21.1.20

Mumenti xejn faċli.




1.     Il-mument politiku jibqa’ wieħed diffiċli u kumplikat ħafna.  Minn liema parti wieħed jaqbad jagħti direzzjoni, mhuwiex faċli.  Min daħal fl-għażla li saret fi ħdan il-Partit Laburista jaf li l-passat qiegħed mat-tmexxija tiegħu.  Dan mhuwiex Kabinett li dieħel wara riżultat elettorali.  Dan huwa wieħed li jrid ikompli fuq ta’ qabel.  Min ġie magħżul, u min ġie eskluż.  Min ġie mtella’ ‘l fuq, min tħalla fejn huwa u min tniżżel ‘l isfel.  Irid iħares lejn dak li sar u, jew jikkoreġi bl-iskomdu tiegħu, inkella jħalli kollox kif inhuwa sakemm jiġi l-appuntament elettorali li jmiss.

Partiti jew kurrenti

2.     F’dan huwa iktar ċar li fl-istess Partit Laburista hemm kurrenti varji.  Hemm dawk bażati fuq ir-rabtiet u l-allejanzi personali li ilhom ġejjin tul dawn l-aħħar għoxrin sena.  Hemm ukoll dawk li jemerġu minn ideat, forom ta’ ideoloġiji politiċi.  Dan għax, f’dawn l-ewwel jiem ta’ din it-tmexxija, qiegħed jidher ċar ħafna li hemm żewġ verżjonijiet tal-Partit Laburista.  Hemm, f’dan, neċessità.  Min daħal fil-poter irid juri li huwa differenti minn ta’ qablu.  Wieħed jifhem iktar dan fiċ-ċirkostanzi, imma hemm limitu.  Ma jistax jinċaħad dak li seħħ f’seba’ snin.  Ikrah kemm huwa ikrah il-karru, fih x’fih irid jinġarr.  It-tajn iswed irid jiġi ndirizzat u jitnaddaf.

Verżjonijiet

3.     F’dan hemm l-effett, il-konsegwenza ta’ elezzjoni interna għall-Mexxej u Prim Ministru li seħħew waqt li partit qiegħed fil-Gvern.  Partit jidħol f’żewġ verżjonijiet.  Kliem żejjed bejn naħa lejn l-oħra jsir.  Jinbnew riżentimenti u konflitti li diffiċli ġġibhom lura kif kienu qabel.  Il-mera tixxaqqaq b’mod u manjiera li diffiċli tmexxi, iktar u iktar meta ż-żmien li għad fadal fil-leġislatura mhuwiex wieħed twil.  Kien fih tiegħu meta seħħ fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.  Imma hemm kien hemm l-għarfien li deħlin fi żmien ta’ sfida kbira fil-wirt ta’ Prim Ministru li kien daħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.  Ma kienx hemm is-sitwazzjoni preżenti.

Ġudizzji?

4.     Mhuwiex il-mument li wieħed jidħol f’ġudizzji dwar kif ser ikun il-futur ta’ din it-tieni verżjoni tal-Gvern Laburista.  Wieħed irid jagħti ż-żmien biex jara x’ser iseħħ.  Imma, fl-istess ħin hemm il-bżonn li jiġu ndirizzati ħafna pożizzjonijiet li ma jistgħux jitħallew iktar lura.  Il-pajjiż irid jimxi ‘l quddiem mhux taħt l-impressjoni li nbidlu l-affarijiet, imma li hemm verament il-prospett li jinbidlu.  Għax huwa fil-linja tal-ħajja li drajna nħarsu lejn il-metodi, il-ħsibijiet, l-istrateġiji u t-tattiċi li l-Gvern Laburista Verżjoni Muscat daħal fihom.  Drajna lkoll, u ser jgħaddi ż-żmien sew biex ikun hemm bidliet.

Il-Verità aċċettata?

