16.10.15

L-Indipendenza li tixirqilna.


 
1.      Għada niċċelebraw il-wieħed u ħamsin sena tal-indipendenza tagħna.  Jum importanti fi ħdan ġabra ta’ jiem f’xahar ta’ ċelebrazzjonijiet nazzjonali.  Il-jum tal-21 huwa mimli b’valur għalina li nemmnu li l-bnedmin fuq din il-gżira kapaċi jmexxu ‘l quddiem lilhom infushom.  Hemm żewġ naħat f’dan.  Fil-passat inħarsu u ngħarfu dak kollu li diversi patrijotti wettqu, tkellmu u ħadmu sabiex bl-intelliġenza li kellhom iwasslu għal dan il-jum fl-1964.  Fuq l-oħra, il-ħarsa ‘l quddiem lejn dak li ġej u li nixtiequ li jiġi.  Missirijietna stinkaw f’dak li qegħdin ingawdu aħna llum.  Diversi minnhom mietu mingħajr ma raw it-tmiem tal-ħakma kolonjali li konna taħtha.  Ma hemmx dubju li konna nifilħu nkunu f’din il-pożizzjoni sekli qabel, però l-istorja ddettat mod ieħor.

2.      Kull min jaqra ħajjet il-bnedmin fi żmien il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann jagħraf li kine hemm diġà dik l-abbiltà.  Bnedmin li jaħdmu, kapaċi jieħdu d-deċiżjonijiet, b’lingwa separata tagħhom u kellhom industrija taż-żejt, tal-qoton, tal-għasel, tal-larinġ, li kienu magħrufa fil-Mediterran.  Min qara dak li ħallew dawk li qed jinvistaw dawn il-gżejjer jgħarfu wkoll li kellna liġijiet tagħna, li konna diġà soċjetà tolleranti u kapaċi toħloq ambjent fejn nies ġejjin minn fejn ġejjin jistgħu jgħixu flimkien.  Mitejn u tletin sena skorruti f’pajjiża kien hawn diġà moskeja, anke jekk l-Ordni li kien jiddomina hawn kien imwaqqaf mill-kattoliċi.  Pajjiżna sar indipendenti fl-1964 però l-għeruq ta’ dik il-ġurnata huma ġejjin fis-sekli.  Kien hemm aspirazzjoni u viżjoni ta’ dan sa minn żmien il-waqa’ ta’ Gonsalvo Monroy.

3.      L-indipendenza ġustament niċċelebrawha fil-jum, però jrid jingħad li l-eventi li seħħew wara fl-ewwel siegħat ta’ din il-libertà nazzjonali jixirqilhom attenzjoni.  Niċċelebraw ħidmet George Borg Olivier li kien il-bniedem li ntagħżel biex ikun l-artefiċi ta’ kollox.  Il-persuna li bil-paċenzja, għaqal, pulitizza u bil-metodu t-tajjeb wasal minn fuq il-mejda tad-diskussjoni.  Ma ppruvaw ikun dak li ma kienx.  Mexa fi triqtu bir-raġuni fuq naħa u bil-valuri nsara fuq l-oħra.  Kellu min kien miegħu fit-triq, daqshekk ieħor kellu min ma kienx kapaċi jagħraf dak li kien qiegħed jara.  Hu seta’ jħares fit-tul u kellu wkoll il-kuraġġ li jidħol għal piż daqshekk qawwi li ftit kellhom.  L-indipendenza ġiebet libertà u magħha wkoll responsabbiltà.  Ġarrha tajjeb ħafna, bena pedamenti li kienu determinanti għalina lkoll li qed ngħixu f’dan is-seklu.

