16.10.15

Magni mqabbda, karozzi wieqfa





1.      Ġejt iffurmat fil-ħsieb politiku li l-Gvern qiegħed hemm biex jaħdem għall-progress tal-poplu.  Il-Gvern huwa forza għas-sewwa u mhux kif jaħsbu ċerti liberali.  Huwa forza biex juża r-riżorsi, l-abbiltajiet tiegħu biex isolvi l-problemi u dan għall-ġid komuni.  Din il-ġimgħa, meta kont bħal diversi oħra mwaħħal f’siegħat fil-karozza fit-traffiku, ġew iktar riflessjonijiet fuq dan.  Kull amministrazzjoni ssib ruħha b’sitwazzjonijiet li tkun taf bihom diġà qabel meta tkun fl-Oppożizzjoni.  Ħafna oħrajn le.  U barra dan, hemm dejjem xenarji ġodda li jqumu.  Hemm ukoll iktar pożizzjonijiet fejn il-kumplikazzjonijiet jikbru, bħal meta problema magħrufa ssir agħar milli kienet.  Dan jew b’kawżi li ma jkunx hemm kontroll fuqhom, jew meta sfortunatament ikun hemm kontribuzzjoni diretta biex jiżdiedu l-egħqiedi.

2.      Hija stramba għall-aħħar, inkella parti mill-kultura “neo-arroganti” li għandna, kif il-problema tat-traffiku qed tiġi ndirizzata mill-Gvern.  Ħadd ma jista’ b’xi mod jgħid li l-intoppi twieldu ma’ dan ix-xahar għax rajniha qabel.  Biss, qatt ma kellna sitwazzjoni fejn flok tiġi affrontata, mnaqqsa jew b’xi mod solvuta, qed narawha tiġi abbandunata.  Ma rridx ngħin dan, biss, ħafna qed jaraw li hemm min daħħal lilu nnifsu fil-palazzi tal-poter u qed jaqta’ lilu nnifsu minn dak li d-diversi ħaddiema qed jaraw kuljum.  Ħadd fil-poter ma qisu qiegħed iħoss is-sens ta’ frustrazzjoni, ta’ passività li ħafna, kull ġurnata, jitilqu kemm jitilqu kmieni xorta jsibu serbuti twal ta’ karozzi fejn min qabbeż, qabeż u  min stenna baqa’ jistenna.  Ir-risposta tal-Gvern għal dan hija ċara u ovvja: li l-problema waħdeha trid issib soluzzjoni.  Qalulna fil-fatt li l-Gvern jistenna li fil-ġimgħat, mhux ġimgħa, li ġejja l-affarijiet jissolvew.  Abbandun li ħsara qiegħed jagħmel.

3.      Kienet ikbar barra mis-soltu r-reazzjoni fil-Parlament għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni sabiex is-sitwazzjoni tiġi diskussa.  Sar dibattitu mgħaġġel, mingħajr il-preżenza tal-Ministru tat-Trasport, fejn il-messaġġ reġa’ kien li l-poplu qed joħloq il-problema u allura huwa jrid isolviha.  L-aqwa waħda kienet li jekk jitraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel, allura jkun hemm iktar karozzi fit-triq u b’loġika evidenti propjru għalhekk li ma għandux jiġi mraħħas.  Argument barra minn loku li però huwa indikattiv.  L-Oppożizzjoni għamlet sew li ressqet din il-mozzjoni.  Il-Gvern żbalja li qabad u għamilha bl-għaġġla u flok ġie b’risposti validi pprova jidfinha.  Mozzjonijiet parlamentari jistgħu jimbarazzaw lill-amministrazzjoni u tista’ l-istess titgerbeb fiha, però lkoll nafu li ssir biex il-punt jiġi dibattut biex nersqu lejn soluzzjoni.  Vot fl-aħħar ma kienx hemm.  Ma ridniex.  Ma kienx l-iskop tagħna.  Kien hemm biss mozzjoni pożittiva li l-Gvern irreaġixxa għaliha b’mod negattiv għall-aħħar.  Flok kien pro-attiv sab ruħu jiddefendi ħażin il-pożizzjoni kaotika li hawn.  Nifhem li l-Griegi kienu jemmnu li mill-kaos jiġi wara l-ordni, biss biex dan isir trid taħdem għalih.

