25.2.13

Prinċipji, proposti, fiduċja.




1.                  Kull Elezzjoni Ġenerali hija differenti mill-oħra.  Ebda waħda ma hija faċli.  Kollha: din, ta’ qabilha u li ġejjin, iridu jiġu kumbattuti.  Kumbattiment mhux bit-tgħajjir, wisq inqas bl-idejn, imma bl-użu tar-raġuni.  Eżerċizzju li jrid isir biex tikkonvinċi u tipperswadi li għandu jkollok il-fiduċja tal-poplu għal-leġislatura li ġejja.  Espressjoni popolari li tiġi marbuta mal-prinċipji u l-proposti li partit ikun qiegħed iressaq ‘il quddiem.  Dawn il-passi huma determinanti f’kull darba.  Min jittraskurahom, jiżbalja.

2.                  Il-Partit Nazzjonalista għandu mertu li huwa b’saħħtu ħafna mal-elettorat fuq il-pedamenti tiegħu.  Kien u baqa’ partit li m’abbandunax, u wisq inqas ipprova jibdel il-prinċipji politiċi tiegħu.  Minn meta twaqqaf, demokristjan kien u hekk baqa’.  Partit li jħares lejn kif jista’ jkabbar ‘il-bniedem u mhux iċekknu.  Kif jgħolli l-ġid ekonomiku u jassigura li jitqassam b’ġustizzja soċjali.  Dak li ħares u ħadem għal dawk li huma minn taħt.  Dejjem ta prijorità lix-xogħol.  Kif jiżdiedu l-postijiet, kif tikber il-protezzjoni tal-ħaddiem u li s-salarji jitilgħu ‘l fuq.

3.                  Għall-kuntrarju, il-Partit Laburista jammetti huwa stess li ma baqax wieħed tal-ħaddiem, u anzi, sar pseudo-liberali.  Il-ħolqien tax-xogħol ma baqax prijorità għalih.  Sar biss il-bżonn tal-poter.  Daħal iktar fid-disperazzjoni ta’ min lest li jagħmel minn kollox biex jitla’ fil-gvern għax issa, din id-darba, ma jistax “jitlef”.  Partit li tant jaf li m’għandux ideat ġodda, li m’huwiex qiegħed jipperswadi, li flok jitla’ ‘l fuq fil-politika t-tajba jrid iniżżel lill-oħrajn fil-livell ta’ isfel.  Il-biża’ li bis-sewwa ma tasalx iġġibek biex tagħmel id-dnewwa lil ħaddieħor u, miegħu, lilek innifsek.

4.                  Taqbad il-programmi, il-proposti li partit u ieħor qed iħarsu li jwettqu u ssib li hawn kuntrast ieħor.  Hemm diġà l-iżbilanċ ovvju.  Il-Partit Nazzjonalista mimli esperjenza, mimli b’riżultati.  Il-Partit Laburista nieqes minn esperjenza, anzi mimli b’dik negattiva passata u nieqes minn marki ta’ ħidma kostruttiva fl-Oppożizzjoni.  It-tieni, il-Partit Nazzjonalista kapaċi jħares ‘il quddiem u jibni fuq dak li bena huwa stess, b’attenzjoni u mingħajr żbilanċi.  Il-Partit Laburista narah li jinsab imħawwad.  Min-naħa għandu proposti li ma ġewx studjati sew u mhu ser jaħdmu qatt.  Fuq in-naħa l-oħra, l-ammissjoni li dak li kien ilu jikkritika sejjer minflok “ikompli jaħdem fuqhom”.

5.                  Meta fil-kampanja jinxeħet it-tajn nafu li l-poplu ma jibqax jara ċar.  Dan huwa kontra tagħna u favur tagħhom.  Bl-użu tar-raġuni, li biha nidħlu fid-dettall ta’ dak li sar u dak li qiegħed jiġi propost, tinkixef il-manuvra ta’ min, għax jibża li jitlef il-partita irid ikisser it-tazza.  F’dawn l-aħħar jiem ta’ din il-kampanja huwa deterjminati li nipperswadu u nġibu l-fiduċja billi nuru: l-ewwel, li aħna konna u bqajna partit ta’ prinċipju, li jħares u jiddefendi lil kull klassi fis-soċjetà ; u t-tieni, li dak li qed nipproponu verament kapaċi jitwettaq.  Il-fiduċja elettorali tingħata jekk nibqgħu ffukati nuru dan kollu.

Irnexxielhom?


1.              L-eventi politiċi ta’ dawn il-jiem fihom x’wieħed jixtarr.  Il-linja ġenerali li għaliha sejrin ma tagħmilx ħafna ġieħ fil-mod ta’ kif issir jew lejn kif wieħed għandu jaħdem biex tiġi mħaddma l-politika.  L-insulti reċiproċi, it-tfigħ kostanti tat-tajn ma jolqtux dejjem fejn ikunu intenzjonati.  Hemm min, tgaralu kemm tgaralu, xorta jibqa’ stmat mill-poplu.  Biss, fl-eżerċizzju, xorta tintlaqat l-istampa sħiħa tal-politika.

