24.8.16

L-Enċikliċi – għodda soċjali.




1.      Ftit ġimgħat ilu mmarkajna l-mija u ħamsa u għoxrin anniversarju minn meta ġiet pubblikata l-enċiklika “Rerum Novarum”, ikkunsidrata bħala l-ewwel u l-aqwa dokument li jibda jispjega u jiċċara d-dottrina soċjali tal-Knisja Kattolika.  Anzi aħjar, dak li l-Knisja sejħet għall-analiżi ta’ “The State of the Social Question”.  Kien proprju fil-15 ta’ Mejju 1891 li Papa Ljun XIII, wieħed mill-iktar progressivi, beda dan il-proċess ta’ għarfien, aġġornament u direzzjoni f’soċjetà fejn il-vuċijiet tal-marksiżmu u l-liberaliżmu kienu dominanti.  Sistemi li għalkemm jidhru bħala alternattivi għal xulxin, it-tnejn fl-aħħar tal-ġurnata jassiguraw diżugwaljanzi.  U terġa’, dak iż-żmien id-dinja kienet għadha ma ġarrbitx fis-sħiħ l-effetti negattivi li rajna u ġarrabna tul l-aħħar seklu meta dawn tqegħdu fil-prattika mill-kotba tat-teorija.



Kliem ċar u dirett

2.      Minn eżami tal-istess dokument, minkejja t-trapass taż-żmien, il-bniedem ta’ rieda tajba ma jistax ma jħossux imqanqal mill-ġdid bih.  Dan huwa iktar interessanti meta wieħed jikkonsidra li għalkemm Ljun XIII dam Papa għal ħamsa u għoxrin sena, u jibqa’ wieħed fost l-ixjeħ, dan id-dokument ħarġu lejn in-nofs tal-papat tiegħu, wara tlettax-il sena.  L-enċiklika kienet diġà, dak iż-żmien, dawl kbir u att ta’ kuraġġ.  Fetħet il-bibien lejn involviment dirett tal-kattoliċi fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika.  Uriet li n-nisrani ma jgħix f’dinja għalih, imma huwa wkoll impenjat sabiex jagħmilha aħjar u jissielet għal dawk minn taħt: l-armla, l-iltiema, il-fqar.  Din l-ittra li ntbagħtet mill-Papa lill-Isqfijiet misset direttament ma’ problemi li kienu u għadhom magħna sal-ġurnata tallum. 



Favur id-dinjità tal-bniedem

3.      Il-kliem użat huwa dawl, anki llum.  Għax meta wieħed jaqra “all trace of the religion of our fathers was stripped from government and the law.  And so it comes about that working men are now left isolated and helpless, betrayed to the inhumanity of employers and the unbridled greed of competitors” u “the hiring of labour and the management of industry and trade have become concentrated into the hands of the few, so that a tiny group of extravagantly rich men have been able to lay upon a great multitude of unpropertied workers a yoke little better than that of slavery”, jifhem iktar u fl-istess ħin jimmotiva ruħu iktar għall-ħidma favur il-proxxmu.  Għalhekk, kliemha ma kienx biss vuċi differenti mill-komuniżmu jew il-kapitaliżmu imma triq mibnija fuq is-sewwa, alternattiva soda.  Fuq dak li huwa ġust u parti integrali mill-bniedem, mhux limitat għall-materjaliżmu storiku imma ferm iktar fil-fond.



L-intelliġenza kbira

4.      Papa Ljun kien bniedem intelliġenti u, għall-kuntrarju ta’ oħrajn daħal u daħħal lill-Knisja fejn ħadd ma kien qiegħed jippretendi li ser tidħol.  Kien hemm, verament, diġà kitbiet tajba bħal dawk tal-illum Beatu Giuseppe Toniolo.  Biss, b’dak li nkiteb ġiet stabbilita l-linja tat-tagħlim tal-Knisja dwar il-kundizzjoni tax-xogħol tal-ħaddiem, in-natura tal-paga ġusta għalih, id-dritt li jingħaqad f’union u li jieħu dawk il-miżuri biex itejjeb u jiddefendi l-impjieg, il-bżonn u l-użu tajjeb tal-proprjetà privata għall-bnedmin.  Enċiklika li serviet ta’ bażi nisranija għall-kunċett demokratiku tal-Istat.  Stat li qiegħed hemm mhux biex jindaħal fejn ma jesgħux, iżda sabiex jassigura l-ġid komuni, it-tqassim aħjar tiegħu u li min huma minn taħt jiġi mgħejjun direttament.