4.      Il-poplu finalment jinteressah minn soluzzjoni u waħda ta’ malajr.  Xeba’ jara kull filgħodu serbuti ta’ karozzi wieqfa u jisma’ ‘l dak u ‘l-ieħor jitkellem fuq l-istess problema.  Għax għalkemm wieħed jista’ jifhem dan kollu, il-kwistjoni hija iktar u iktar fonda.  Il-vantaġġ elettorali fl-aħħar vot ġenerali, flok ġieb lil min imexxi f’pożizzjoni fejn jieħu d-deċiżjonijiet li jista’ hu biss jieħu għax għandu din il-maġġoranza qawwija, qed iġib il-kontra.  Il-maġġoranzi ma jiġux preservati billi wieħed ma jagħtix każ jew jaħrab mill-pożizzjoni, imma billi wieħed jaħdem skont il-mandat li jkun irċieva.  Iktar u iktar f’dan is-settur fejn konna nisimgħu li huma kellhom pjan mill-aqwa lest biex appena jkunu fil-Gvern iwettquh.  Sar diskors politiku żejjed li naqqas mill-fiduċja tan-nies fil-kelma tal-politiċi.  F’dan kollu rimedju żgur li għandna bżonn, biss jidher ċar li l-partit fil-poter la ħaseb qabel u wisq anqas ma huwa jaħseb issa.  Hu x’inhu, il-problema hemm qegħda u trid tiġi affrontata bl-Oppożizzjoni lesta biex timxi u tagħti sehemha.

5.      Dan huwa proprju aġir pożittiv.  Linja ta’ ħidma li tindika iktar u iktar il-kuntrast meta niftakru kemm tul dan il-sajf il-Gvern għamel hiltu kollha biex jgħid li l-Oppożizzjoni hija negattiva.  Kemm ma tafx x’inhuwa jiġri u kemm ma tafx.  Anki f’dawn il-jiem, taqra l-istqarrijiet u tara l-espressjonijiet fuq l-uċuh il-messaġġ huwa li ċċekkem ħidmet din in-naħa tal-Kamra.  Id-diskors tal-Ministru tal-Finanzi dwar id-dokument li ġie ppreżentat mill-Oppożizzjoni għall-Budget kien proprju f’din il-linja.  Flok dan serva ta’ dibattitu kostruttiv, il-Gvern kellu fl-aġenda li jipprova jċekknu.  Flok uża r-raġuni biex jispjega kien kollu aġġettivi biex jipprova jirredikola dak li sar bi sforz tajjeb mill-Oppożizzjoni.  L-istess għamel il-Prim Ministru fuq it-taraġ ta’ Kastilja wara l-laqgħa tal-kumitat dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza.  L-espressjonijiet u d-diskors kien dispreġġjattiv fix-xejn bl-isbaħ kienet meta hu, li mhux avukat, jgħid lill-Kap tal-Oppożizzjoni li huwa ma jafx il-liġi.  Din hija strateġija mill-iktar żbaljata.  Fuq naħa tgħid li aħna negattivi u fuq l-oħra tipprova ċċekken dak li jingħadlek fis-sewwa.  Sinjali ta’ nuqqas ta’ ħsieb ċar li nittamaw li f’xi mument joħroġ l-ordni.

6.      Il-pajjiż tagħna kiber ħafna.  Proprju għalhekk li għandek diversi li jħossu l-bżonn li, għar-raġunijiet varji tagħhom, jużaw il-karozzi tagħhom biex jiċċaqilqu filgħodu minn post għall-ieħor.  Huwa sinjal li hemm attività umana għaddeja li tiġbor fiha ħafna: trasport lejn l-iskejjel, lejn l-isptarijiet, lejn ix-xogħol, lejn in-negozju – kollha indikattivi ta’ ħidma ekonomika.  Waħda ġġib naturalment lill-oħra, jimxu id f’id.  Min imexxi jrid jassigura li jkun hemm iktar informazzjoni u direzzjoni, u li jidħol bil-paċenzja fid-dettall għala pesuni joħorġu f’ħin u mhux f’ieħor.  Ma hemm soluzzjoni waħda iżda ġabra tagħhom.  Però żgur mhux forsi ma tistax tħalli dan kollu għall-aħħar u tippretendi li fl-1 ta’ Ottubru, meta huwa magħruf li jibdew l-iskejjel u li l-ħaddiema tal-Gvern jispiċċawlhom in-nofs ta’ nhari.  Hemm bżonn iktar ħsieb, konsultazzjoni, impenn u ħidma vera. Jekk kif qal il-Prim Ministru jippretendi li kulħadd isir “salesman”, ma jistax jippretendi li jħalli t-trasport fl-istat li huwa.  Ilkoll nafu li dik il-ħidma titlob li ddur faċilment minn post għall-ieħor, inkella ma tbigħx.  Nittamaw li ssir xi ħaġa.  Fil-frattemp nibqgħu bil-magni mqabbda u l-karozzi wieqfa jistennew.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...