2.              Il-poplu spettatur iħares u jispiċċa jiskanta sija lejn min jixħet, kif ukoll lejn il-parti l-oħra.  F’dan il-pajjiż meta dan isir, l-opinjoni tkun li tant ma hemmx ideat li trid tiġi attakkata l-persuna nnifisha.  Li tant hemm biżgħat f’naħa u oħra li m’għandux ikun hemm limiti jew forom ta’ deċenza.  Kollox isir permess u b’hekk nies deċenti jispiċċaw jitilfu l-kredtu tagħhom u magħhom tonqos dik fil-politika t-tajba.

3.              Ir-riżultat ta’ dan l-aġir huwa ċar.  Konfużjoni qawwija li minnha ftit jistgħu jagħmlu ġudizzju tajjeb, għax it-tgħajjir ma jġibx rispett.  Iġib biss sostenn minn min jieħu gost stramb li jwettaq hu jew jara lil ħaddieħor jagħmel azzjoni ħażina.  Għal min ma ndunax, jew forsi jiddisprezza, dan huwa poplu li jrid is-sewwa u jagħraf it-tajjeb minn dak li m’huwiex, dak li hu ġust minn dak li m’huwiex.

4.              Ħafna drabi, ma nafx kif persuni raġjonevoli u magħrufa għall-ideat tagħhom jispiċċaw f’din il-pożizzjoni.  Nemmen biss li hawn min jaħseb li għandu jimita ħażin pajjiżi oħra.  Li jispiċċa jagħmel dak li ħaddieħor jiżbalja għax jimmaġina li huwa aċċettabbli.  Żgur mhux forsi però, f’din is-sakra kbira hemm deklassament tal-politiċi kollha.  Iktar ma jgħaddu l-jiem, iktar hemm min fil-poplu li qed jitlef il-fiduċja fl-onestà u s-serjetà tal-politiċi.  F’dan hemm min qiegħed igawdi għax hawn min jaqbillu li l-politiċi jitilfu l-awtorità tagħhom u jiġu skreditati.

5.              Il-politika t-tajba ssir b’persuni li jżommu ruħhom f’posthom.  Meta l-membri parlamentari jispiċċaw disprezzati, magħhom ukoll tieħu daqqa d-demokrazija.  Għalija d-demokrazija hija valur fis-soċjetà tagħna li, kif tneħħiha, titlef il-ġid soċjo-ekonomiku li qed ingawdu.  Għalhekk huwa verament importanti li flok nikkonċentraw fuq xulxin inħarsu lejn l-ideat ta’ xulxin.  Għandna d-dmir li norbtu ruħna għas-sewwa, li ma nċedux u fuq kollox li nħarsu li min irid ikisser id-demokrazija u l-politika t-tajba ma jirnexxilux.  Jien hemm nibqa’ naħdem, u nittama li nħajjar oħrajn jingħaqdu miegħi.

19.2.13

Raġel u ħabib*


                                                                                          

1.         Matul din il-ġimgħa tinbidel il-formazzjoni tal-Kummissjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  Il-proċess twil u metikoluż li permezz tiegħu s-sebgħa u għoxrin Membru jagħżlu kummissarju u l-iskrutinju sussegwenti ġewwa l-Parlament Ewropew jieħu ħafna ħin.  Issa ilna għaddejjin u kollox telaq is-sena li għaddiet bl-għażla għat-tieni darba ta’ José Manuel Durão Barroso bħala President.  Hemm Membri Stati li żammew il-kummissarju li kellhom, però diversi għażlu li jibdluh.  Fost dawn hemm Franza, li ma reġgħetx irrinovat in-nomina ta’ Jacques Barrot.

2.         Sirt naf lil dan ir-raġel appena ħadt il-ġurament ta’ Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern.  Fil-bidu, l-konoxxenza tiegħi tiegħu kienet limitata għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern tul numru ta’ presidenzi.  Dik Slovena, wara dik Franċiża, Ċeka, Svediża u issa dik Spanjola, b’kull darba ministri differenti u naturalment aġendi differenti wkoll.  Però l-eventi tas-sentejn li għaddew ġiebuni ferm iktar viċin tiegħu u stajt verament napprezza l-kwalitajiet tajbin tiegħu.

3.         Sakemm drajt il-mekkaniżmi u l-karattri ħassejtni tielgħa t-telgħa l-ħin kollu.  Kelli diversi problemi, l-aktar l-inkomprensjoni ta’ dak li li pajjiżna għadda u għadu, sa ċertu punt, għaddej minnu fil-kamp ta’ l-immigrazzjoni irregolari.  Fortunatament għalija, sibt spalla minn dan il-Viċi President li fir-realtà kien għadu kif daħal fis-siġġu kważi preċiż preċiż mal-ġurament tiegħi u dan għax kien laħaq flok Franco Frattini, li kien għadu kif ġie msejjaħ mill-Gvern Taljan biex ikun Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin.

