9.3.21

IL-FGURA – TRIQ ANĠLU U MARIANNA CAMILLERI - XOGĦLIJIET

 

 

19737. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru f’Triq Anġlu u Marianna Camilleri fil-Fgura? Jista’ jindika kemm ser idum dan ix-xogħol, billi hija triq użata sew?

 

04/03/2021

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li fi Triq Anġlu u Marianna Camilleri saru xogħlijiet marbuta ma’ servizzi ġodda, ġew irranġati l-bankini fuq iż-żewġ naħat u qed isir tarmak ġdid. Dan ix-xogħol ser ikun lest għal tmiem ix-xahar ta’ Marzu.

 

Seduta  437

09/03/2021

 

 

XATT TA’ MARSAXLOKK - XOGĦLIJIET

 

 

19736. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fix-Xatt ta’ Marsaxlokk ?

 

04/03/2021

 

  ONOR. IAN BORG:  Minn meta ġiet fdata bl-iżvilupp tal-infrastruttura marittima f’Malta sentejn ilu, Infrastructure Malta wettqet diversi proġetti ta’ titjib fil-faċilitajiet u l-postijiet li jużaw is-sajjieda f’Marsaxlokk.

 

Fost oħrajn, għadha kif lestiet il-bini ta’ breakwater ġdid ta’ 110 metri fil-Ponta tal-Qrejten, sabiex ikennen din ix-xaqliba tal-port mill-mewġ qawwi li kien jagħmel ħafna ħsara lill-bastimenti tas-sajjieda u attivitajiet u faċilitajiet oħrajn max-xatt. It-taqsima marittima ta’ Infrastructure Malta bħalissa qed tagħmel ukoll studji preliminari biex tagħraf l-aħjar post u t-tip ta’ struttura li tista’ ssir fl-inħawi taħt Delimara, biex tkennen din in-naħa tax-xatt ta’ Marsaxlokk ukoll.

 

Fl-2019, l-aġenzija bniet mill-ġdid ukoll l-10 skali ta’ daqsijiet differenti li minnhom is-sajjieda u persuni oħra dilettanti tal-baħar f’Marsaxlokk iniżżlu d-dgħajjes tagħhom. Bħalissa għaddejjin ukoll xogħlijiet ta’ tiswijiet f’parti mill-moll biswit Triqil-Power Station, li jużawh mhux biss id-dilettanti tas-sajd bil-qasba, iżda ħafna oħrajn li jmorru għall-passiġġati f’dawn l-inħawi.

 

Is-sena li għaddiet l-aġenzija tat bidu wkoll għal proġett ta’ madwar €1.9 miljun parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, sabiex ittejjeb l-aċċess u s-sigurezza tal-puntuni tal-inħawi tal-Magħluq, fin-naħa ta’ ġewwa tal-Port ta’ Marsaxlokk. Permezz ta’ dan l-investiment, Infrastructure Malta qed tibdel it-tliet puntuni li jużaw ħafna sajjieda biex jorbtu d-dgħajjes tagħhom magħhom filwaqt li tagħmel xogħlijiet ta’ tħammil biex tfannad qiegħ il-baħar u tagħmel din iz-zona aktar sigura u aċċessibbli għat-tbaħħir.

 

Fix-xhur li għaddew Infrastructure Malta poġġiet f’posthom il-puntuni l-ġodda, li jinkludu tnejn ta’ madwar 48 metru u ieħor ta’ 60 metru. Dawn se jkun attrezzati b’rampi u faċilitajiet aktar aċċessibbli u siguri.

 

Sadanittant, wara li qieset id-diffikultajiet li s-sajjieda ilhom jesperjenzaw għal snin twal minħabba ċ-ċaqlieq tar-ramel f’qiegħ il-baħar bil-maltemp, Infrastructure Malta qed twettaq studji sabiex tidentifika soluzzjoni dejjiema. Fil-fatt, filwaqt li għaddej it-tħammil ta’ qiegħ il-baħar fiz-zona tal-Magħluq sabiex sas-sajf li ġej il-puntuni ġodda jkunu aċċessibbli b’mod sħiħ, l-aġenzija ser titlob ukoll lill-awtoritajiet sabiex tikseb il-permessi ħalli testendi dan ix-xogħol f’partijiet oħra aktar ‘il barra fil-Port ta’ Marsaxlokk, fosthom ir-rotta li minnha l-bastimenti jidħlu fil-port (fairway).

