u iktar meta tikkunsidra li għandek il-probabilità li t-Trattat ta’ Lisbona jiġi finalment approvat u dak ser jerġa’ jibdel ix-xenarju. Ma hemmx dubju li dawn huma appuntamenti verament importanti għalina wkoll. Fuq l-għażliet tal-persuni li ser jokkupaw is-siġġu għall-ħames snin li ġejjin u fuq l-aġenda li huma ser iressqu ‘l quddiem aħna llum niddependu wkoll.

7. Hemm ħafna punti li jridu jiġu indirizzati tul il-Presidenza Svediża. Hemm bżonn riflessjoni interna ta’ x’qed iwassal għal parti sew mill-elettorat biex ma jivvutax u għala n-numru li vvutaw marru għall-partiti fuq il-lemin estrem. L-Ewropa hija dik li hi llum proprju għax inbniet fuq il-parteċipazzjoni qawwija tal-poplu u l-illegalità ta’ partiti Nażisti u Faxxisti. Hemm verament bżonn ta’ iktar ħidma hawn għax id-demokrazija tikber meta ma jkunx hemm aġir anti-demokratiku. Partiti fuq il-lemin estrem huma elementi ta’ anti-demokrazija li jridu jiġu konfrontati billi l-poplu jifhem li m’humiex is-soluzzjoni tal-problemi.

8. Għalhekk il-mandat il-ġdid tal-Unjoni Ewropea għandu jkun dan. Issudar tad-demokrazija billi wieħed jerġa’ jmur lura u jġib iktar parteċipazzjoni mill-poplu f’kemm jista’ jkun livelli. Il-ħidma tagħna fl-Unjoni Ewropea trid tkun diretta fuq dik il-linja. Hemm nistgħu naraw politika iktar ta’ ġid: waħda li tħares il-bilanċ bejn l-istabilità u l-enerġija li l-Kummissjoni trid tagħmel u fl-istess ħin tkun waħda li tassigura l-issudar tal-ġustizzja soċjali. Ħames snin oħra naraw jekk dan irnexxilniex nagħmluh. Naraw kemm aħna difensuri tal-poplu biex dawn l-istituzzjonijiet iwieġbu għas-sejħiet tagħhom.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-21 ta’ Ġunju 2009.

16.6.09

Il-każ għall-ottimiżmu


1. Huwa veru li meta tkun moħħok biex taħdem, ma taħsibx fil-bżonn li tiftakar. Anzi naħseb li ħafna drabi, tant tiġi dixxiplinat fil-Qorti bħala avukat li tispiċċa tgħid kollox fil-qosor u darba, mingħajr ripetizzjoni. Mhux biss, imma aktar minn dan bħala ministri u segretarji parlamentari, għalkemm naħdmu u nagħtu riżultat ta’ ħidmietna, nippretendu għal raġuni jew oħra, li għandu jkun ħaddieħor li għandu l-informazzjoni. L-eventi ta’ din l-elezzjoni wrew kemm dan kollu huwa propriju u minnu. Dan għax il-ħidma tagħna ma dehret xejn u minflok saret propaganda li kerrħet kull ma ppruvajna nagħmlu.


2. Fir-realtà ma sarx diskors biżżejjed jew fil-ħin kemm irnexxielna naħdmu biex din is-soċjetà tagħna timxi ‘l quddiem. Id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż mexjin sew, b’passi verament qawwija li tajjeb li wieħed iressaqhom għall-kunsiderazzjoni tal-pajjiż. Għax huwa tajjeb li naraw il-fatti mhux maqtugħa minn xulxin kif jiġu ppreżentati lilna fil-gazzetti ta’ kull jum, imma f’daqqa. Dan għax hekk wieħed jifhem kemm hemm sinjali ta’ ottimiżmu li jitħallew fil-ġenb mentali tagħna.


