17.12.17

Id-direzzjoni hija ċara.




1.     Għal min kien għadu fid-dubju, bil-Maratona li żamm il-Partit Nazzjonalista l-Ħadd li għadda, il-pożizzjoni ġiet iċċarata.  Jekk kien hemm min qiegħed jaħseb li t-tmexxija l-ġdida ma kinitx aċċettata, is-sitwazzjoni uriet mod ieħor.  Jekk kien hemm min qiegħed jaħseb li l-partit huwa dgħajjef jew nieqes mill-ħeġġa, jaf illum li dan kollu m’huwiex minnu.  L-istat ta’ fatt huwa li l-poplu kkontribwixxa, b’ġenerożità, donazzjonijiet li konna ilna ma naraw deħlin.  Mhux biss, imma l-ammont miġbur kien fl-istess livell ta’ dak tal-partit fil-Gvern.  Sinjali evidenti li juru li d-direzzjoni tagħna hija ċara.



Ir-riżultat tal-Maratona



2.     Mertu tal-bidla li saret, il-Partit Nazzjonalista qabad definittivament triq ġdida.  Dan jidher quddiem il-ħafna li l-politika qegħda ssir b’mod differenti.  Hemm spirtu ġdid, ħeġġa ikbar u viżjoni aktar fit-tul.  Il-fatt dan qegħdin juruh.  Ir-riżultat tal-Maratona, ma hemmx dubju, li f’dan huwa vot ta’ fiduċja mill-ħafna li għaddew il-kontribuzzjoni tagħhom għal dak kollu li seħħ f’dawn l-aħħar ftit xhur.  Fir-realtà hija konferma tad-deċiżjoni demokratika li ttieħdet mit-tesserati tal-partit.  It-tmexxija tallum hija mertu tagħhom.  Huma għamlu l-għażliet u huma huma li qegħdin isostnu dak li għażlu.  Hemm kjarament sodisfazzjon doppju minn isfel u minn fuq tal-partit.



B’abbiltà organizzaw



3.     L-Uffiċjali tal-partit, immexxija mill-Kap Dr Adrian Delia żgur, mhux forsi, it-Tnejn wara l-Ħadd jesprimu u jirreġistraw dan il-punt pożittiv.  Il-Viċi Kapijiet Robert Arrigo u David Agius, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u l-uffiċjali l-oħra rnexxielhom, b’abbiltà, jorganizzaw risposta li turi li l-partit għandu direzzjoni loġika.  Fi żmien qasir ħafna, qiegħed jidher quddiem kulħadd li minkejja l-iżvantaġġi kollha, il-Partit Nazzjonalista qiegħed iwieġeb lura kif għandu.  Il-qalb qegħda tħabbat lura għan-normal,  u d-demm beda jiċċirkola lura fl-arterji tal-poplu tagħna.  Ngħid dan għax nittama li ħadd ma jinsa li l-aħħar telfa elettorali kellha, u għad għandha, effetti iebsa ħafna għalina li rridu naħdmu mill-Oppożizzjoni.



B’umiltà u responsabbiltà



4.     Ċertament bdejna.  Biss, nafu li għandna triq twila.  Il-bidliet li hemm bżonn li jsiru biex il-partit jerġa’ jkun alternattiva kredibbli u soda, però, inbdew.  Dan għax nagħrfu li huma neċessarji.  Fl-aħħar appuntament elettorali kien hemm rifjut qawwi ta’ dak li kien qiegħed isir qabel.  Din hija r-realtà. L-istat ta’ fatt li, ngħidu x’ngħidu, irridu naċċettaw biex nimxu ‘l quddiem.  Għalhekk, b’umiltà u b’responsabbiltà, irridu nifhmu li għandna nimxu f’direzzjonijiet kompletament differenti.  Proprju għax dan inbeda.  Proprju għax il-pajjiż qiegħed jara dan isir, li hemm diġà dawn is-sinjali pożittivi.  Biss, ċertament, anki jekk id-direzzjoni hija ċara, xorta hemm ħafna aktar li għandna nwettqu biex niksbu lura l-kunsens elettorali.