Minjiera ta’ għerf

5.      Fir-realtà, kienet u għadha minjiera ta’ għerf.  Waħda li serviet ta’ bażi għall-ħidma ta’ bnedmin f’partiti politiċi fl-Ewropa u fid-dinja.  Għax hemm diversi partijiet li jimmeritaw attenzjoni, anki llum il-ġurnata.  Għax wieħed għandu jgħid li, sfortunatament, qegħdin f’dinja fejn il-messaġġ huwa dominat mill-vuċi ta’ dawk li jriduna nimxu fil-ħajja soċjali u ekonomika tagħna fuq id-dettami tal-kapitaliżmu u n-neo-liberaliżmu u ninjoraw dan it-tagħlim.  Mhux biss, imma għandu wkoll isir il-punt li dak li nkiteb sekli ilu, għalkemm seta’ ġabar it-trab fuq xi xkaffa għadu mimli ħajja u direzzjoni llum.



Għadu rilevanti

6.      Dak li nkiteb, dak li baqa’ magħruf għalih il-Papa Ljun XIII għadu rilevanti għalina.  Jonqos biss li niddedikaw ftit ħin biex naqraw u nifhmu mill-ġdid.  Hemm bżonn, lok li kitbet bnedmin ta’ intelliġenza jerġgħu jinqraw u jerġgħu jagħtu tama u ħajja llum.  Hija ħasra u żball li ninsew dan is-sens u sustanza.  Hemm żgur lok sabiex kull sena jiġu organizzati laqgħat, diskorsi u anki jkunu parti mill-omeliji u l-priedki tul il-quddies.  Irridu, anzi għandna dmir, li nibqgħu nifhmu li ħidmet in-nisrani fis-soċjetà hija rilevanti għax ispirata minn għerf kbir.  Għax għalkemm infakkru dawn l-anniversarji, nagħmlu aħjar jekk nagħrfuhom mill-ġdid sabiex nagħmlu użu minnhom fil-ħajja tagħna, illum li trid b’għemilha tiċħad is-sewwa magħruf.







Lejn it-Torrijiet ta’ Babel.




1.      L-approvazzjoni ta’ numru ta’ torrijiet fl-Imrieħel u f’Tas-Sliema mill-Awtorità tal-Ippjanar ħalliet il-maġġoranza tal-poplu b’togħma xejn tajba.  L-opinjoni ġenerali hija kontra dan l-iżvilupp.  Kontra li fil-pajjiż tagħna tidħol din il-linja ta’ bini għal diversi raġunijiet.  Mill-iktar fil-qosor għax: l-ewwel, minħabba l-estetika; it-tieni, il-karattru sħiħ tal-art; it-tielet, għax bżonn veru ma hemmx għalihom.  Rajt reazzjonijiet differenti minn numru ta’ bnedmin ta’ rieda tajba.  Uħud fuq naħa ħassewha iktar għax kienu daħħlu lilhom infushom biex jemmnu li dan il-Gvern Laburista ġdid dawn l-affarijiet mhux ser jippermettihom, iktar meta kienu jisimgħu li Malta hija tagħna lkoll.

Maħduma minn qabel
2.      Ħafna drabi, ulied is-sewwa ma jkollhomx il-ħażen li għandhom oħrajn.  Minflok sabu l-kontra.  Sabu fil-verità r-riżultat ta’ snin ta’ ħidma biex naslu hawn.  Il-kontrolli kollha li kien hemm qabel issa tneħħew u l-bieb infetaħ beraħ għal dawn it-tip ta’ proġetti.  L-ewwel mossa determinanti saret appena l-Awtorità tal-Ippjanar infirdet minn dik tal-Ambjent.  Minkejja dak kollu li ngħad fil-Parlament mill-Ministru ta’ dak iż-żmien Leo Brincat, din ma servietx biex tissoda iktar l-aspett ambjentali, imma deċiżament il-kontra.  Ċert li min kien qiegħed jippilotaha ma kienx qiegħed jagħmel dan b’intenzjonijiet żbaljati.  U l-affarijiet ġew iktar bizzilla kif min kien deċiż li jwettaq dak li kien qal, issa tneħħa konvenjentement minn nofs f’limbu politiku interessanti.  Ikolli ngħid, ma naħsibx li qabel wisq.

