15.1.25

HEMM FORZA POLITIKA

1. Forsi jiena żbaljat, imma minn dak li qiegħed nara, l-affarijiet mhumiex ser ikunu kompletament kif qed jgħidulna. Kienet linja politika differenti minn ta’ qabilha dik li mexxiet lil Donald Trump erba’ snin ilu fil-politika barranija, meta beda jiddikjara u jagħti x’wieħed jifhem li l-Ewropej iridu jfendu għal rashom. Ma jistgħux jiddependu aktar fuq l-Istati Uniti tal-Amerika kif kienu qabel. Kienet daqqa ’l bgħid minn dak li konna mdorrijin bih u nieqsa mill-għaqal. Imma dan fih innifsu ma jfissirx li l-Ewropa, u b’mod partikolari l-Unjoni Ewropea, tiddependi tant fuq kif ħaddieħor jaħseb. F’dawn it-tmenin sena (1945-2025) hemm saħħa ekonomika u preżenza politika akbar fil-kontinent Ewropew u barra li qabel ma kienx hemm. Fl-aspett militari li fih hemm il-piż tiegħu, ċertament illum. Imma mhuwiex kollox u issa hemm aktar x’tiddiskuti.

Servew

2. Dawn l-aħħar erba’ snin tal-amministrazzjoni tal-Presidenza Joe Biden però servew. Mument ta’ ħsieb u riflessjoni. Diversi Stati Membri fehmu li jista’ jiġi lura Trump u għalhekk ma qagħdux lura. L-Ewropa mhijiex dgħajfa kif ipinġuha xi wħud. Hija potenza ekonomika li ssudat lilha nfisha. Mhux dejjem ikollha mexxejja tajba jew stabbli. Kif ukoll setgħet kienet komda li jkollha l-ispalla tal-Istati Uniti fuqhiex tistrieħ, biss dan ma jfissirx li mhix kapaċi timxi mingħajrha. Għax hemm ukoll forom ta’ dipendenzi reċiproki li fihom l-Istati Uniti jridu wkoll jimmarkaw jekk humiex ser jitilfu l-primat u s-supremazija, speċjalment fil-politika barranija. Hemm rabtiet ‘antiki’ li ġejjin mhux biss minn relazzjonijiet diplomatiċi twal, imma wkoll mill-fatt li diversi Ewropej emigraw f’dak il-pajjiż li kien jilqa’ aktar lill-bnedmin li fittxew il-libertà.

Parti minnha

3. L-ideat li hemm, f’ħafna u f’daqqa, jgħoddu għat-tnejn. Għalkemm dak li nbena hu mertu tal-ideat li l-partiti Demokristjani kellhom u għad għandhom, f’ħafna llum huwa differenti. Jista’ jkun li Ursola von der Leyen mhix fl-istess saħħa politika u militari ta’ Joe Biden, jew issa Donald Trump, iżda hija mexxejja intelliġenti u tħaddan il-virtù tal-għaqal. Mara li kapaċi tiġbor u tissoda l-ideat ta’ diversi bnedmin fil-klassi politika Ewropea li jifhmu. Bnedmin li qraw, li ffurmaw ruħhom, u jafu jaslu għal kompromess politiku li huwa vantaġġuż għall-Istati Membri. F’dawn is-snin, id-dibattitu Ewropew ma firidx. Meta mmarka n-nuqqas ta’ qbil irreġistra wkoll il-kontra.

