17.1.20

Tafdax biex ma tħallilx!



1.      Fil-lingwa sinjura tagħna hemm kelma għal min jisraq, u hemm ukoll waħda li tiġi użata meta tippermetti, jekk mhux tħajjar b’egħmilek, lil ħaddieħor jieħu dak li ma huwiex tiegħu.  Ngħidu, u tiġi użata li tħallel, f’dan il-kuntest storiku li għaddejjin minnu.  Għax hemm min jimmarka l-istorja għat-tajjeb, u hemm min le.  Jista’, min imur fit-tieni triq, jibqa’ jinsisti li ma żbaljax.  Jista’ jipprova jipperswadi li azzjoni ħażina, għalih hija waħda tajba, imma hemm il-fatti, ir-realtà, il-verità, li minnhom ħadd ma jista’ jaħrab.

Niskopru għala

2.      Tul din il-ġimgħa skoprejna għala l-Gvern Muscat ma riedx li jiġi pubblikat ir-rapport.  Mertu tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-avukati nkarigati mill-Kap tal-Partit, dak li kien mistur ġie għad-dawl tax-xemx.  Mertu, ċertament kbir, tal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia li baqa’ jinsisti, minkejja l-kurrenti kollha li kellu jaffronta.  Baqa’ jinsisti li għandu jressaq kawża.  Baqa’ jinsisti li jappella.  Ħa fuqu r-responsabbiltà li jikxef il-korruzzjoni, imur għat-trasparenza u jippubblikah.  Illum nistgħu nagħrfu iktar għala l-Gvern Muscat kellu kull interess mhux li jippubblika, imma li jħalli kollox mistur.  Ried, fil-fatt, jgħid biss dak li kien jaħseb li huwa kien jara bħala konvenjenti għalih.

Il-Verità ma tinħatafx

3.      Hemm bnedmin li jaħsbu li jistgħu jaħtfu l-verità f’idejhom u jiddominawha.  Imma l-verità hija għas-servizz tas-sewwa.  Proprju għalhekk li, Ħadd wara Ħadd, tasal fuq kull persuna.  Ma riedx jippubblika mill-bidunett, anke jekk ipprova jagħti x’jifhem il-kontra.  Iddikjara mod u wettaq mod ieħor.  Ipprova jidher li huwa favur it-trasparenza, imma fil-fatt ma kienx.  Ipprova, anzi, jużah għall-iskopijiet politiċi tiegħu, biex jiddikjara biss dak li huwa stess kien jaf.  Kien hemm min mexa f’dik it-triq, imma l-Kap tal-Oppożizzjoni ried ikun jaf mhux parti mill-verità, imma dik sħiħa.

Ippermettejt dak li huwa żbaljat

4.      Mir-rapport li ġie għad-dispożizzjoni, mertu tas-sentenza li rebaħ, ħarġu diversi fatti.  Ix-xewqa tiegħi tibqa’ dik li nappellaw lil kemm nistgħu bnedmin ta’ rieda tajba li jaqraw huma.  Nifhem – hemm elf u ħames mitt faċċata.  Imma biżżejjed jekk wieħed jaqbad biċċiet, u jibda jgħarbel.  Biżżejjed, ngħid, għax minnhom tifhem iktar.  Anzi, issib il-prova kemm is-sitwazzjoni kienet u għadha ħażina ġewwa Kastilja.  Hemm imsemmija numru ta’ persuni.  Konsulenti u persuni fi ħdan l-uffiċċju personali ta’ Joseph Muscat, li kienu nvoluti f’atti illegali u żbaljati.  Ippermettew u, anzi, kienu parti minn brimba ta’ tixrid ta’ miljuni.  Ħlasijiet li saru sabiex bnedmin jitħallsu talli nxtraw, u b’garanzija li kienu ser jibqgħu jinxtraw.