3. Nitkellmu diversi drabi fuq l-importanza ta’ l-ekonomija u ma nindunawx kemm għandna bl-investimenti li qed isiru. F’dan il-kuntest ħadt pjaċir nara, l-ewwel, l-artikolu tal-Erbgħa fejn it-Tumas Group ħabbru s-sejħa għal bonds f-ammont ta’ għoxrin miljun ewro, li qed jinħarġu għal diversi raġunijiet sabiex isostnu din il-korporazzjoni kummerċjali. Mhux biss, imma kienet daqshekk ieħor ta’ interess li kellna l-ftuħ mill-Prim Ministru ta’ parti oħra tal-ajruport tagħna li sewa ħamsa u għoxrin miljun ewro. Il-ftuħ ekonomiku li għandna f’pajjiżna m’huwiex traskurabbli meta tqis li f’ġimgħa waħda konna qed naraw ħamsa u erbgħin miljun ewro ta’ investiment fis-suq tagħna sabiex jiġġeneraw aktar xogħol u ġid.


4. Fid-dinja tax-xogħol li ovvjament tmexxi ‘l quddiem il-ħajja soċjali u finanzjarja tal-bnedmin kellna wkoll żewġ mumenti importanti għaliha tul din il-ġimgħa. Fil-fatt kien hemm, l-ewwel, it-tkabbir ta’ inizjattivi ġodda min-naħa tal-Korporazzjoni għall-Impjiegi u t-Taħriġ u, t-tieni, l-vista tal-Kummissarju għall-Impjiegi Vladimir Spidla li ġie b’numru ta’ passi ġodda li qed jiġu proposti fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dawn huma importanti meta wieħed iqis li l-Korporazzjoni għandha f’idejna tmienja u għoxrin miljun ewro fi proġetti għall-impjiegi u taħriġ mill-2007 sal-2013, u t-tieni, li l-istess irnexxilha ġġib tmien miljun ewro fi ħdan il-programm mill-fondi tal-Unjoni.


5. Il-Ħamis, f’laqgħa li Spidla kellu mal-Korporazzjoni ġie mgħarraf b’żewġ inizjattivi ġodda, waħda msejħa “Nista’” tiswa’ 1.9 miljun ewro għar-riċerka u għajnuna lin-nisa sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u t-tieni, dak ta’ “Me2” fl-ammont ta’ 1.4 miljun ewro ndirizzat biex jintegra persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol. Quddiem dan, u flimkien mal-Ministru John Dalli, l-Kummissarju Spidla ħabbar li qed jipproponi tibdiliet importanti lir-regoli li jirregolaw il-European Social Fund sabiex l-Istati Membri jsibu iktar flessibilità fil-mod ta’ kif jistgħu jingħataw aktar proġetti faċilment.


6. Ċert li mhux kulħadd f’pajjiżna għaraf dan u fehem kemm għaddejja ħidma importanti li tmexxina ‘l quddiem. Il-poplu tagħna għandu livell ta’ għixien li huwa ferm u ferm iktar għoli milli qatt kien f’sekli oħra. Dan ma waqax f’ħoġorna, iżda seħħ mertu tal-ħidma pożittiva, attenta u diretta sabiex isiru l-passi u l-miżuri neċessarji biex tibni u ssostni l-istruttura soċjali u ekonomika tagħna. Il-każ għall-ottimiżmu jinbet mir-realtà, mill-fatti, mill-istatistika li dawn il-figuri u inizjattivi jisiltu. Fl-aħħar tal-ġurnata jista’ jkun li ma ninfurmawx, li m’aħniex fis-soċjetà l-ħin kollu, però naħdmu u naħdmu sod għall-ġid ta’ dan il-poplu. Poplu li naqbżu għalih u niddefenduh.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal il-Mument ta’ nhar il-Ħadd 14 ta’ Ġunju 2009.

14.6.09

No democracy, no party?