Min kien hemm warajha?
3.      L-ambjent, bl-Awtorità tiegħu, issa tilef kull saħħa li kien akkwista taħt amministrazzjonijiet differenti.  Kien fil-qalba tal-punt u mhux qiegħed jilgħab away, imma home huwa wkoll.  Dak il-gwardjan tal-post fejn ngħixu, tal-pajjiż li nħobbu ġie deċiżament żarmat.  L-id warajha ma kienet ta’ ħadd salv tal-Gvern preżenti.  Għadda biż-żmien lil diversi persuni ta’ kwalità li jiktbu spiss ukoll.  Uża l-pinna tagħhom meta kien fl-Oppożizzjoni; uża wkoll il-kunsens tagħhom biex għamel preċiżament u direttament il-kontra ta’ dak li ħasbu huma fl-innoċenza tagħhom.  Kien hemm mewġa li ħakmitna.  Illum, però, it-tort ta’ dan kollu huwa ta’ din l-Amministrazzjoni.  Sa issa, forsi żbaljat, imma għadni ma qrajt b’ebda ministru jew segretarju parlamentari jingħaqad mal-poplu u jikkundanna dawn it-Torrijiet ta’ Babel.  Smajt, minflok, diversi jistaqsu dwar fejn spiċċat il-kuxjenza soċjali ta’ dan il-Kabinett.

F’min sejrin inwaħħlu?
4.      Kemm kienet iktar komda u konvenjenti li minn meta ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet żbaljati, il-gazzetti kienu mimlija b’ta’ min huwa t-tort.  Fejn smajna kif il-membru Timmy Gambin, li l-ewwel qalulna li rċieva ittra li ma qrahiex u wara qalilna li ma kienx obbligat jagħmel dan.  Wara, kif weħel iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent, il-Profs. Victor Axiaq.  Għax messu, minkejja li kien għadu kif ħareġ mill-isptar, jattendi.  Weħlu fin-nofs diversi oħra f’forma ta’ telenovela aqwa minn dawk l-Ispanjoli, immarkata biex taljena u twaħħal f’min proprju m’għandux tort.  Bniedem ta’ dik l-integrità u esperjenza mhuwiex ser jinxtara proprju minn ħadd.  Fuq dan anzi, ħafna fehmu li sija ġewwa l-Awtorità tal-Ippjanar u fil-Gvern ċertament li hemm min jaf li kien ma jiflaħx jattendi.  Allura wieħed jistaqsi: jekk għall-Gvern il-vuċi tal-Ambjent hija daqshekk importanti, kif il-membri maħtura minnu ma ħadux ħsieb li fl-assenza tiegħu, flok jibqgħu għaddejjin, jiffissaw minflok il-laqgħa għal meta seta’ jattendi?

Il-Knisja difensura
5.      Il-Knisja llum immrakat iż-żminijiet u qegħda tieħu l-pożizzjonijiet għas-sewwa, differenti minn qabel.  Spikkat bil-vuċi tal-mexxej, l-Arċisqof Charles Scicluna, li ħadd ma jista’ jmeri li kienet ċara, preċiża, diretta u mhux politika.  L-artikolu tiegħu “The Midas Curse”, li deher f’diversi gazzetti, huwa sejħa qawwija favur il-ġid komuni u li jmiss il-kuxjenza.  Il-kliem tiegħu: “Shame on the Planning Authority that seems to be insensitive to the visual impact of these cement monstrosities on the soft rambling contours of our countryside and traditional townscapes.  Shame on the government authorities that chose to include Mrieħel at the last moment in the list of earmarked for high rises without giving civil society the opportunity to voice any sort of concern” huma prova ta’ dan.  Kliem li għalihom, sa issa, ma rajtx wisq tweġibiet. Rajt, anzi, li l-pożizzjoni tal-Knisja mhix ma’ dawk li għandhom il-flus, imma għadha d-difensur ta’ dawk li huma minn taħt.  Aqwa minn hekk, il-Knisja ma hija fil-but ta’ ħadd.