 

B’mod immedjat, qed isir ukoll intervent temporanju li jwaqqaf il-maltemp milli jerġa’ jqabbe¿ ir-ramel fuq is-sieq tal-Magħluq u jimblokka l-aċċess għall-bastimenti.  Infrastructure Malta bħalissa għaddejja b’xogħlijiet fiz-zona tal-Magħluq fejn qed jitmexxa r-ramel li jinġarr permezz tal-kurrenti, kif ukoll waqt xi maltempata.Ser ikun qed jinbena ħajt għall-ilqugħ tar-ramel waqt il-maltemp, jiġi mgħolli l-moll eżistenti peress li qed jogħla l-livell tal-baħar u jitlestew ‘sleeves’ biex jiddaħħlu s-servizzi fiz-zona.

 

Kif spjegajt, Infrastructure Malta qed tippjana li tibni strutturi ġodda bħalma wettqet fil-Qrejten jew li ttejjeb u testendi strutturi eżistenti, sabiex toffri aktar serħan il-moħħ lis-sajjieda u l-baħħara f’din iz-zona billi ttaffilhom id-diffikultajiet tal-maltemp li jiffaċċjaw bħalissa.

 

Seduta  437

09/03/2021

 

IL-FGURA – TRIQ ANĠLU U MARIANNA CAMILLERI - XOGĦLIJIET

 

 

19735. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru f’Triq Anġlu u Marianna Camilleri fil-Fgura? Jista’ jindika kemm ser idum dan ix-xogħol, billi hija triq użata sew?

 

04/03/2021

 

  ONOR. IAN BORG:  Bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.

Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.

 

Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’madwar 50 triq oħra.

 

Fil-lokalità tal-Fgura diġà nbew mill-ġdid u saru xogħlijiet fi Triq Buqexrem, Triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, Sqaq Rjallu, Triq il-Merħba, Triq is-Sur, Triq l-Għarnuq, Triq San Xmun u Triq San Tumas. Bħalissa qed jinbnew mill-ġdid Triq Anġlu u Marianna Camilleri u Triq l-Għollieq, waqt li hemm ippjanati biex fix-xhur li ġejjin jinbdew xogħlijiet fi Triq San Pietru, Triq id-Dejma u Triq il-Falkunier.

Fit-triq indikata Infrastructure Malta qed tagħmel tibdil fis-sistema tad-drenaġġ u fis-sistema għad-dsitribuzzjoni tal-ilma, tibni bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq u tgħaddi s-servizzi tat-telekomunikazzjoni minn taħthom. Imbagħad ikun imiss li jissaħħu l-pedamenti u jsir wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi t’asfalt. Ix-xogħol kollu f’din it-triq mistenni jkun lest dan ix-xahar stess.

 

Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

 

Seduta  437

09/03/2021

6.3.21

KOTBA RESTAWRATI

 

 

 

18123. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bit-titoli ta’ liema kotba ġew restawrati tul is-sena li għaddiet?

 

12/01/2021

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul l-2020 ġew irrestawrati żewġ kotba:

·           George F. Angas, A Ramble in Malta and Sicily, 1841.

·           Abbe de Vertot, The History of the Knights of Malta Vol 1, 1728

Naturalment gew ikkonservati u rrestawrati wkoll għexieren ta’ xogħlijiet oħra fuq karta, li ma jikklassifikawx bħala kotba.

 

Seduta  418

20/01/2021

 

 

 

 

MATTIA PRETI – PITTURI ESEBITI

 

 

18122. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-pitturi tal-pittur Mattia Preti li huma fil-kollezzjoni nazzjonali humiex kollha esposti jew hemmx uħud li ma humiex?

 

12/01/2021

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-kwadri kollha ta’ Mattia Preti huma esebiti, filwaqt li ftit oħrajn li huma attribwiti lilu jew lill-bottega tiegħu qed jintużaw għal rotazzjoni. Iż-żewg kwadri tal-istess pittur li nxtraw speċifikament għall-Mużew ta’ Għawdex u għall-Palazz tal-Gran Mastru eventwalment se jiġu esebiti fil-postijiet imsemmija.

 

Seduta  418

20/01/2021

 

MARSAXLOKK – TRIQ XROBB L-GĦAĠIN – XOGĦOL

  

 

18121. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ser idum ix-xogħol li huwa preżentement għaddej fi Triq Xrobb l-Għaġin, Marsaxlokk u kemm ser jiġi minfuq fiha?

 

12/01/2021

 

  ONOR. IAN BORG:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.

 

Seduta  418

20/01/2021

KUNTRATTI TA’ KOABITAZZJONI REĠISTRATI

 

 

18120. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew reġistrati kuntratti ta’ koabitazzjoni tul is-sena li għaddiet?

 

12/01/2021

 

 ONOR.BYRON CAMILLERI: Mill-informazzjoni pprovduta lili jirriżulta li r-Reġistru Pubbliku rreġistra ħmistax-il kuntratt ta’ koabitazzjoni matul l-2020.

 

Seduta  418

20/01/2021

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...