1. Laqatni l-aħħar artikolu tal-ħabib, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Dr Toni Abela tal-ġimgħa li għaddiet. Rajt li kien qiegħed jagħmel riflessjonijiet li jimmeritaw li wieħed jikkunsidrahom, issa li għandu parti, mill-makkinarju tal-partit f’idejh. Ma hemmx dubju li l-intelliġenza tiegħu qegħda diġà turi ruħha fil-mod ta’ kif ġiet impustata l-kampanja u anke kif wieħed għandu jġib ruħu fil-ħidma elettorali. Rajt mhux biss fejn huwa kellu id diretta, iżda fejn ma tantx qabel magħha. L-artikolu, miktub fid-diffikultajiet kollha ta’ min ikun impenjat direttament u fuq quddiem nett, għalhekk huwa interessanti.

2. Interessanti, l-ewwelnett għax Toni, fl-ispirtu ġenwin tiegħu, żamm lilu nnifsu jikteb regolarment f’iktar minn żewġ gazzetti. Hemm għall-mument għandek vuċi awtorevoli f’dak il-partit li taf li l-artikoli jirrappreżentaw ħsibijietu u żgur li ma jiktibhomlux ħaddieħor. Dan huwa pożittiv u nittama li jibqa’ għaddej fuq din il-linja għax il-poplu għandu jkun jaf min qiegħed fil-politika x’jaħseb u x’jixtieq li jseħħ. Verament fuq dan naqblu t-tnejn.

3. Fil-fatt, minn meta ltqajna għalkemm ma konniex naqblu fl-ideat, però naħseb li żammejna ruħna naqraw u nippruvaw nagħtu s-sehem tagħna dejjem għall-politika aħjar. Għalhekk ma stajtx ngħid li ma naqbilx miegħu meta esprima l-bżonn li jintbagħat messaġġ lil dawk kollha li qegħdin fil-politika li jridu jbiddlu egħmilhom u joħorġu bi prodotti politiċi ġodda jekk iridu li n-nies joħorġu jivvutaw. Biss ma fhimtx biżżejjed għala dan ittieħed tant fil-kelma u mhux fis-sustanza meta daħlu fil-lista persuni li naħseb li huwa jaqbel miegħi li la huma segwaċi tas-soċjaliżmu u wisq anqas tas-soċjal-demokrazija. Daħlu persuni li fortunatament ma ġewx eletti però għall-voti li setgħu jiġbdu nħass il-bżonn li jiġu utilizzati.

4. Għandu fuq dan ukoll raġun meta kompla jelabora u jgħid: “Qegħdin nipperikolaw li jkollna ġenerazzjoni ta’ kwalunkwisti u ma jibdewx jiddistingwu bejn partit u ieħor għal raġunijiet li m’humiex tajbin. Ġenerazzjoni li għaliha ftit jimporta lil min tivvota għax f’għajnejha dawn kollha l-istess.” Hemm verament dan il-periklu li l-partiti f’pajjiżna jitilfu mill-ideal politiku tagħhom. Ċert li jekk ma noqogħdux attenti dan jista’ jseħħ, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li numru sew ta’ kandidati setgħu joqogħdu fuq kull lista tat-tlett partiti regolari. Hawn nifhmu iktar għax napprezza li żgur li sab lilu nnifsu jaħseb bejnu u bejn ruħu fuq kemm dawk li dehru fuq il-lista tal-Partit Laburista kienu lkoll bnedmin li għandhom l-ideali tiegħu.

5. F’dawn naqbel li hemm bżonn iktar persuni li jkollhom formazzjoni politika tajba, biss – u hawn ukoll ma naqbilx miegħu, kien sempliċi żżejjed meta ddikjara li l-Partit Nazzjonalista huwa parti “neo-liberali” mentri dak Laburista issa sar “umanista”. Bir-rispett kollu, il-Partit Nazzjonalista huwa demokratiku nisrani u mhux liberali u nittama li fil-Partit Laburista għad fadal xi ħadd li jiftakar f’Karl Marx. L-ideal tal-Partit Nazzjonalista kien u baqa’ li hija l-ekonomija li hija għas-servizz tal-bniedem u mhux il-kontra. Anzi, l-esperjenza politika wriet li aħna ma mmorrux għal sistema ekonomika li ma tħarisx lejn il-ġustizzja soċjali, lejn id-dinjità tal-bniedem.