It-tort tal-Gvern

6.      L-artikolu jistaqsi iktar fil-fond u b’saħħa: “Who will defend us from those who took the solemn oath to defend the common good without fear or favour?”  Il-proċess kollu qiegħed, għal diversi jidher li huwa mimli b’makakkeriji u irregolaritajiet.  Il-mossi, il-ħbula nġibdu direttament minn fuq, minn naħa tal-Gvern, li huwa ċar li ried li dawn it-torrijiet jiġu approvati.  Ma kien hemm ebda kundanna, anqas dikjarazzjonijiet, li ser jittieħdu xi passi biex il-Kabinett iwaqqaf dan.  Kien hemm biss strateġija maħduma li bdiet, bl-ewwel li titwarrab min-nofs l-Awtorità tal-Ambjent, u wara ġġib dik tal-Ippjanar għas-servizz ta’ sidien ta’ torrijiet bħal dawn.  Wara twaħħal f’min m’għandhiex.  It-tort mhux ta’ bnedmin li smajna isimhom, imma tal-Gvern.

Din l-Art għadha ħelwa
7.      Tul din il-ġimgħa qrajt artikolu li jgħid ħafna, fejn is-sub-titolu kien “Din l-Art Kerha: Malta’s new national anthem”.  Nifhem u napprezza r-reazzjonijiet oġġettivi ta’ Martin Scicluna, iktar u iktar x’ħin kiteb: “These are vanity projects unworthy of a Prime Minister who was elected to office promising “to protect environmental standards ... because our children deserve this.”  Biss, pajjiżna preżentement għadu wieħed sabiħ, għadna Din l-Art Ħelwa.  Għax nistgħu ninbidlu jekk it-Torrijiet ta’ Babel isiru u mhux jaqgħu.  Għalhekk, appell mill-aspett legali għal din id-deċiżjoni għamel sewwa li ser jagħmlu l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, u miegħu nittamaw li jingħaqdu l-Awtorità tal-Ambjent u diversi għaqdiet oħrajn.  Biss, appell iktar deċiżiv u ta’ prova jista’ jsir mill-Gvern biex jibdel dan l-iżball kbir tiegħu.  Għax irid jingħad li jekk iħalli kollox għaddej ser jiżdiedu dawk li diġà qegħdin jifhmu li Malta, Din l-Art Ħelwa, kienet diġà tagħna lkoll qabel l-Elezzjoni Ġenerali, mentri llum inbidlet u hija tal-ftit.

17.8.16

Xoghlijiet f'Wied-il-Ghajn.



L-Onor. Carmelo Mifsud Bonici staqsa lil Ministru ghat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi.
Jista’ l-Ministru jgid x’xoghlijiet saru u liema se jsiru f’Wied il-Ghajn matul din il-legislatura? Jisa jindika kemm kienet in-nefqa s’issa u kemm hi ppjanata li se tkun din in-nefqa?
Twegiba: Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpogga fuq il-mejda tal-kamra.


