17.1.20

Il-bidla ma tistax issir.



1.      Ftit huma dawk li bdew jifhmu pajjiżna minn x’hiex għadda u għadu għaddej.  Kif ġraw u ġew imfassla ser inkunu ilna tlett xhur weqfin nistennew.  Kwart tas-sena ntilfet minħabba l-iżbalji li saru mit-tmexxija tal-Partit Laburista ta’ Muscat.  Nirrepeti dan għax għadni nara u nisma’ b’persuni f’dawn il-gżejjer li għadhom ma fehmux tant li ma jistgħux jaċċettaw li t-tmiem tal-Gvern Muscat nġieb minnu stess.  L-Oppożizzjoni ħadmet sabiex tiftaħ għajnejh.  Sabiex jieħu l-passi neċessarji għas-sewwa, imma huwa għalaqhom u minflok ġie f’dak li ġie.  Dak li kien jidher “normali” rrenda ruħu lura fi kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni li xejn ma kien, jew għadu, “normali”.

Konsegwenzi fin-nuqqas ta’ normalità

2.      Hemm konsegwenzi differenti fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali tagħna.  Minn nhar it-Tnejn, meta nittamaw li l-Partit Laburista jagħżel kap ġdid, il-pożizzjoni ser tkun mibdula.  Min jaħseb li ser iġib xi żmien tal-“glorja”, jew tad-“deheb”, qiegħed jiżbalja.  Ċertament, ir-realtà ekonomika ser tiddetta miżuri ġodda.  Jekk, kif inhuwa ċar, li l-kummerċ waqaf ħesrem.  Jekk, kif qed naraw, numru ta’ deċiżjonijiet baqgħu ma ġewx meħuda.  Jekk ħafna ġie ridott għal ħidma essenzjali.  L-effetti tagħhom ser nibdew inħossuhom.

Tqabbad il-magna?

3.      Il-magna tal-pajjiż kważi waqfet f’dawn iċ-ċirkostanzi.  Min dieħel ser ikollu diffikultajiet ġodda li ġew akkumulati minn ta’ qabel.  Ser ikollu jidħol għal xenarju xejn pjaċevoli.  Għat-tajjeb tal-pajjiż, iridu jidħlu fis-seħħ numru ta’ miżuri legali u amministrattivi li m’humiex ser ikunu popolari ħafna ma’ min dara jwettaq il-kontra.  Mhux biss.  Iridu jitneħħew numru ta’ persuni minn pożizzjonijiet strateġiċi.  Kollox jibda, però, mill-għażla li min ser jiġi elett ser jagħmel ta’ ministri u segretarji parlamentari.  F’dak diġà ser ikun hemm indikazzjoni ċara ta’ jekk il-magna hix ġdida, hix ser taqbad u fejn hija sejra.

Il-kult tal-personalità

4.      Min ser jidħol irid forsi, f’xi mument jista’ jifhem li x-xenarju politiku nbidel.  Minn politika bażata fuq il-kult tal-personalità, issa wieħed irid imur lura lejn dak li konna mdorrija bih.  Il-fatt li l-Partit Laburista bena l-istrateġija tiegħu madwar persuna waħda.  Il-fatt li tbiddlu n-nies, l-istrutturi tiegħu, biex jagħtu importanza unika lill-kap, f’dawn iċ-ċirkostanzi jridu jinbidlu.  Min dieħel fil-ħsieb li issa “tielgħa xemx ġdida” qiegħed jidħak bih innifsu.  Il-pajjiż m’huwiex proprju fil-burdata li jafdaw mill-ġdid persuna oħra mill-kamp Laburista kif għamlu fil-konfront ta’ Joseph Muscat.  Għalhekk, il-partit ser jerġa’ jkun iktar importanti mill-mexxej tiegħu.

X’linja politika?