6. Kienet proprju din il-linja li twieldet mill-bżonn li jiġu mplimentati f’liġijiet id-duttrini soċjali tal-Knisja Kattolika li wasslitna fl-istat soċjali tal-lum. Imxejna fuq dan u ħadna ħsieb li ma nkunux liberali jew neo-liberali jew konservattivi f’ħidmietna. F’dan għalhekk hemm żgur l-importanza li nassiguraw li l-partiti politiċi jimxu fuq il-linja ideoloġika tagħhom, biss hemm ħafna xi jsir, iktar u iktar meta hemm min qiegħed jaħseb li dawk li jsostnu politika ta’ ħsieb huma xi razza li qegħda tmut. Mhux biss, imma dan jgħodd iktar f’Partit Laburista li s-soċjaliżmu insieh tant li anqas baqa’ jsemmih.

7. Fuq dan tajjeb li ssir riflessjoni, fuq x’valuri ġiebu magħhom il-kandidati li ħarġu fi ħdan iż-żewġ partiti. Ngħid dan għax huwa ċar u ovvju li l-Partit Laburista ħass li għandu jagħżel persuni li ma jħaddnux l-ideat tiegħu iżda li huma kandidati, li l-elettorat (hu minn liema naħa hu) jħoss li jista’ jivvutalhom. Anzi, ħafna minnhom huma fix-xenarju politiku fuq il-lemin u mhux ix-xellug (dejjem jekk għadu jeżisti). Ma għandi ebda forma ta’ dubju li jħossuhom iktar neo-liberali minn dak li qatt nista’ nħossni jien, jew nittama, Toni Abela. Għalhekk is-sagrifiċċju ideoloġiku ta’ din l-elezzjoni, (sforz il-bżonn li l-mexxej il-ġdid ħass li għandu jagħmel), joħroġ ċar li sar tajjeb u konvenjenti mill-Partit Laburista. Is-soltu fil-“party” li qed jirreferi għalih il-ħabib tiegħi, l-bnedmin jieħdu xi grokk iktar milli għandhom u jitilfu ftit mid-dinjità tagħhom. Għalhekk m’għandux raġun jgħid “no democracy, no party”. Anzi, kellu jgħid: “Party? No democracy” jew “Democracy? No party!”.


Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal Illum

9.6.09

IL-KUNĊETT TAS-SIGURTÀ FL-UNJONI EWROPEA


1. Meta titkellem fuq is-sigurtà interna, numru ta’ drabi l-ħsieb imur fuq il-livell nazzjonali mingħajr konsiderazzjoni ta’ dak Ewropew. L-impatt tad-diversi miżuri u sistemi li pajjiżna daħal fihom f’dawn is-snin ftit qiegħed jasal għand il-poplu. F’mument naħtu aħna fil-politika li ma narawx biżżejjed li l-informazzjoni dwar dawn il-passi tasal fid-djar tal-elettorat tagħna. Għax ir-realtà hija li hemm limitazzjonijiet varji li jżommuna milli nagħmlu dan. Prinċiparjament il-fatt li l-ġurnalisti ġustament iħossu li aħbar għaddiet mill-importanza appena jgħaddu l-erbgħa u għoxrin siegħa tradizzjonali u t-tieninett għax il-mentalità tal-avukat hija dejjem li aħbar trid tgħidha darba, ma tirrepetix u fil-qosor mhux fit-tul.


2. Il-linja ta’ prinċipju fl-Unjoni Ewropea hija li ma hemmx libertà mingħajr regoli. Għalhekk hemm bżonn li jkun hemm strutturi interni tajba li, minn naħa jassiguraw aktar libertà għaċ-ċittadin Ewropew u, mill-oħra aktar kontroll u ħidma biex l-organizzazzjonijiet kriminali jiġu mrażżna u miżmuma. Għandek żewġ movimenti qawwija fis-soċjetà moderna li trid issib bilanċ fihom. L-ewwel il-fatt li min qiegħed jgħix f’din l-għaqda qiegħed jitlob li jkollu inqas xkiel biex jiċċaqlaq, jaħdem u jaġixxi u t-tieni, fuq in-naħa l-oħra l-fatt li d-dinja tal-kriminalità organizzata qed tuża b’iktar dożi qawwija t-teknoloġija, it-toroq tal-finanzi u l-liġi. Hemm xenarju iktar ikkumplikat minn dak li kellna qabel li hemm bżonn li jiġi affrontat, speċjalment fid-delitti marbuta mal-finanzi u ‘l hekk imsejħa “cyber crime”.