L-imġieba kollox

5.      L-imġieba ta’ dawn il-bnedmin hija indikattiva, u prova mill-iktar ċara u diretta li l-bniedem maħtur mill-poplu biex jiddefendihom kien qiegħed jippermetti aġir żbaljat.  B’azzjoni, jew in-nuqqas tagħha, b’kommissjoni jew ommissjoni ħalla lil min jagħmel minn Kastilja fortizza Ġeriko.  Hemm ġew kienet saret speċjalizzata kif tieħu, tiġbor u tqassam il-miljuni.  Rabtiet żbaljati.  Aġir li jmur kontra kif wieħed għandu jmexxi l-prestiġju ta’ pajjiż.  Kellha, ċertament, tkun ħidmet id-daqq tat-trombi tal-verità li waqqgħulha l-ħitan tagħha.  Niżlet biċċa biċċa, jum wara jum f’dawn l-aħħar xhur.  Waqgħet b’konsegwenza malajr f’dawn il-ġimgħat.

Hemm min ser jibqa’ ma jaċċettax

6.      Nibqa’ nara bnedmin li ma jridux jaċċettaw il-verità.  Il-kitba mal-ħitan tar-rejiet jaħirbuha.  Jibqgħu jgħidu li ma ġara xejn.  Anzi, kemm kollox kien qiegħed isir sewwa.  Imma f’dan, hemm realtà li min kien qiegħed imexxi issa ddikjara li ser jirriżenja darba għal dejjem.  Ir-raġunijiet aħna nafuhom, anki jekk ħaddieħor jista’ jagħmel ħiltu biex jiċħadhom.  Il-korruzzjoni organizzata u istituzjonalizzata tal-miljuni, flimkien mal-parteċipazzjoni attiva jew passiva fil-mewt tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia ħadd ma jista’ jgħattihom iktar.  Ħarġu għad-dawl tax-xemx u magħhom, fir-rapport ippubblikat, prova ċara u diretta tax-xibka li l-klikka f’Kastilja kienet bniet.  Kienet tgħix magħha jum wara jum fit-tajn.

Id-dell hemm ser jibqa’

7.      Anki jekk ser isiru sforzi kbar biex il-Partit Laburista jagħti wieħed x’jifhem li kollox sejjer “normaliŻ, jafu li bdew jgħixu gidba oħra.  Hemm issa dell li ebda kandidat u mexxej futur ma huwa ser jeħles minnu.  Ser, jagħmel x’jagħmel, ikollu jħallas ta’ dak li wettaq żbaljatament ħaddieħor.  Il-verità hija li wara tant snin fl-oppożizzjoni, it-tmexxija Laburista waqgħet fl-iżball b’qawwa malajr.  Dan ħadd ma jista’ jaħrab minnu.  Hemm huwa, u hemm ser jibqa’.  Għax anki jekk hemm “in-normalità apparenti” ta’ vot fost il-membri tal-partit, xorta l-verità hija li qed issir f’ċirkostanzi abnormali.  Dan m’huwiex każ ta’ mexxej li sejjer bl-unuri għax irreġistra xi suċċess u qiegħed iċedi x-xettru.  Dan huwa l-kontra – ċeda x-xettru kontra qalbu u sejjer, jgħid x’jgħid, mhux fil-glorjuż.

Effetto Delia

8.      X’inhuwa ġej għall-pajjiż u għall-Partit Laburista ħadd ma jaf.  Wieħed jista’ jbassar, imma l-verità għad trid tindika t-triq.  Ser nifhmu iktar x’ġara u x’wassal, il-kawżi u l-effetti tagħhom.  Imma dan ser isir fi proċess twil għaż-żmien li ġej.  Ir-realtà hija li l-Gvern Muscat tkisser u kkrolla kompletament.  Sparixxa f’ħakka t’għajn.  Twarrab meta fiċ-ċirkostanzi, li għalkemm kien hemm min ħass li ġejjin, ftit setgħu jbassru.  Id-daqq tat-trombi tal-verità, l-għajta tar-rappreżentanti tal-poplu ma setgħetx titwarrab.  Il-Partit Nazzjonalista, għodda medjatiċi kbar m’għandux.  Għandu, iżda, ix-xabla tal-verità.  Dik li m’huwiex ser jabbanduna.  Għax waqt li ħaddieħor abbanduna l-għerf ta’ missirijietna li ma jafdax biex ma jħallilx, Adrian Delia ħabbat bieb il-ġustizzja biex il-ħażen jinkixef.
   

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...