29.1.20

Il-futur ħadd ma rah




1.     Ħadd ma jista’ jmeri l-fatt li dak li seħħ f’pajjiżna fi tlett xhur ma setax jitbassar.  Dak li deher daqshekk sod fil-poter, ħadd ma kien jgħid li kellha tiġi mewġa politika fuqu, bħal ma rajna.  Kif seħħ dan, diversi jistgħu llum jispjegawh.  Uħud iridu l-mertu tagħhom.  Uħud jibqgħu, sallum, ma jistgħux jaċċettawh.  Imma r-realtà hija li dak li kien il-Prim Ministru, fil-preżent m’għadux.  Seħħ proċess li bih, min kien wettaq diversi żbalji kellu jħallas il-kont politiku tiegħu.  Ir-responsabbiltà hija ċertament tiegħu, u mhux ta’ ħaddieħor, kif hemm min qiegħed jipprova jgħid.

It-tama għas-sewwa

2.     Bħala persuni fil-politika, f’partit Demokratiku Kristjan, nibqgħu nħarsu ‘l quddiem sabiex titwettaq is-sewwa.  M’għandniex, f’ebda mument, naqtgħu qalbna.  Anqas m’għandna nċedu, jew ingergru fuq dak li nippruvaw inwettqu għax naħsbu li huwa għal xejn.  Nistgħu naħdmu ħafna u nidhru li aħna m’aħniex nirbħu.  Nistgħu nħarsu lura u naħsbu li tlifna s-snin f’ħidma inutli.  Nistgħu nitilfu l-kuraġġ meta naraw uħud jitilquna, jew ma jarawniex iktar kredibbli jew rilevanti.  Imma, mingħajr ma nafu, il-ħidma t-tajba, ladarba hekk tkun, kif diġà rajna, għada pitgħada tagħti l-frott.

Ħriġna minn tmexxija

3.     Anke jekk uħud ma jammettux, illum hemm diversi li qed iħossu li ħarġu minn taħt sistema ta’ Gvern żbaljata.  Sistema li kienet daħlet f’kollox.  Tiddomina, tiddetta, timmanipula u xxekkel lura.  Kontroll qawwi tal-poter tal-Istat.  Kontroll tal-bnedmin u biża’ f’qalbhom f’dak li ser iwettqu jekk jista’ jkun b’xi mod, jew interpretat, kontra dak taċ-ċentru.  Kemm il-persuni li kienu parti mill-Gvern ta’ Muscat huma illiberati, huma jridu jarawh.  Kemm hemm bnedmin li jħossuhom f’arja differenti, għad irridu naraw.  Il-fatt huwa li kien hemm tmexxija li kienet żbaljata ħafna, li issa ħriġna minnha.  Tinsab warajna.

Riedet tkissirna

4.     Avolja, kif nafu, li l-Gvern Muscat kien elettoralment ħafna iktar b’saħħtu wara l-2017, xorta ried ikisser kemm jiflaħ lill-Partit Nazzjonalista.  Ipprova b’kull mezz, u sab għajnuna diretta u indiretta għal dan.  Imma r-riżultat huwa li dan ma seħħx.  Bqajna partit wieħed, bid-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet li r-relazzjonijiet umani jġibu magħhom.  Mhux biss, imma l-bniedem li ġie l-aktar attakkat b’mod qawwi ħafna minnu, li kien proprju l-Kap tal-Oppożizzjoni, irreżista.  Smajna b’diversi allegazzjonijiet.  F’mumenti ma kenitx tgħaddi ġimgħa li ma kinitx tiġi vvintata xi storja ġdida.  Kien hemm proċess sistematiku ta’ fake news li bih daħlet żerriegħa f’ras uħud.  Ir-realtà hija li llum Adrian Delia baqa’ jmexxi, u Joseph Muscat m’għadux.

Mumenti ta’ prova

5.     Kull mexxej jgħaddi minn mumenti ta’ prova.  Fost dawn ikun hemm l-għidut dwaru.  Ikun hemm min javversah, ukoll.  Fil-bniedem li jħares ‘il quddiem, dawn il-fatturi, flok ikissruh jispiċċaw jissudawh.  Jagħmluh politiku aħjar, persuna li tifhem kemm il-politika hija iebsa, u xi jrid jaffronta għada pitgħada.  Dak li jgħaddi minnu jservih ta’ eżami.  Kull mexxej fid-dinja, aqra liema ħajja trid, issib li kellu mumenti minn dawn.  F’uħud iddeċidew tajjeb, f’oħrajn inqas.  Imma fl-aħħar tal-jum, fehmu ferm iktar dak li qegħdin hemm għalih.  Fehmu ferm iktar kemm trid taħdem u tħares dejjem bit-tama lejn il-futur.