3. Il-prinċipju fl-Unjoni huwa bbażat fuq kollaborazzjoni iktar effikaċi u veloċi. Fil-fatt illum pajjiżna qiegħed jieħu gwadan minn esperjenza ta’ snin twal bejn il-Membri tal-Unjoni f’dan is-settur. Ġewwa din l-għaqda għandna diversi inizjattivi sabiex tikber il-koperazzjoni bejn il-forzi tal-ordni. Istituzzjonijiet bħall-EUROPOL jew CEPOL u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni SIS (Schengen Information System) kabbru dan is-settur. Għandna aktar għodod tajba li permezz tagħhom nistgħu naħdmu f’dan is-settur daqshekk vitali għal kull soċjetà moderna. ʹL hekk imsejjaħ “European Arrest Warrant” waħdu sewa u qiegħed, ma’ kull jum, juri kemm irnexxielna nibnu qafas ta’ liġijiet Ewropej tajba.


4. Ir-riżultati tal-lum ma ġewx mix-xejn, imma minn snin ta’ ħidma fuq livell ta’ ministri fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern u naturalment il-Kummissjoni tal-istess Unjoni. It-tlett linji ġenerali ta’ strateġija f’dan il-qasam jiffukaw, l-ewwel, fuq l-importanza li jkun hemm rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi li jingħataw fil-kamp kriminali ta’ kull Stat; it-tieni, li l-liġijiet tal-Istati Membri fil-kamp tal-proċedura fil-proċessi kriminali jersqu iktar viċin ta’ xulxin b’regoli aktar uniformi; u t-tielet li anke fid-dritt penali sostantiv ikollna dan il-proċess. Dawn huma miri verament ambizzjużi meta wieħed iqis kemm hemm sistemi legali differenti fis-27 Membru tal-Unjoni, biss iservu bħala linji ta’ gwida. Boxxli ċari ta’ direzzjoni li għandna nidħlu għalihom.


5. Dan kollu huwa mmirat sabiex fl-aħħar tal-ġurnata jkun hemm sistemi iktar faċli u effikaċi ta’ informazzjoni bejn il-forzi tal-ordni u l-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex wieħed jikkumbatti aħjar il-kriminalità organizzata; it-tieni, li tikber l-uniformità fil-liġijiet penali tal-Istati, sija f’dawk li huma d-drittijiet tal-akkużat kif ukoll f’ġabra ta’ reati li huma l-istess f’kull Stat. M’hemmx dubju li dan huwa proċess tajjeb però li qiegħed jiġi użat b’aktar attenzjoni għax, flok qed naħdmu fi proġett mhux iffukat, qed nidħlu f’setturi partikolari u naħdmu sabiex ikollna iktar uniformità fihom.


6. Fir-realtà, l-effett tal-Unjoni Ewropea f’dan is-settur huwa l-iktar wieħed evidenti. Is-sistema Schengen, jiġifieri dik li permezz tagħha l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jingħaqdu sabiex iċ-ċittadini tagħhom jgħaddu minn pajjiż għall-ieħor bil-libertà mingħajr il-kontroll tal-passaporti, kienet l-iktar li rnexxiet. Min-naħa l-waħda libertà akbar ta’ moviment, mill-oħra kontroll akbar u identifikazzjoni aqwa ta’ delinkwenti, sija dawk li huma suspettati kif ukoll dawk li nstabu ħatja. Mhux biss, imma hemm suċċessi wkoll marbuta mal-qafas ġdid ta’ delitti li llum huma parti mil-liġijiet ta’ diversi Stati u dan prinċiparjament fis-settur finanzjarju.