4.      Meta tħares lejn dawk l-ewwel passi, meta taqra d-diskorsi li saru fis-snin ta’ wara, wieħed jifhem iktar il-kapaċitajiet li kellu.  Meta tqis li l-għada, fit-22 ħa ħsieb ilaqqa’ l-Kamra tad-Deputati bħala issa dik tal-Maltin u l-Għawdxin ġodda.  U hemm għamel l-ewwel dikjarazzjoni ta’ Prim Ministru indipendenti.  Ftit analiżi ta’ dan joħroġ ċar l-ewwel li huwa kien jara li dan il-pass ma kienx ifisser li pajjiżna ma kienx għad fadallu l-bżonn u l-għajnuna tal-ħbieb fid-dinja.  L-indipendenza ma hix separazzjoni jew iżolament, iżda integrazzjoni libera ma’ oħrajn.  It-tieni, li l-Maltin kellhom jistinkaw biex juru lid-dinja li kien jixirqilhom ikunu indipendenti.  Anzi, aħjar, li ma kienx lussu iżda neċessità tal-eżistenza għalina.  Bnedmin li ma għandniex inqas minn oħrajn u kapaċi nippruvaw lill-oħrajn li għandna t-talenti biex inġorru dik ir-responsabbiltà.

5.      Kellu u għad għandu ma’ kull jum raġun George Borg Olivier li stqarr li l-indipendenza tixirqilna.  Biss ilkoll nafu li biex dan hekk ikun irridu nkomplu naħdmu fiha u għaliha.  L-indipendenza tagħna fortunatament twaqqfet mill-bidu tagħha fid-demokrazija u fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u dan f’qafas legali relattivament ġdid.  Twelidna stat b’dokument bażiku, il-Kostituzzjoni li għad-differenza tar-Renju Unit daħħlet mill-ewwel il-prinċipju tas-supremazija legali ta’ dak id-dokument.  Aħna bdejna triq għal rasna per dan sar f’ambjent kompletament ġdid.  Jiġifieri mhux biss xerqilna, iżda iktar minn hekk ma kienx hemm illużjonijiet bla sens, imma deċiżjonijiet konkreti għal dak li kien ġej.  Illum għaddew is-snin u tajjeb li nduru u naraw kemm dak li seħħ fihom konniex denji aħna tal-indipendenza jew le.

6.      Kemm konna kapaċi nżidu ma’ dak li kellna mingħajr ma nneħħu (kif uħud żbaljatament iridu llum) it-tajjeb u l-pedamenti tajba li writna.  Proprju għalhekk kien għaqli li dħalna fl-Unjoni Ewropea.  Daqshekk ieħor li nsiru parti mill-munita unika tal-Ewro.  Il-proċess tagħna ma waqafx.  Bqajna u llum hemm opportunitajiet ġodda fejn aħna nuru li jixirqilna l-indipendenza.  Moħħna tagħna.  Kapaċi niddeċiedu għal rasna u ngħarfu li fil-maltemp li għaddejna minnu nimxu ‘l quddiem.  Id-deċiżjonijiet li mmaturaw fl-2004 u fl-2007, kif semmejt bnew qafas soċjali u legali ġdid.  Aħna fir-realtà ferm iktar liberi u kapaċi nġorru r-responsabbiltà proprju għax għandna stabilità demokratika u ekonomika li oħrajn ma għandhomx.  Dak li seħħ fl-aħħar ħmistax-il sena mexxiena sabiex nissudaw lilna nfusna.  Jekk hemm min qiegħed iqassam illum, dan jista’ jagħmlu għax konna bil-għaqal u attenti fid-deċiżjonijiet qabel.

7.      Għada pajjiżna jieqaf għal jum ta’ mistrieħ u ċelebrazzjoni.  Jieqaf iħares lura lejn dak likien u ‘l quddiem lejn dak li ġej.  L-isfidi l-ġodda u l-għarfien tad-deċiżjonijiet li hemm bżonn li jiġu meħuda.  Il-maturità politika serviet lill-mexxejja ta’ qabilna.  Serviet li wieħed jaħdem sewwa u għas-sewwa.  Li ma jidħolx sabiex iwettaq azzjonijiet ħżiena mwielda mill-velenu żbaljat tal-makkjavelliżmu, iżda li jassigura t-tajjeb lil kull bniedem.  L-Indipendenza waslet bi Prim Ministru li kien ġej mill-Partit Nazzjonalista però dan ma jfissirx li jgħodd biss għal dak li jidentifikaw ruħhom f’dak il-partit.  Il-libertà, ir-responsabbiltà li jiġu mill-indipendenza qegħdin f’idejn kull persuna f’dawn il-gżejjer.  Jiddependi minna lkoll jekk aħniex kapaċi nibqgħu nuru lid-dinja li l-indipendenza verament tixirqilna.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...