L-identità politika tagħna



5.     Ċertament li l-linja politika ġiet apprezzata fl-affermar mill-ġdid li għandna identità politika ċara.  Aħna partit modern, moderat, fiċ-ċentru għax huwa partit Demokratiku Kristjan.  M’aħniex lesti f’dan ninsew minn fejn ġejna.  Anqas x’inhuma l-esperjenzi tagħna, jew fejn huma l-għeruq li jsostnuna.  Proprju għax għandna passat, li kapaċi nifhmu dak li sar tajjeb u  kif sar hekk, u dak li ma kienx.  Aħna mimlija bl-abbiltà li niddiskutu internament u nifhmu kif nistgħu ntejbu, inkabbru u nissudaw.  U minn dan, mill-fatti elettorali huwa ċar li l-ideoloġiji politiċi differenti minn dawn ma jaħdmux fil-partit, u anqas għall-partit.



Forza politika



6.     Evidenti li l-partit, minn dawk l-elementi, huwa forza politika li ma jistax jiġi njorat iktar mill-Gvern tal-ġurnata.  Huwa wkoll għandu jibda jiffaċċja r-realtà li, l-ewwel, għandu jikkonsulta iktar magħna, fis-sustanza u mhux fl-apparenza, dwar numru ta’ ħatriet; u t-tieni, li għandu jaħdem biex jikseb l-appoġġ politiku tagħna fuq ħafna deċiżjonijiet.  Anki jekk hemm maġġoranza parlamentari li tiggarantixxi stabilità politika, din ma tfissirx li l-partit fil-Gvern ikun qiegħed jaġixxi politikament korrett billi jimxi biss biex tgħaddi tiegħu.  It-triq tan-nofs, l-ewwel, iġġib ferm iktar stabilità soċjali u ekonomika; u t-tieni, tippermetti li jiġu konfrontati problemi nazzjonali li dan il-Gvern stess spiċċa biex daħħalna fihom.



Id-diskors tal-President



7.     Tul il-ġimgħa, il-President tar-Repubblika, fid-diskors tagħha elenkat, għal darb’oħra, numru minn dawn il-problemi li, kif qalet sewwa, jridu jiġu affrontati.  Il-Gvern jista’, bħal ma għamel qabel, idawwar widnejh dwar dan u jaħrabhom; jew jipprova jagħti x’wieħed jifhem li qiegħed jagħmel xi ħaġa dwarhom.  Biss nafu li r-realtà hija, l-ewwel, li ma sarx biżżejjed; u t-tieni, li hemm urġenza għax il-kirjiet għolew ferm iktar milli wieħed kien jistenna, il-faqar għadu magħna, id-droga żdiedet, kif ikkumplikat ruħha l-prostituzzjoni, u warajha t-traffikar tal-bnedmin.  Anki dwar is-saltna tad-dritt u l-omiċidju tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia kienet ċara ħafna, u għal min jagħraf il-polz politiku, riedet tirreġistra kif jinsabu verament il-fatti u mhux kif il-Gvern qed iwassal lilu nnifsu biex jemmen il-propaganda politika tiegħu stess.



Sfidi politiċi



8.     Dawn huma punti li huma sfidi politiċi għall-bnedmin ta’ rieda tajba, li jridu jaġixxu bil-poter biex jagħmlu l-ġid lill-proxxmu u mhux biex ikunu biss fil-poter.  Kemm dan l-isfidi ser jintlaqgħu, il-futur immedjat irid jagħtina parir.  Tkun xi tkun l-għażla tal-Gvern, jibqa’ ċar però: l-ewwel, li l-Partit Nazzjonalista huwa lura sod fix-xenarju politiku; u t-tieni, li proprju minħabba dan li anke jekk dawn il-problemi qed jiġu njorati, dan il-partit fl-Oppożizzjoni qiegħed jieħu ħsieb li jipprepara ruħu sew biex, kif ikun f’pożizzjoni, jikkonfrontahom.  F’dan il-mument politiku, għalhekk, irid jiġi reġistrat li, għax id-direzzjoni hija ċara, inqabdet it-triq it-tajba.  Dik li twassal partit fl-Oppożizzjoni biex isir ferm ikar rilevanti, jinftiehem u apprezzat mill-poplu li għalih ikompli jaħdem u jistinka.