7. Hemm proġetti oħra li qed naħdmu fuqhom, dawk marbuta mal-irfinar tas-sistemi attwali li pereżempju mmorru mis-SIS One4All għas-sistema iktar qawwija tas-SIS II, inkella dik li qed tinbena taħt ‘l hekk imsejjaħ Trattat PRUM fejn qed nerġgħu ngħollu l-livell, però dan huwa kollu għall-quddiem. Il-ħidma tagħna qegħda mmirata fuq din il-linja sabiex inkomplu nservu ta’ għajnuna sabiex is-sigurtà u l-libertà tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jibqgħu mħarsa.


Dan l-artiklu ġie ppubblikat fil-ġurnal, Illum fis-7 ta’ Ġunju 2009.


8.6.09

WARA L-VOT

1. Ix-xenarju li żviluppa f’dawn l-aħħar xhur f’pajjiżna kellu l-effett li ħoloq diversi żvantaġġi għall-partit fil-Gvern. Diversi proġetti li konna stabbilejna li jitwettqu sibna li, fil-kriżi ekonomika, dawna ma stajniex. Għalkemm id-dinja nqalbet ta’ taħt fuq, xorta dħalna għal dawn il-problemi b’kuraġġ u determinazzjoni li permezz tagħhom taffejna u naqqasna l-effett negattiv tagħhom, però dak li konna qed inwettqu ma nħassx biżżejjed mill-poplu. Ir-realtà hija li, minkejja kollox, żammejna stabilità kbira li qegħda tmexxina lejn it-triq ta’ rkuprar ekonomiku, fi żmien qasir u rapidu.

2. Il-Partit Nazzjonalista fil-fatt m’għażilx li jmur lejn politika li ma tħarisx fit-tul. Anki jekk konna nafu li hemm min mhux qed jifhem, qiegħed jilmenta, xorta waħda ridna li nassiguraw li d-deċiżjonijiet li qed nieħdu huma tajba u se jservuna fit-tul. Għalhekk, minkejja dak li jista’ jidher mir-riżultat, nibqa’ ottimist. Mhux ser nagħmel il-każ sħiħ hawn għall-ottimiżmu tiegħi, imma nħoss li għandi nressaq numru ta’ punti li jżommuna naraw ir-riżultat f’perspettiva ċara u loġika li dan jitlob.

3. Għalkemm hemm min jaħseb li kull partit għandu xi elettorat sod warajh li ma jiċċaqlaqx l-aħħar żewġ appuntamenti, dak tal-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2008 u dak tal-bieraħ, juru proprju dan. Ma’ kull riżultat, il-linja politika t-tajba għandha tkun li tikkunsidra ruħha li trid terġa’ tibni mill-ġdid il-kunsens elettorali. F’kelma waħda, ebda partit ma jista’ jidħol għal eżami politiku jekk ma jibdiex jibni mill-ewwel ġabra ta’ persuni li jaqblu mal-linja politika u jsostnuha tant li jivvutaw għaliha. Ma hemmx dubju li min qiegħed fil-Gvern għandu ferm iktar diffikultà biex jidher daqshekk “sabiħ” u li dejjem għandu “s-soluzzjonijiet speċjali”. Biss dan ma jfissirx li ma jistax jilħaq kunsensi ġenerali. L-appoġġ jingħata prinċipalment mill-konvinzjoni li min qiegħed imexxi qiegħed jieħu inizjattivi u deċiżjonijiet li ser jagħmlu l-ġid.