Il-Gvern Abela

6.     F’dan, fit-tkomplija ta’ din il-leġislatura fil-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, hemm ukoll il-mumenti ta’ prova.  Dieħel ċertament fiż-żarbun ta’ ħaddieħor.  Dieħel fl-iżvantaġġ tal-bidla waqt li wieħed qiegħed fil-Gvern.  Ma kellux il-preparazzjoni li tiġi minn meta Kap jintgħażel waqt li l-partit ikun fl-Oppożizzjoni.  Imma minkejja dawn il-pożizzjonijiet, xorta huwa mistenni ħafna minnu.  Huwa mistenni li jkun aħjar minn ta’ qablu.  Mistenni minn parti mill-poplu li jnaddaf kompletament lill-Partit Laburista.  Minn oħra, li jsib xi pożizzjoni ta’ kompromess, fejn minn naħa waħda jidher li qiegħed ibiddel, mentri fil-fatt ikun qiegħed iħalli kemm jista’ dak li wiret.

Għażliet

7.     F’dan hemm iktar l-għażla li l-Gvern Abela għandu issa quddiemu, wara r-riżenja aċċettata tal-Kummissarju tal-Pulizija.  Hemm sistemi varji ta’ kif dan jista’ jsir.  Imma preżentement m’għadx hemm l-ispazju li seta’ kien hemm seba’ snin ilu.  Tant ġraw eventi skandalużi li fihom il-ħidma t-tajba jew le tal-Korp daħlet fin-nofs, li jkun żbaljat ħafna jekk wieħed jibqa’ għaddej.  Is-sitwazzjoni hija gravi; mhix ċertament normali u titlob azzjonijiet tajba.  Hija, anzi, opportunità sabiex jittieħdu deċiżjonijiet li jwettqu l-ġid għal-lum u għal għada.  F’dan, il-Partit Nazzjonalista għandu arma waħda: dik li joffri l-id tal-għajnuna sabiex il-proċedura tal-għażla ssir kif għandha, għal issa u għall-futur.

Triqat differenti

8.     F’dan, il-Gvern Abela qiegħed jagħżel li jirrifjuta din l-okkażjoni.  Qiegħed jirrifjuta li jaċċetta li, kif seħħ f’karigi oħra bħal dik tal-President tar-Repubblika, tal-Ombudsman u tal-Awditur Ġenerali, ikun hemm qbil u l-vot taż-żewġ naħat tal-Kamra jkun favur.  Mhux veru li s-sistema taż-żewġ terzi ma taħdimx.  Anzi, kif rajna qabel, ħadmet sew.  Għandha bżonn il-kuraġġ li titħaddem iktar.  Din, il-Kap tal-Oppożizzjoni ddikjara li hija l-linja li jara li hija l-aħjar għall-pajjiż tagħna.  Għandu, ċertament, raġun.  Tagħmel il-ġid bħala sistema.  Tagħmel il-ġid fil-mument storiku li fih illum ninsabu.  Tibgħat messaġġ qawwi barra li jagħmel ġieħ lilna lkoll.

Il-jiem li ġejjin

9.     Meta taqbad dawn il-punti kollha, tifhem iktar kemm hemm bżonn passi sewwa, b’direzzjoni ċara, fil-pajjiż tagħna.  Tifhem iktar li d-dmir tagħna jibqa’ li naħdmu bis-sewwa, u għas-sewwa.  Bl-użu tal-verità u tar-raġuni.  Fl-avversità m’għandniex naqtgħu qalbna.  L-esperjenza personali tagħna tgħallimna f’dan.  Għax hemm il-garanzija li meta twettaq sewwa, allura l-bidliet isiru, u jsiru meta ma tistenniex u ma tbassarx.  Kif nafu, u kif nistgħu nagħtu lkoll xhieda tiegħu, il-futur ħadd ma rah, imma l-bidliet iseħħu.
     

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...