13.12.17

Int lest li tgħin?


1. B’domanda sempliċi, diversi membri parlamentari u uffiċjali tal-partit qed iduru fuq l-poplu Malti u Għawdxi f’dan il-jum tal-Ħadd. Il-partit Nazzjonalista qiegħed jgħamel sejħa ċara u diretta għal dawk li jridu jsostnu ħidmet l-Oppożizzjoni - sejħa lejn dawk li jridu li l-partit jipprepara ruħu mill-gdid għall-isfidi elettorali li ġejjin lejna. Fis-siegħat ta’ wara nofsinhar ser inkunu għaddejjin b’maratona sabiex niġbru kemm huwa possibbli l-fondi li huma neċessarji u essenzjali għal ħidmietna. Ma jseħħ xejn mingħajr l-appoġġ tal-bnedmin ta’ rieda tajba u li jifhmu li stat ma jkunx demokratiku jekk ma jkollux vuċi li tieqaf u topponi lill-Gvern.

Bżonn ta’ riflessjoni

2. Huma żminijiet diffiċili għalina. Għandna komplikazzjonijiet ta’ natura differenti. Uħud minnhom fhimnihom diġà, oħrajn għadna fit-triq lejhom. Ħafna anzi nara li għadhom m’ analiżżawx tajjeb ir-raġunijiet veri għat-telfa elettorali tagħna f’Ġunju li għadda. Oħrajn forsi ukoll qed jippruvaw jaħirbu dak li bdew jindunaw bih. Ohħrajn ma jistgħux jaċċettaw li l-posizzjoni politika tbiddlet kompletament u huwa mistenni minnhom ukoll li jinbidlu. Jaċċettaw li m’ aħniex aktar sejrin lejn l-elezzjoni ġenerali għax dik saret u ngħalqet. Hemm proċess li sar u għadda li għalih ir-realtà hija li mhux kullħadd qiegħed jifhem u jirrealizza dak li għandu jsir. F’dan il-mument partikolari anzi aktar minn reazzjonijiet sporadiċi jew reazzjonarji hemm bżonn ta’ riflessjoni.

L-istat ta’ fatt jibqa

3. Nirriflettu u nifhmu iktar il-punti politiċi varji. Naqrawhom aħjar. Inmissu aktar idejna mal-polz tal-poplu. Dan għax l-istat ta’ fatt jibqa li l-ewwel il-maġġoranza fl-elettorat għar-raġunijiet varji tiegħu ma rax li konna għalih alternattiva “kredibbli”. It-tieni, mir-riżultati li ġibna l-messaġġ tagħna ma kienx qiegħed jasal fil-widnejn kif kellu jasal. It-tielet li kif nafu, diġà konna u għadna fi żvantaġġ fis-saħħa li wieħed għandu bżonn sabiex juża l-medja biex iwassal l-ideat tiegħu. Biss miegħu ngħid li fir-raba’ l-istrateġija u t-tattika li ġiet użata ma rnexxietx f’dak li ġiet imqabbda li twettaq. Din hija r-realpolitik li għandna quddiemna u li jekk rridu nimxu ‘l quddiem rridu nikkonfrontaw.