4. Iċ-ċavetta ta’ kollox, m’hemmx dubju, hija kemm qed issir informazzjoni ta’ vera. Il-partit fil-Gvern għandu jkollu l-vantaġġ li mhux biss jistabbilixxi l-aġenda nazzjonali imma li jieħu ħsieb jibni kampanji ta’ informazzjoni. Mill-persuni li ltqajt magħhom, il-maġġoranza tagħhom riedu jkunu jafu l-fatti ta’ x’qiegħed isir u għala qiegħed isir. Stajt fuq naħa nara għatx kbir għall-verità, u fuq l-oħra, ħassejt li konna qed infallu sija fuq livell ta’ partit kif ukoll dak ta’ gvern biex jgħaddi dak li qed isir. Dan m’huwiex eżerċizzju fi propaganda politika li kapaċi jsir, imma parti mid-dmir tal-politiċi li jinfurmaw lill-poplu.

5. Naħseb li ma wasalx il-messaġġ li l-Gvern qiegħed jaħdem u qiegħed jagħti każ dak li l-pajjiż għaddej minnu fil-ħwejjeġ ta’ kuljum. Anqas ma wasal biżżejjed li hemm ħafna xogħol siewi li sar mill-membri parlamentari Ewropej u kemm il-pajjiż jirbaħ iktar meta jkollu rappreżentanza aqwa da parti tal-partit tal-Gvern. Ix-xenarju tant tħawwad li kien hemm mumenti meta ma konniex biżżejjed ċari, la f’dak li huwa l-kontenut tal-messaġġ tagħna, anqas ma konna diretti fuq il-prijoritajiet. Il-partit għandu jieħu konjizzjoni ta’ dan u jidħol fil-fond sabiex numru ta’ żbalji ma jiġux ripetuti.

6. Hemm konfużjoni f’moħħ xi wħud bejn il-libertà tal-opinjoni u l-linja tal-partit. Id-dixxiplina li ġġib magħha preżenza ġewwa partit hija neċessità jekk wieħed irid jibgħat messaġġ ċar u l-poplu jifhem malajr x’inhija l-pożizzjoni tiegħu. Meta tmur għal appuntament elettorali b’diversi persuni jagħtu ideat varji fuq l-istess suġġett, allura tkun qed tistenna riżultati xejn tajba. Dan m’huwiex kontroll tad-dritt fundamentali tal-espressjoni imma lezzjonijiet loġiċi fil-politika. Partit li jkollu diversi li jisparlaw fix-xejn jagħti l-impressjoni li m’huwiex ċert f’dak li jemmen, mentri l-fatti huma l-kontra.

7. Dan ir-riżultat jitlob riflessjoni interna, b’awto-kritika libera. Biss m’hemmx bżonn xi rapport li jifflaġella fejn ma hemmx lok ta’ penitenzi żejda. Naħseb li għandna nieħdu konjizzjoni tiegħu u nimxu ‘l quddiem biex nibnu politika li twassal sabiex tinforma u tikkonvinċi lill-poplu minn dak li qed inwettqu. M’aħniex il-bogħod minn dan, anzi għandna l-vantaġġ li nistgħu nidħlu fid-dettalji għax għandna erba’ snin oħra ta’ ħidma quddiemna. Il-każ għall-ottimiżmu jibqa’ hawn għax leġislatura sħiħa għandha tippermettilna nidħlu iktar fil-problemi tal-poplu u nixprunawh lejn is-snin li ġejjin fi programmi iktar ta’ fejda u ġid għalina.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Il-Mument fis-7 ta’ Ġunju 2008.

WASLULNA DIVERSI MESSAĠĠI

1. L-elezzjoni tas-Sibt li għadda diġà hija parti mill-passat. Il-Partit Nazzjonalista għandu jeżamina sewwa u fid-dettall dak li seħħ u jislet lezzjonijiet u linji gwida għas-snin li ġejjin. Ma hemmx dubju li min qiegħed fil-Gvern għandu dejjem l-iżvantaġġ li jitlef il-voti, daqqa fuq ħaġa u daqqa fuq oħra. Però huwa jrid jassigura li jaħdem kontra dan bi programm ta’ informazzjoni u konvinzjoni. Ma hemmx mod ta’ kif issib ir-raġunijiet kollha għala persuna vvutat u għala oħra le, biss tajjeb li nistabilixxu bi proċess ta’ djalogu r-realtà tal-vot.