5.      Mhux biss, imma x’linja politika ser jieħu min jiġi elett ser tkun hija wkoll kruċjali.  Għandu, forsi, tlett għażliet.  L-ewwel: li jmur kontra dak li wettaq il-Gvern Muscat u jibda jiddikjara, inevitabilment pubblikament, li qiegħed iwettaq dan bi programm politiku ġdid.  It-tieni: li jkompli għaddej fuq l-istess mentalità, bil-klijenteliżmu qawwi, bi preferenzi, nuqqas ta’ trasparenza, akkontabilità u meritu.  It-tielet: imur sabiex ikollu  sieq oħra, jipprova jbiddel u, fl-istess ħin, iħalli l-affarijiet għaddejjin kif kienu qabel.  Ma narax li ser ikun hemm għażliet differenti minn dak li qrajt u smajt miż-żewġ kontedenti.  Fir-realtà, il-pajjiż għandu bżonn linja politika kompletament differenti.

Triq ġdida jew l-antika?

6.      Ir-realtà hija li min dieħel ser ikollu kumplikazzjonijiet umani xejn faċli.  Anzi, il-verità iktar qawwija hija li min ser jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh irid jiġi b’politika kompletament ġdida.  Kemm f’dan hemm l-abbiltà u l-possibiltà għal bidla neċessarja, ħafna għandhom dubju.  Kemm hemm fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista u kemm hemm appoġġ fi ħdan dik il-maġġoranza għal-linja politikament ġdida hemm ferm aktar dubji. Il-“partitarju” dera b’ċertu metodu li issa qiegħed jingħata l-impressjoni ċara li ser jitkompla.  Min jidħol irid jagħżel li jew imur kontra, jew ikompli, b’kif jgħidu, “more of the same”.

Il-Gattopardo Mellieħi

7.      F’dan, wieħed irid jagħti mertu lil min kien fetħilna għajnejna wkoll meta kien hemm il-bidu tat-tmexxija Muscat fil-Partit Laburista.  Kollox kien baqa’ l-istess.  Illum nagħrfu dejjem iktar kemm kollox baqa’ l-istess.  Inbidlu l-uċuh, imma l-politika baqgħet l-istess.  F’dan il-mument l-għażla, direttament jew indirettament, ser teħodna lura għal dak li ġie rifjutat li jinbidel.  Min kellu l-idea li l-“Moviment” ser iġib linja politika differenti, li timplimenta l-ġustizzja soċjali, illum jaf li dan ma seħħx.  Mhux biss, imma l-pożizzjoni ġiet iktar kompromessa.  Dak li seta’ jsir, ma sarx.  Dan, illum, f’dan ix-xenarju ma jistax isir.

Lezzjonijiet nazzjonali

8.      F’dan kollu hemm lezzjonijiet nazzjonali li għandhom jittieħdu.  Nindirizzaw f’dan lill-poplu kollu, imma nafu li hemm parti li, isir xi jsir, ma tistax tassorbi u tirreaġixxi.  Id-daqqa hija qawwija ħafna għal sezzjoni li vvutat lil dan il-proġett politiku li Muscat irrappreżenta.  Ngħidu x’ngħidu, ser ikun diffiċilissimu biex iġġib bnedmin li ilhom maħkuma f’bużżieqa ta’ non-realtà għal iktar minn għoxrin sena lura fi ftit xhur.  Biss, dan ma jfissirx li m’għandux isir, aktar ‘il quddiem, il-proċess tal-bidla nazzjonali.  Dik li minnha wieħed jifhem: l-ewwel x’inhuma l-fatti, sa fejn daħlet il-moffa, sa fejn hemm il-velenu anti-demokratiku; u t-tieni, xi jrid isir biex niġu, għada pitgħada, lura għan-normal.  Meta wieħed iqis kollox, wieħed għandu jifhem ferm u ferm iktar kemm hemm bżonn ma nidħkux bina nfusna.  Nifhmu li l-bidla li wiegħed il-Partit Laburista Muscat ma seħħitx. Nifhmu li hemm, ir-realtà hija li l-Bidla li ma tistax issir illum.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...