5.     Kien hemm min qal li l-verità tgħaddi minn tlett fażijiet.  L-ewwel, tiġi redikolata.  It-tieni, tiġi kontestata.  It-tielet, tiġi aċċettata bħala ovvja.  Dan seħħ tul dawn l-aħħar seba’ snin ta’ tmexxija żbaljata tal-Istat Malti mill-Gvern Muscat.  Għaddejna minn triq twila, jekk dejjem wieħed jaċċetta t-terminu, ta’ “fake news”.  Itteħidna f’toroq li servew, fl-aħħar tal-ġurnata, sabiex il-Gvern għotor u waqa’ kompletament.  Dak li kien qiegħed isir konna, bħala Oppożizzjoni, qed nitkellmu dwaru.  Kemm kien gravi sirna iktar nafu aktar tard, fl-aħħar tlett xhur.  Disgħin jum li fihom il-pajjiż waqaf irid jifhem sewwasew x’laqtu.

Nuqqas ta’ Verità

6.     Il-pajjiż irid ikun jaf il-verità qabel ikun jista’ jibda jaħdem b’kunfidenza.  Biex, kif qiegħed jingħad, jekk verament hekk irridu biex l-iżbalji ma jiġux ripetuti, wieħed irid ikun jaf iktar x’ġara ġewwa Kastilja.  Wieħed irid jifhem iktar kif is-sistema kienet qegħda taħdem bl-effetti tagħha sabiex wieħed ikun jista’ jbiddel.  Jekk hemm min jaħseb li jista’ jieħu deċiżjonijiet politiċi mingħajr ma jispjega, ikun qiegħed biss jassigura iktar li dak li ġara jerġa’ jiġri.  Parti mill-mediċina legali li trid tiġi amministrata tibbaża ruħha fuq dijanjożi preċiża.  Jekk hemm min daħal bil-ħsieb li għandu, direttament jew indirettament jaħbi, qiegħed jitlef u jmur lura minn dmir politiku nazzjonali.

Partit u pajjiż

7.     Fl-għażliet ser joħorġu iktar u iktar, naħa u oħra, dawn il-faċċati fil-linja tax-xogħol.  Il-prijoritajiet mhux ser ikunu faċli.  Dan għax il-Partit Laburista, anki jekk bħalissa għaddej minn proċess li jipprova jindika li għandu diversi “verżjonijiet” jew “kurrenti” fih, huwa ċertament jibqa’ wieħed.  F’għajnejn il-pajjiż ir-responsabbiltà hija, kif għandha tkun, waħda kollettiva.  Kull min kien, b’xi mod, fil-Gvern Muscat huwa assoċjat ma’ dik il-memorja u piż politiku.  Dak li jseħħ fl-ewwel jiem ħafna jħallu għaddej, imma għada pitgħada hemm il-mument meta d-dejn politiku jitħallas.

Responsabbiltà ikbar

8.     Il-ħidma tal-Oppożizzjoni, f’dan qegħda tikber iktar u iktar.  Min, minn dak li qed naraw, qiegħed jipprova jinjora, ser isib li dik hija linja politika mhux tant tajba.  Infakkruh li dak li kienet qalet l-Oppożizzjoni li l-Gvern Laburista Verżjoni Muscat injora, irredikola u avversa, fl-aħħar kellu jiġi aċċettat.  Jidher li f’dan ma nbidel xejn.  Pariri tajjeb li jittieħdu minn kull naħa, speċjalment meta ġejjin mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Adrian Delia.

Biex il-futur jerġa’ jibda

9.     Il-Gvern illum irid jifhem, dejjem jekk irid verament ibiddel, li għandu bżonn lill-Oppożizzjoni.  Dak li qed tgħid u tindika hija, il-Gvern jista’ jaħirbu, imma għada pitgħada wieħed irid jiġu lura għalih.  Il-jiem li ġejjin quddiemna rridu naħdmu għalihom.  Bħala Oppożizzjoni nifhmu aktar dan.  Nifhmu li f’dan il-mument diffiċli għandna d-dmir li naħdmu dejjem iktar.  Naħdmu b’ħarsitna lejn li nassiguraw li l-futur jerġa’ jibda.





No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...