Iktar infiq

4. Biss, l-argument kontinwu li ġej huwa li mingħajr is-saħħa militari Amerikana, l-Unjoni Ewropea mhix b’saħħitha. The Economist jikteb direttament hekk dwar dan: “The first and most urgent problem is resources: only about two-thirds of NATO’s 30 European members currently spend 2% of their GDP on defence. Without America, they would need to spend perhaps twice that to have any hope of filling the resulting military gaps.” (L-ewwel u l-iktar problema urġenti hija r-riżorsi: huma biss żewġ terzi tal-Istati Ewropej fin-NATO li qed jonfqu 2% tal-PGD tagħhom fuq l-armamenti. Mingħajr l-Amerika, ser ikollhom bżonn jonfqu d-doppju bit-tama li jimlew in-nuqqasijiet fil-militar.) Argumenti li ilna nisimgħu f’xenarju li wieħed irid jirreġistra li qiegħed jinbidel. Dan għax hemm il-fattur tas-saħħa militari tal-Federazzjoni Russa fuq parti, u l-industrija tal-armamenti fuq in-naħa l-oħra.

Kif għaddejjin

5. F’dan huwa iktar indikattiv li l-punt fil-bilanċ ġej l-iktar imfassal mar-riżorsi umani u militari. It-telf tal-ħajjiet tal-bnedmin f’dan il-kunflitt Ukren huwa għoli ħafna. Ħadd ma jista’ jgħid li ma tilifx minn uliedu. Naħa biex tiddefendi l-pajjiż, u l-oħra biex tinvadi. Finalment, gwerra inutli. Imma huwa iktar ċar illum li mingħajr il-preżenza ta’ suldati Koreani, il-Federazzjoni Russa qed tbati hija wkoll. Fuq l-oħra taf li ma tistax tiddependi fuq suldati Ewropej. Imma ma’ dan hemm il-kont ekonomiku. Il-Federazzjoni Russa tinsab f’diffikultajiet xejn faċli, li fihom il-kapaċità naqset. Fuq l-oħra, il-kont li qiegħed jitħallas mill-Istati Uniti u l-Ewropej qiegħed ukoll jixxotta.

Wieħed jieqaf

6. Mhuwiex il-mument li wieħed jabbanduna. Imma fl-istess ħin l-industrija tal-armamenti fl-Ewropa ma naqqsitx, anzi żiedet bl-inċentivi li ġew stabbiliti. Nippreferi li kieku din it-triq ma nqabditx. Imma r-realtà hija li, jingħad x’jingħad, dan huwa proċess li qiegħed jissoda, fuq naħa l-ekonomija u fuq l-oħra qed tinbena linja strateġika. Inqas dipendenza fuq l-Istati Uniti u fl-istess ħin preparazzjoni għal eventwalitajiet futuri. Anki jekk issa sejrin lejn forom ta’ trattati ta’ paċi, hemm ukoll il-kumplikazzjonijiet tagħhom. L-amministrazzjoni ta’ Trump tista’ timxi f’toroq għal rasha. Tipprova tasal mingħajr l-Ewropa jew l-Ukrajna, li ħafna jaħsbu li jkun żball. Iktar u iktar jekk, kif ġustament jgħid l-istess The Economist: “To acquiesce would be to grant Russia a partial victory, give it time to rebuild its forces and agree to live with a new iron curtain – or under the shadow of another war.” (Li ċċedi tkun qiegħed tagħti rebħa parzjali lill-Federazzjoni Russa, tagħtiha żmien biex tibni lura lilha nfisha u taqbel li tgħix b’purtiera ġdida tal-ħadid jew taħt id-dell ta’ gwerra oħra.)

Dipendenza

7. Fl-istess ħarġa hemm kitbet il-President Latvjan Edgars Rinkevics, li qabel kien ukoll Ministru tal-Affarijiet Barranin, li jgħid hekk: “European and North American powers need each other, now more than ever. We should not lose our focus and resolve. We must prevent our adversaries and strategic competitors from sowing discord amongst us. This is not a time for division and disagreement. We must recognise that the basis of our collective future security lies in our unity.” (Il-poteri Ewropej u Nord Amerikani għandhom bżonn ta’ xulxin, issa iktar minn qatt qabel. M’għandniex nitilfu l-mira tagħna li naslu. Għandna nżommu lill-avversarji tagħna u lill-kompetituri strateġiċi tagħna milli jiżirgħu l-inkwiet bejnietna. Għandna nirrikonoxxu li l-bażi tal-futur ċert u kollettiv tagħna jibqa’ jiddependi fuq l-għaqda.) Kliem li wieħed għandu jixtarru u jagħtih piż.

