5.2.19

Tifhem il-Bniedem.




1.    Il-bniedem jaqra għall-pjaċir, għall-għerf, biex jifhem, u għal diversi raġunijiet oħra.  Hemm inqas minn dawk li jaqraw milli minn dawk li għandhom jaqraw.  Però, kif nafu, hemm iktar dawk li jaqraw minn dawk li jiktbu.  Il-kitba fiha l-preġji tagħha.  Għal ħafna bħali, iżżommok taħseb, tfittex, u ħaj.  Hemm proċess li minnu tieħu lura fil-pjaċir li tara dak li tgħid u taħseb jinqara’ u jitgħarbel minn oħrajn.  Minn ħutek, mill-proxxmu, minn dawk li jridu jqattgħu l-ħin lura miegħek f’kitbietek.

2.    Il-bniedem ħaj, mimli intelliġenza, mimli b’kitba ferm iktar qawwija u interessanti mhux faċli ssibu.  Drabi ssib awturi ta’ linja partikolari li, bejn wieħed u ieħor, jitilqu mill-istess triq u jiġu lura minn oħra.  Għandna lista twila ta’ dawk li iktbu ktejjeb, jirnexxi, u jibqgħu joħorġu oħrajn “imitazzjonijiet” tal-oriġinal.  Hemm livelli oħra iktar ogħla, bħal min ikun prolifiku u kritiku, kif kien Thomas Merton (1915-1968).  Ikkritika kitbietu billi għamel klassifika ta’ kemm, għalih, kitba jew oħra hija tajba.  Awto-kritika unika.

3.    Il-bniedem li jirnexxilu jikteb kotba varji b’sens u sustanza, distinti minn xulxin, għalhekk huwa uniku.  Ġew dawn l-ideat quddiemi wara li qbadt minn fuq l-ixkaffa ktejjeb mhux magħruf ħafna tiegħu.  Wieħed li qrajt bħal żiffa.  Ktieb tal-Papa Benedittu XVI, “La mia vita: Ricordi (1927-1977)” fl-oriġinal “Aus meinem Leben: Erinnerungen (1927-1977)”.  F’sempliċità apparenti jgħaddi pass pass migħajr ma jdejqek, anki jħajrek tifhem iktar fil-fond.  Dak li tifhem li hu u dak li għadda minnu.


4.    Tifhem il-bniedem f’dak li hu.  F’dak li għadda minnu sal-mument li sar Isqof ta’ Munich u Freising fl-1977.  Fis-snin ta’ preparazzjoni li kellhom iwassluh biex jiġi magħżul bħala mexxej tal-Knisja Kattolika.  Tul kull pass ta’ ħajtu, tifhem li ġie mbaskat għal dak ta’ warajh.  Imbaskat fir-relazzjonijiet interpersonali mal-bnedmin varji.  Imbaskat fil-ħajja akkademika, fir-riċerka, fil-laqgħat u kollaborazzjoni mal-aqwa mħuħ li l-Knisja rat fl-aħħar snin.  Kif ukoll partiċipant attiv fl-istorja reċenti tal-Knisja.  Ħaddiem, bennej u perit ta’ dak li għandna llum.

5.    Tifhem iktar il-bżonn tiegħu li jikteb.  Qlajt, xtrajt, issellift ħafna minn dak li ħareġ mill-moħħ permezz tal-pinna tiegħu.  Kull wieħed wettaq u għad għandu marka fuqi.  Kull wieħed mimli sens u sustanza li trid il-ħin biex tassorbihom.  Kull wieħed miktub b’imħabba u b’doża qawwija ta’ ferħ.  Kull wieħed jippermetti, u anzi jitlob li jinqara ripetutament mill-ġdid.  Taħseb li tafu diġà.  Taħseb li affermajtu, imma meta terġa’ tgħaddih mill-irkejjen ta’ moħħok tiskoprio punti, ideat ġodda.

6.    Tifhem iktar, fil-fatt, il-proċess tal-ħsieb tiegħu.  Bibien li tidħol minnhom biex tiskopri dak li b’ġenerożità jaqsam miegħek.  Minn ktieb għall-ieħor, mingħajr ma trid, tmur lura u tifkatar f’dak li kiteb naħa u tiġborhom f’daqqa.  Dan il-ktejjeb, partikolarment spjegali ferm iktar il-bniedem, li nieġu dejjem iktar pjaċir nifhem u nkun fil-kumpannija tiegħu.  Il-pożizzjonijiet tiegħu fi ħdan il-Knisja.  Iċ-ċaqliq minn Knisja għal oħra, minn fakultà universitarja għall-oħra huma hawn ċari ħafna.

7.    Tifhem iktar.  Tifhem dak li huwa kumplikat.  Tifhem dak li huwa iktar sempliċi, bħal għala, fost l-oħrajn, għażel arzella fl-istemma tiegħu.  Huwa jgħid: “The first of these was the shell, which first of all is simply a sign of our pilgrimage, or our being on the road: We have here no lasting city”.  Verament ma waqafx jiċċaqlaq minn post għal ieħor fi triqtu lejn l-eternità li kull wieħed huwa msejjaħ għaliha.  Dak li, aktar preċiż, ta’ qabilna kienu jfissru fil-kliem “peregrinandi pro Christo”.  Anki jekk illum huwa rtirat, xorta jibqa’ jinfluwenza.  Jibqa’ bniedem li jħares ‘il quddiem, li jgħin lill-oħrajn iħarsu lejn il-futur.

8.    Tifhem iktar għala l-bniedem jibqa’ daqshekk rilevanti.  Għalhekk nifhmu iktar għala jinżlu tajjeb mal-poplu l-viżti u l-laqgħat li jseħħu bejn il-Papa Franġisku u huwa.  L-aħħar waħda, fi żmien il-festa tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu, daret sew mad-dinja.  Niċċelebraw dan il-wirt ħaj.  Nifirħu fih, u fl-istess nifhmu li parti minn dan ġej minn kitbietu.  Kemm huwa importanti li l-bniedem jikteb ftit jifhmuh.  Però quddiem il-Papa Benedittu, bniedem mimli bl-għomor, nifhmu li llum haqqu iktar min jimitah.  Inħajjarkom għalhekk, umilment, taqrawh, tifhmuh u timitawh.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...