PAPERS LAID - MTI
Ix-Xogħlijiet li saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’ Wied il-Għajn hu kif ġej:
·         Tikħil u żebgħa ta’ kolonna fil-Bajda u s-Sewda.
·         Xogħol ta’ manutenzjoni ġenerali (Jannar/Diċembru 2013) tul il-promenade.
·         Xogħol ta’ manutenzjoni ġenerali (Jannar/Diċembru 2013) fil-Bajja ta’ San Tumas.
·         Twaqqiegħ u bini ta’ bus shelter fi Pjazza Dun Tarċis Agius.
·         Bini mill-ġdid ta’ bankina fi Triq id-Dugħ.
·         Xogħol ta’ tisbiħ fi Triq Sant’Antnin.
·         Xogħol ta’ waterproofing fil-Park tal-Familja.
·         Manifattura  u twaħħil ta’ għaxar bankijiet għall-Bajja ta’ San Tumas.
·         Tqegħid mill-ġdid ta’ pavimentar tal-konkos fi Triq San Nikola k/m Triq San Ġużepp.
·         Xogħol ta’ tisbiħ fi Triq Mifsud Bonnici.
·         Xogħol ta’ tisbiħ f’Wied il-Għajn/San Tumas.
·         Bini mill-ġdid ta’ ħajt tas-sejjiegħ fi Triq Wied iz-Ziju u Triq ir-Ramla.
·         Xogħol ta’ tisbiħ fuq bankijiet u railings (Jannar/Diċembru 2014) fil-Bajja ta’ San Tumas.
·         Illivellar tal-wiċċ tat-triq u kisi bil-konkos fi Triq Tumas Ashby.
·         Xogħol ta’ tisbiħ fil-promenade (parti mill-materjal provdut mill-Kunsill Lokali).
·         Bini ta’ ħajt madwar ħofra li ukoll tgħattiet bi gradilja tal-ħadid quddiem il-Pixxina f’Żonqor Point.
·         Xogħol ta’ manutenzjoni ġenerali (Jannar/Diċembru 2014) tul il-promenade.
·         Xogħol ta’ manutenzjoni ġenerali (Jannar/Diċembru 2015) tul il-promenade.
·         Xogħol ta’ livellar u konkos fi Triq iż-Zinzel.
·         Tiswija u bini mill-ġdid ta’ ħajt fiż-żona ta’ Żonqor Point.
·         Qed isir qlugħ ta’ siġar invażivi mill-Wied ta’ Sant’Antnin, Marsaskala.
·         Żdiedet il-frekwenza ta tindif tul il-promenade addizzjonali mas-servizz provdut mill-Kunsill Lokali.  Isir il-hasil tal-istess post matul ix-xhur tas-sajf.
·         Twaħħlu numru konsiderevoli takontenituri tal-iskart matul il-promenade. 
·         Isir tindif regolari taż-żona ta’ Żonqor Point.
·         Isir litter picking miż-żona tal-Magħluq. 
·         Isir ukoll tindif ta bajjiet regolarment u tneħħija ta alka. 

Xogħol ippjanat li jsir f’Wied il-Għajn:
·         Il-Unit Marittimu, għall-Kontroll tal-ilma tax-Xita u l-Immaniġjar tal-Widien qed iħares lejn iż-żona magħrufa bħala l-Magħluq ta’ Wied il-Għajn b’mod ħolistiku.  Hemm applikazzjoni l-MEPA għat-tħammil ta’ din iż-żona u sar studju magħruf bħala Appropriate Assessment kif mitlub mill-istess MEPA.   Sar ukoll proġett biex ġew rilokati numru sostanzjali ta’ tjur li kien hemm fiż-żona u qed nikkollaboraw mal-Animal Welfare Department biex jitneħħew it-tjur li fadal.   Fl-istess waqt, sar eżerċizzju ta’ pest control biex jitnaqqas l-ammont ta’ ġrieden li jgħammru f’din iż-żona.  Barra minn hekk, kull tant żmien jiġu miftuħa l-pajpijiet li hemm bejn il-Magħluq u l-baħar permezz ta’ ilma bil-pressa. 

·         Hemm il-ħsieb li jsiru storm water culverts fi Triq is-Salini, Marsaskala.  Dan ix-xogħol irid isir b’kollaborazjoni mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

In-nefqa s’issa kienet ta’ €458,386 filwaqt li n-nefqa ippjanata hija ta’ €84,482.


PAPERS LAID – TRANSPORT MALTA
Minbarra diversi xogħlijiet żgħar tamanutenzjoni u tiswija, f’din il-lokalita’ saru dawn ix-xogħlijiet infrastrutturali:
Sena
Triq
Xogħlijiet
Stima ta’ Valur
2013
Triq il-Qrempuċ
Kostruzzjoni u Asfaltar
       €58,000

Triq is-Skiet
Kostruzzjoni u Asfaltar
       €58,000
2014
Triq Salvu Buhagiar
Kostruzzjoni u Asfaltar
       €58,000

Triq Ridott
Kostruzzjoni u Asfaltar
       €41,000

Triq San Franġisk
Upgrading ta’ pedestrian crossing
         €1,500

Triq San Franġisk
Kostruzzjoni u Asfaltar
       €35,000

p//o Triq ir-Rummien c/w Triq in-Naspli
Kostruzzjoni u Asfaltar
       €30,000
2015
Triq San Franġisk
Implimentazzjoni ta’ line markings
             €300

Triq il-Qaliet
Installazzjoni ta’ flexible bollards
        €35,000
2016
Triq Dugh & Lorry Sant p/o
Kostruzzjoni u Asfaltar
      €631,354

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...