2. Xenarju xejn favorevoli nbena kontra tagħna bħala Gvern li ma jagħtix każ tal-problemi tal-ħajja ta’ kuljum. Din l-impressjoni għal kollox żbaljata ngħaqdet mal-ħsieb li aħna ġabra ta’ persuni arroganti li ma tistax titkellem magħhom. Ir-realtà mhix hekk. Nagħtu każ, u sew, tal-intoppi li jara ċ-ċittadin tagħna u aħna m’aħniex persuni arroganti, anzi nagħmlu ħilitna biex b’umiltà naffrontaw ix-xenarju dejjem iktar diffiċli li rajna jiżviluppa fix-xhur li għaddew.

3. Ktibt diġà fuq dan u nemmen ħafna fih. Il-partit irid jerġa’, issa qabel għada, jiftaħ staġun ġdid ta’ djalogu ma’ kemm jista’ jkun nies. Ma għandux jiġi permess li ma mmorrux sabiex nerġgħu nġeddu l-apprezzament tal-polz tal-poplu. Min qiegħed fil-poter jaf li m’huwiex ripożitorju tal-informazzjoni kollha u anqas ma għandu jeskludi ruħu minn suġġerimenti u proposti li jistgħu jitħaddmu. M’huwiex faċli twettaq dan il-programm, m’hemmx dubju, biss irid jibda jsir mingħajr diffikultà jew eżitazzjoni.

4. Il-persuni li għażlu li ma jeżerċitawx il-vot tagħhom għandhom ir-raġunijiet tagħhom – uħud partikolari għalihom, oħrajn marbuta ma’ problemi nazzjonali. Dan hemm bżonn li, fil-limitu ta’ kollox, jiġi għad-dawl tagħna. Dawn għandhom jingħataw attenzjoni mingħajr ma wieħed jitlef mil-linja ġenerali ta’ ħidma. Irridu ngħarfu li għandna nħarsu ‘l quddiem lejn politika li permezz tagħha nfehmu aħjar dak li qed inwettqu u għala qegħdin nagħmlu dan. Jekk għandna setturi li hemm bżonn jiġu regolati ħa jiġu, jekk hemm bżonn li nirriformaw oħra ħa nimxu ‘l quddiem.

5. Dan m’għandux anqas, fuq in-naħa l-oħra li rridu nieħdu kont ta’ l-elettorat li fehem li, minkejja d-diffikultajiet ekonomiċi li kissru pajjiżi oħra u minkejja l-fatt li għadna fl-ewwel sena ta’ ħidma, xorta ħass li nimmeritaw il-vot tiegħu. Dan l-appoġġ għandna wkoll naraw minn fejn ġej u għala. Il-Partit Nazzjonalista f’dawn l-appuntamenti elettorali mexa ‘l quddiem għax kellu programmi tajba, linji ta’ ħidma li taw ir-riżultati u jrid jara li dan ikompli jiġi assigurat. Il-poplu dejjem kellu l-libertà li jivvutalna jew le, u hekk ser jibqa’ jkollu taħt dan il-Gvern, ma hemmx dubju. Għalhekk trid issir evalwazzjoni tal-partijiet kollha tal-elettorat sabiex nagħmlu l-ġid lill-poplu.

6. Illum it-Tnejn, jum ieħor ta’ ħidma għall-Gvern. Għad fadal leġislatura quddiemna u dmiri huwa li nassigura li mmexxi s-settur tal-Ġustizzja u l-Intern. Dan determinat li nkompli nwettqu b’umiltà u bil-ħsieb ċar li qiegħed hawn għax hekk kienet ir-rieda tal-poplu. Aħna qegħdin għas-servizz tal-poplu kollu sija għal dawk li vvutawlna, u anki lil dawk li le, għax hekk biss wieħed jista’ jassigura futur aħjar għall-pajjiż. Il-messaġġi waslu. Ser nagħtu każ tagħhom u nimxu ‘l quddiem fihom.

Dan l-artiklu deher fil-ħarġa speċjali tal-ġurnal Illum fit-8 ta’ Ġunju 2008.

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...