16.6.09

Il-każ għall-ottimiżmu


1. Huwa veru li meta tkun moħħok biex taħdem, ma taħsibx fil-bżonn li tiftakar. Anzi naħseb li ħafna drabi, tant tiġi dixxiplinat fil-Qorti bħala avukat li tispiċċa tgħid kollox fil-qosor u darba, mingħajr ripetizzjoni. Mhux biss, imma aktar minn dan bħala ministri u segretarji parlamentari, għalkemm naħdmu u nagħtu riżultat ta’ ħidmietna, nippretendu għal raġuni jew oħra, li għandu jkun ħaddieħor li għandu l-informazzjoni. L-eventi ta’ din l-elezzjoni wrew kemm dan kollu huwa propriju u minnu. Dan għax il-ħidma tagħna ma dehret xejn u minflok saret propaganda li kerrħet kull ma ppruvajna nagħmlu.


2. Fir-realtà ma sarx diskors biżżejjed jew fil-ħin kemm irnexxielna naħdmu biex din is-soċjetà tagħna timxi ‘l quddiem. Id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż mexjin sew, b’passi verament qawwija li tajjeb li wieħed iressaqhom għall-kunsiderazzjoni tal-pajjiż. Għax huwa tajjeb li naraw il-fatti mhux maqtugħa minn xulxin kif jiġu ppreżentati lilna fil-gazzetti ta’ kull jum, imma f’daqqa. Dan għax hekk wieħed jifhem kemm hemm sinjali ta’ ottimiżmu li jitħallew fil-ġenb mentali tagħna.


3. Nitkellmu diversi drabi fuq l-importanza ta’ l-ekonomija u ma nindunawx kemm għandna bl-investimenti li qed isiru. F’dan il-kuntest ħadt pjaċir nara, l-ewwel, l-artikolu tal-Erbgħa fejn it-Tumas Group ħabbru s-sejħa għal bonds f-ammont ta’ għoxrin miljun ewro, li qed jinħarġu għal diversi raġunijiet sabiex isostnu din il-korporazzjoni kummerċjali. Mhux biss, imma kienet daqshekk ieħor ta’ interess li kellna l-ftuħ mill-Prim Ministru ta’ parti oħra tal-ajruport tagħna li sewa ħamsa u għoxrin miljun ewro. Il-ftuħ ekonomiku li għandna f’pajjiżna m’huwiex traskurabbli meta tqis li f’ġimgħa waħda konna qed naraw ħamsa u erbgħin miljun ewro ta’ investiment fis-suq tagħna sabiex jiġġeneraw aktar xogħol u ġid.


4. Fid-dinja tax-xogħol li ovvjament tmexxi ‘l quddiem il-ħajja soċjali u finanzjarja tal-bnedmin kellna wkoll żewġ mumenti importanti għaliha tul din il-ġimgħa. Fil-fatt kien hemm, l-ewwel, it-tkabbir ta’ inizjattivi ġodda min-naħa tal-Korporazzjoni għall-Impjiegi u t-Taħriġ u, t-tieni, l-vista tal-Kummissarju għall-Impjiegi Vladimir Spidla li ġie b’numru ta’ passi ġodda li qed jiġu proposti fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dawn huma importanti meta wieħed iqis li l-Korporazzjoni għandha f’idejna tmienja u għoxrin miljun ewro fi proġetti għall-impjiegi u taħriġ mill-2007 sal-2013, u t-tieni, li l-istess irnexxilha ġġib tmien miljun ewro fi ħdan il-programm mill-fondi tal-Unjoni.


5. Il-Ħamis, f’laqgħa li Spidla kellu mal-Korporazzjoni ġie mgħarraf b’żewġ inizjattivi ġodda, waħda msejħa “Nista’” tiswa’ 1.9 miljun ewro għar-riċerka u għajnuna lin-nisa sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u t-tieni, dak ta’ “Me2” fl-ammont ta’ 1.4 miljun ewro ndirizzat biex jintegra persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol. Quddiem dan, u flimkien mal-Ministru John Dalli, l-Kummissarju Spidla ħabbar li qed jipproponi tibdiliet importanti lir-regoli li jirregolaw il-European Social Fund sabiex l-Istati Membri jsibu iktar flessibilità fil-mod ta’ kif jistgħu jingħataw aktar proġetti faċilment.


6. Ċert li mhux kulħadd f’pajjiżna għaraf dan u fehem kemm għaddejja ħidma importanti li tmexxina ‘l quddiem. Il-poplu tagħna għandu livell ta’ għixien li huwa ferm u ferm iktar għoli milli qatt kien f’sekli oħra. Dan ma waqax f’ħoġorna, iżda seħħ mertu tal-ħidma pożittiva, attenta u diretta sabiex isiru l-passi u l-miżuri neċessarji biex tibni u ssostni l-istruttura soċjali u ekonomika tagħna. Il-każ għall-ottimiżmu jinbet mir-realtà, mill-fatti, mill-istatistika li dawn il-figuri u inizjattivi jisiltu. Fl-aħħar tal-ġurnata jista’ jkun li ma ninfurmawx, li m’aħniex fis-soċjetà l-ħin kollu, però naħdmu u naħdmu sod għall-ġid ta’ dan il-poplu. Poplu li naqbżu għalih u niddefenduh.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal il-Mument ta’ nhar il-Ħadd 14 ta’ Ġunju 2009.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...