Bidla minn taħt għal fuq

4. F’dan ix-xenarju politiku għalhekk wieħed għandu jifhem u jirrealizza li l-ħatra ta’ Dr Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista kienet u tibqa waħda sabiex tbiddel id-direzzjoni, il-metodu, l-istrategija u t-tattika li konna qed nużaw qabel. L-elettorat li vvota għall-Partit Nazzjonalista minn ħdanu għażel li jkollu persuna li ddikjara u kif qed naraw beda proċess li jibdel. It-tesserat umli u li jgħix fit-triq mal-bnedmin fehem u wara ddeċieda li aħna għandna bżonn ninbidlu. Il-bidla saret u ġiet imposta fuq diversi minn taħt għal fuq. L-għajta ġiet minn dawk li l-politika tagħmel differenza vera fil-ħajja ta’ kull ġurnata għalihom. Ġie minn dawk li jħossuhom rappreżentati minna. Minn dawk li ma humiex parti minn xi elite anqas minn xi klassi soċjali unika. Ġiet minn dawk li huma parti mill-klassijiet soċjali kollha tas-soċjetà u li jaqblu mal-prinċipji u l-ideat tagħna.



Inħarsu fit-tul

5. Kull min segwa jaf li f’temp relattivament qasir il-Partit Nazzjonalista għandu bnedmin ġodda li ġew eletti demokratikament biex imexxuh. Saret bidla interna fl-uċuħ u daħlu għall-piż tar-responsabbilità politika nies differenti. Persuni li jridu jagħtu s-sehem sħiħ tagħhom sabiex nibnu mill-ġdid. Nibnu l-partit b’passi differenti. Passi li jresquna lura lejn il-fiduċja li trid tinbena bejna u l-poplu kollu. Għax ħarsitna trid tmur ‘l quddiem u din trid tkun fit-tul. Irridu nibnu l-pjan tagħna sabiex il-partit jibdel l-immagini u jiċċaqlaq mil-pożizzjonijiet żbaljati li kien qiegħed jieħu qabel. Juri fuq kollox aħjar il-valuri demokratiċi nsara tiegħu fil-ħidma ta’ kull ġurnata.



Bikom biss

6. F’dan huwa kruċjali li jsir il-ħsieb it-tajjeb għall-futur kif ukoll li jkun hemm t-tixrid effikaċi tal-ideat tagħna. Il-partit mingħajr l-għajnuna tagħkom ma jistax jaħdem kif jixtieq. Kull donazzjoni hija importanti u ser tagħmel differenza għalina. Differenza għax tagħtina l-opportunità li naħdmu aħjar. Differenza għax irridu nuru li dħalna fi staġun ġdid ta’ kif issir il-politika. Differenza għax irridu jkollna l-forza li nwieġbu għal din is-sitwazzjoni politika. Bikom biss nistgħu nibdlu. Bikom biss nistgħu nkunu alternattiva soda għal dan il-Gvern. Bikom biss nistgħu nagħmlu l-kritika li tinstema’ ċara u diretta barra. 

Il-proċess ta’ riforma beda

7. Il-Partit Nazzjonalista beda f’dan kollu paġna ġdida u qiegħed jikteb kapitolu tajjeb fl-istorja tiegħu. Beda l-proċess ta’ riforma interna u dik li permezz tagħha nużaw aħjar id-diversi talenti tajbin li għandna. Proprju għalhekk  li matul dan il-jum ser isiru diversi appelli minna li nħobbu l-partit li fihom nitolbukom l-għotjiet tagħkom. Proprju għalhekk li ġie organizzat dan il-jum. Proprju għax dħalna f’din il-mixja li qed induru fuqkom u nistaqsu lilkom lkoll individwalment  “Int lest li tgħin?”.   

5.12.17

L-ASJA– TRATTATI/FTEHIM PENDENTI





 
2658. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid x’trattati hemm iffirmati mal-Indja u jista’ jindika, b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2441, x’suġġetti qed jiġu kkunsidrati fit-trattati/ftehim ġodda?