Għaqda

8. Fejn l-amministrazzjoni Trump ser finalment tmur, għad irridu naraw. Qed tinbaħ u tista’ tigdem, iżda finalment l-Unjoni Ewropea trid tifhem li trid tkompli timxi fl-għaqda. Fil-kontra le. Messaġġ li mexxejja bħal Viktor Orban u Georgia Meloni għandhom jifhmu. Appoġġi politiċi varji minn Elon Musk mhumiex favur Ewropa aqwa, imma sabiex is-saħħa preżenti tonqos. Fix-xhur li ġejjin, anzi fl-erba’ snin li għandna quddiemna, wieħed irid iżomm ċar quddiemu l-prijoritajiet tiegħu. Jifhem fejn irid imur hu u fejn ħaddieħor irid jieħdu. L-aktar li jifhem li fl-Unjoni Ewropea għad hemm forza politika li trid tiġi sostnuta u ssudata.

ĦAL GĦAXAQ - TRIQ IT-TELLERITU - XOGĦLIJIET

24337. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għax-xogħlijiet li kellhom isiru fi Triq it-Telleritu f’Ħal Għaxaq, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet tlestewx, kemm damu għaddejjin u kemm ġew jiswew?

 

31/12/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Nirreferi lill-Onor. Intepellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  297

13/01/2025

ĦAL GĦAXAQ - TRIQ IT-TELLERITU - XOGĦLIJIET

24336. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għax-xogħlijiet li kellhom isiru fi Triq it-Telleritu f’Ħal Għaxaq, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet tlestewx, kemm damu għaddejjin u kemm ġew jiswew?

 

31/12/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

 

Seduta  297

13/01/2025

IL-BELT, VALLETTA - TRIQ IL-MITĦNA - XOGĦLIJIET

24335. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 22065 u 22066 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali rispettivament, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fi Triq il-Mitħna, fil-Belt Valletta humiex konklużi u jekk iva, kemm ġew jiswew?

 

31/12/2024

 

ONOR. STEFAN ZRINZO AZZOPARDI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li x-xogħolijiet huma konklużi.

 

Seduta  297

13/01/2025 

RAĦAL ĠDID - TRIQ SAMMAT - PROBLEMA BL-ILMA TAX-XITA

24334. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fil-konfront tal-problema li qegħdin jiffaċċjaw numru ta’ residenti b’ilma tax-xita jidħol f’darhom fi Triq Sammat f’Raħal Ġdid wara li saret it-triq fejn jidher li l-qlib ma sarx sewwa?

 

31/12/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li Periti ta’ Infrastructure Malta żaru s-sit u qed iħejju rapport.

 

Seduta  297

13/01/2025

RAĦAL ĠDID - TRIQ SAMMAT - PROBLEMA BL-ILMA TAX-XITA

24333. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fil-konfront tal-problema li qegħdin jiffaċċjaw numru ta’ residenti b’ilma tax-xita jidħol f’darhom fi Triq Sammat f’Raħal Ġdid wara li saret it-triq fejn jidher li l-qlib ma sarx sewwa?

 

31/12/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li ma rċieva l-ebda lment rigward problema bl-ilma tax-xita fi Triq Sammat.

 

Seduta  297

13/01/2025

RAĦAL ĠDID - RAPPORTI TA’ ĠLIED U AGGRESSJONI

24332. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fuq rapporti li saru reċentement ta’ ġlied u aggressjoni varji f’Raħal Ġdid u dan kif ġew debitament rappurtati matul dawn il-ġimgħat?

 

31/12/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li bħal ma tagħmel dejjem, il-Pulizija tinvestiga r-rapporti kollha, u tieħu azzjoni skont il-liġi.

 

Seduta  297

13/01/2025

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...