27.8.18

Il-vot huwa likwidu?



1.  Hemm sibtu nhar it-Tlieta filgħaxija.  Miġbur bin-nies madwaru.  Isellem, jitbissem, jieħu b’idejn dawk li ġew għall-festa.  Jifraħ bihom, jifirħu bih.  Jitkellem, jisma’, josserva u jsir jaf.  Dan huwa li sibt lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Adrian Delia, iwettaq il-Gudja, lejlet il-festa nazzjonali tal-Assunta.  Ma kienx l-uniku raħal li mar fih f’dawn il-ġranet ta’ dan is-sajf mill-iktar qawwi bis-sħana.  Kien beda dan il-proċess fil-kampanja għat-tmexxija tal-partit.  Kien iltaqa’ ma’ dawk li huma tal-partit.  Kien irnexxielu jipperswadihom.  Illum għaddej fit-triq ‘il quddiem sabiex jikkonvinċi ‘l-poplu.

Kuraġġ u determinazzjoni

2.  Il-bniedem għandu doża qawwija ta’ pożittiviżmu u determinazzjoni.  Jaf fejn sejjer.  Ċar fl-ideat tiegħu.  Fuq kollox, ma jaqtax qalbu.  Ikunu xi jkunu l-avversitarjiet, għandu s-saħħa interna sabiex jikkonfrontahom.  Niftakarni meta ltqajt miegħu l-ewwel darba, nistaqsih jekk kienx jaf għal-liema sfidi ħoxnin kien ser jidħol fit-tmexxija tal-partit, u weġibni “iva”.  Illum napprezza ferm iktar li kien jaf li kellu għadma iebsa lesta għalih meta weġibni.  Iebsa għax il-partit, bl-aħħar telfa elettorali tiegħu, kien qala’ daqqa ta’ ħarta qawwija.  Illum iktar u iktar b’saħħitha dik id-daqqa fil-kredibilità tal-messaġġ tiegħu wara r-rapport maġisterjali dwar il-kwistjoni tal-Egrant.

X’kunsens elettorali?

3.  Triq tkun maqtugħ mir-realtà politika ta’ dawn il-gżejjer li taħseb li l-kunsens elettorali mnaqqas f’Ġunju 2017 kien ser jibqa’ mwaħħal magħna wara.  Irridu naċċettaw li l-eventi li seħħew wara dak l-appuntament bagħtu iktar u iktar il-messaġġ li kien hemm ferm iktar xi jsir biex il-partit jiġi lura fuq saqajh.  B’partit li ntilef tant fil-kampanji elettorali interni tiegħu, b’pożizzjonijiet u diskors żejjed.  Pożizzjoni li tant saħnet fix-xejn li kompliet għaddejja wara.  Għadna naraw, sa ftit ilu, kemm għadna ma fhimniex kemm huwa importanti li l-kapitolu jagħlaq lilu nnifsu.  Kellu opinjoni mod, imma seħħ mod ieħor.  Biss, f’dan kollu trid tkun qiegħed tagħmel ġudizzju politiku żbaljat u maqtugħ biex taħseb u tippretendi minn dan il-partit li f’inqas minn sena mill-bidla li seħħet ikun qiegħed jiġbor kunsens elettorali qawwi.

Gladjatur

4.  Il-Kap tal-Partit għandu fis-sħiħ l-elementi essenzjali ta’ dak li lest li jissielet bl-ideat, għall-ħajja tiegħu fl-arena politika.  Jikkonfronta u jifhem li jrid jiġi konfrontat.  Ma joqgħodx lura milli jesprimi l-ideat tiegħu.  Ma jiġrix.  Joqgħod attent ħafna, ħafna iktar milli ħaddieħor qal dwaru.  Imma ma joqgħodx lura minn dak li jemmen fih.  Taf fejn inti miegħu.  Mal-prinċipji Nsara, mal-imħabba għall-valur tal-familja, mal-maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista ma tmisslux.  Għandu, iva, kontra tiegħu.  Saritlu l-ħsara tad-diskors vojt, malinn ukoll, li bih wieħed ikun irid joskura gladjatur.  Għadda minn kampanja sistematika biex ikun hemm l-assassinju tal-karattru.  L-iktar, ovvjament, minn dawk li qegħdin fil-poter, li fehmu mill-ewwel li għandu potenzjal qawwi fost l-elettorat tallum.  Għadda minn dan, imma r-realtà politika hija li għadu b’saħħtu, jikkumbatti l-avversarji u joqtol l-iljuni.

Hu l-Kap

5.  Ma dħaltx ilbieraħ fil-politika.  Tgħallimt li trid toqgħod lura, issegwi u tara bil-kalma dak li jkun għaddej.  Sa fejn qiegħed jasal il-messaġġ u sa fejn jista’.  Il-verità u r-realtà politika hija li għandna sfida qawwija biex ninstemgħu u nwasslu l-vuċi tal-partit.  Waħda li bdejna negħlbu.  F’dawn il-ftit xhur, il-Kap tal-Partit qiegħed jinstema’ ferm u ferm iktar milli kien.  Forsi mhux biżżejjed.  Il-vuċi tagħna trid tkun iktar preżenti.  Biex tkun hekk għandna bżonn inkomplu nagħmlu l-medja tagħna iktar b’saħħitha.  Il-passi li saru taħt id-direzzjoni tiegħu f’Netfm huma f’din il-linja.  Ġiebu diġà effett tajjeb.  Effett li għandna nagħrfu li fih il-fatt li l-aqwa karta għall-partit tibqa’ l-preżenza u l-impenn dirett tiegħu.  Impenn li f’dawn ix-xhur issoda, tbaskat u mmatura ferm.

L-elettorat inbidel

6.  Il-Kap għandu madwaru bnedmin li qegħdin jaħdmu tajjeb ħafna.  Diversi oħra qegħdin jingħaqdu iktar miegħu.  Sija fl-intern tal-partit b’organizzazzjoni aqwa u b’tisħiħ tal-aspett finanzjarju, sija f’barra.  Għax l-elettorat m’għadux bħal ta’ snin ilu.  Mhuwiex marbut fuq naħa u ma jridx jiċċaqlaq.  Sar wieħed li jiċċaqlaq iktar malajr.  Huwa wieħed li l-magħruf Zygmunt Bauman kien isejjaħ żgur wieħed likwidu.  Hemm iktar minn qabel differenza fil-kalatura li tmexxi bniedem biex jivvota għal partit u mhux għal ieħor.  F’dan irridu naċċettaw li għalkemm tlaqna minn vot ta’ identità, issa sejrin iktar lejn dak ta’ proposta, jew protesta jew reazzjoni.  Inqas qed iħossuhom marbuta ma’ partit jew ieħro.  Iktar lesti li jħarsu lejn dak li qed jingħad u minn min qiegħed jingħad.  Kull stħarriġ jagħmel dan iktar ċar.  Proprju għax il-vot sar ferm iktar likwidu li qed jinfetħu bibien ġodda għall-Partit Nazzjonalsita mmexxi mid-direzzjoni u l-għaqal tal-Kap il-ġdid tiegħu, Dr Adrian Delia.



   
 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...