24/11/2017

ONOR. CARMELO ABELA: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2441 nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim mal-Indja huma elenkati hawn taħt:
Titlu
Iffirmar
Ftehim Kulturali
14 Jannar 1992
Ftehim fuq Kooperazzjoni fil- qasam ekonomiku, industrijali, xjenza u kooperazzjoni teknika
14 Jannar 1992
Ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja u il-prevenzjoni ta’ evażjoni fiskali fuq taxxa tad-dħul.
28 Settembru 1994
Ftehim dwar is- Servizzi tal-Ajru
5 Ottubru 1998
Memorandum ta’ ftehim dwar konsultazzjonijiet politiċi.
7 Marzu 2005
Memorandum ta’Ftehim bejn l-Awtorita’ Nazzjonali għall-Arti, Kultura u Wirt Storiku u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta rigward il-Ħarsien, Preservazzjoni, Promozzjoni u Organizzazjoni tal-Arti
7 Jannar 2010
Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.
8 April 2013
Ftehim ta’ Eżenzjoni mill-Visa għall-Detenturi ta’ Passaporti Uffiċċjali u Diplomatiċi
12 Novembru 2013
Ftehim dwar is- Servizzi tal-Ajru
16 Marzu 2017
It-trattati/ftehim pendenti mal- pajjiżi fl-Asja jittrattaw diversi temi bħal ma hu elenkat hawn taħt:
Pajjiż
Ftehim Pendenti
Il-Brunei Darussalam
Ftehim dwar helsien minn taxxa doppja
Il-Bangladesh
Ftehim ta’ Eżenzjoni mill-Visa għall-Detenturi ta’ Passaporti Uffiċċjali u Diplomatiċi

Memorandum ta’ Ftehim bejn l-Bangladesh Foreign Service u l-MEDAC

Memorandum ta’ Ftehim fuq Konsultazzjonijiet Bilaterali

Memorandum ta’ Ftehim fil-Qasam Marittimu u l-Ekonomija l-Blu
Il-Ġappun
Ftehim dwar Working Holiday Arrangementħaż-żgħażagħ.
L-Indja
Trattat ta’ Estradizzjoni
Ftehim dwar l-Assistenza Legali Reċiproka f’kwistjonijiet Kriminali
Ftehim dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar Illeċitu tad-Droga u l-Kriminalita` Organizzata
Trattat bejn Malta u l-Indja dwar permess għax-xogħol lil Qraba ta’ Diplomatiċi
L-Indoneżja
Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.
Il-Korea ta’ Isfel
Ftehim dwar Working Holiday Arrangementħaż-żgħażagħ.
Ammenda tal-Ftehim dwar Servizzi tal-Ajru
Tiġdid tal-Memorandum ta’ Ftehim fuq Kooperazzjoni bejn il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tar-Repubblika tal-Korea.
Il-Malasja
Protokoll li jammenda il-Ftehim bejn Malta u l-Malasja dwar Ħelsien minn Taxxa Doppja

Ftehim dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar Illeċitu tad-Droga u l-Kriminalita` Organizzata.
Il-Mongolja
Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.
It-Tajlandja
Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja
Iċ-Ċina
Memorandum ta’ Ftehim fuq kooperazzjoni fil-qasam marittimu.
(Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong)
Protokoll biex jammenda il-‘Ftehim bejn Malta u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong dwar Ħelsien minn Taxxa Doppja.’
Il-Mongolja
Memorandum ta’ ftehim dwar konsultazzjonijiet politiċi.

Memorandum ta’ ftehim fuq kooperazzjoni fil-kultura, l-iSport u t-turiżmu.

Seduta 59
29/11/2017

PARIĠI - AMBAXXATA




2657. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu u xi spejjeż intefqu tul din is-sena mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna f’Pariġi?
24/11/2017

ONOR. CARMELO ABELA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni kollha mitluba.

Seduta 59
29/11/2017

RAĦAL ĠDID – PJAZZA – XOGĦLIJIET – KUMPENS LIS-SIDIEN TAL-ĦWIENET


 
2656. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: B’referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid x’kumpens u x’għajnuna qed tingħata lid-diversi operaturi u sidien tal-ħwienet li qegħdin kuljum jitilfu min-negozju tagħhom?

24/11/2017

ONOR. OWEN BONNICI: Ninforma lill-onorevoli interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Seduta 59
29/11/2017

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...