4.         Mill-ewwel, Jacques Barrot kien laqatni għall-mod ċar u skjett li bih kien jesprimi ruħu fuq id-diversi direttivi u rakkomandazzjonjiet.  Mhux darba jew tnejn kont nisimgħu jiddikjara li ma jaqbilx ma’ l-opinjoni ta’ ministru jew ieħor, indipendentement minn fejn ikun ġej.  Fih kien jidher dejjem għad-dawl tax-xemx li għandu boxxla politika b’saħħitha.  Ma hemmx ċaqliq fuq il-valuri li jsawwru d-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali li jħaddan.

5.         Dan kien għalija ferm u ferm iktar evidenti meta huwa ġie f’pajjiżna għal jumejn twal u intensivi.  F’dawk is-siegħat kont miegħu għal ħafna ħin.  L-ewwel fid-diskussjonijiet bilaterali, wara fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni u Miftuħa.  Kelli nieħu diversi deċiżjonijiet xejn pjaċevoli, fosthom li ndaħħlu fl-agħar partijiet ta’ dawn il-postijiet sabiex min-naħa nesponih għar-realtajiet tagħna u mill-oħra biex ikun ċar u evidenti li ma rridx naħbilu assolutament xejn.

6.         Niftakar li kien ħass id-daqqiet tal-weġgħat ta’ dawn il-povri.  Ammirajtu bil-mod intelliġenti u uman li bih resaq lejn diversi minnhom.  Ikellimhom b’qalb miftuħa, jipprova jifhem x’sewwasew hija l-verità.  La beża’ minnhom u wisq inqas ma qagħad il-bogħod minnhom imma ried li jkun espost għalihom.  F’ħafna sens kien qed jagħti tagħlima lil dawk li kienu miegħu, inkluż lili.  Iktar u iktar li kien moħħu biex jifhem għala dawn telqu minn pajjiżhom, sejrin lejn l-Ewropa fuq vjaġġ verament perikoluż u diffiċli.

7.         Ma stajtx ma nħossx il-ħin kollu li Jacques Barrot huwa demokratiku-kristjan.  Dan kien aktar u aktar evidenti wara l-laqgħa li kellna mal-Kumitat ta’ l-Affarijiet Barranin tal-Parlament fejn il-kritika u l-attakk lejn l-Unjoni Ewropea kien ċar.  Niftakru aħna u sejrin lura sabiex jaqbad l-ajruplan li bih kellu jispiċċa fl-Istati Uniti għal diskussjoni oħra.  Tani elenku ta’ dak li ser jagħmel għalina waqt li qalli li kien qed japprezza ferm iktar il-pożizzjoni diffiċli ħafna li kont ninsab fiha bħala Ministru.

8.         Irrid ngħid li kull kelma li qalli, kull impenn li daħal għalih miegħi, wettqu mingħajr ebda titubanza.  Ħassejt fih politiku li mid-diskors ried mill-ewwel jgħaddi għall-fatti, mingħajr ma joqgħod lura.  Anzi, nista’ liberament ngħid li ma wettaqx iktar fis-settur mhux għax ma riedx hu, iżda għax ma sabx il-kollaborazzjoni li kien qiegħed jistenna.  L-impenn tiegħu  iktar u iktar meta sejjaħ lili u lill-Ministru ta’ l-Intern Taljan Roberto Maroni għal-laqgħa ta’ rikonċiljazzjoni fi Brussell.  Xi darba għad nikteb fuq dan għax kienet esperjenza li ma ma nista’ ninsa qatt u li fiha, għal ħafna ħin, servieni l-fatt li kont qattajt għoxrin sena nikkumbatti ġewwa l-Qrati tagħna.

9.         Jacques Barrot baqa’ ħabib u bqajt nikkonsultah u nieħu l-gwida tiegħu fid-diversi mumenti li sibtni, sija fil-bidu tal-Proġett Pilota għalina kif ukoll fil-ħidma sabiex pajjiżna jkollu għandu l-Uffiċċju Ewropew għas-Sostenn fil-Qasam ta’ l-Ażil (EASO).  Konna niftehmu kważi mad-daqqa t’għajn u dan stajt nikkonstatah iktar u iktar meta kelli l-opportunità nħares lejn il-curriculum vitae tiegħu.  Huwa wieħed mid-demokratiċi-nsara Franċiżi li kienu parti mill-partit ta’ Robert Schuman, it-tielet fundatur ta’ l-Unjoni ta’ llum.  Fil-fatt kien Segretarju Ġenerali tas-Centre des Démocrates Sociaux għal perjodu twil.  Avukat fil-professjoni, elett diversi drabi u okkupa għal ħafna snin kariga ta’ Ministru.

10.       Minn nhar l-Erbgħa li ġejjin mhux ser jibqa’ fil-ħatra.  Floku nħatru żewġ kummissarji oħra.  Fortunatament għalija kelli x-xorti li nkun f’Toledo għall-aħħar laqgħa tiegħu u hemm, f’isem sħabi l-Ministri ta’ l-Intern f’jum u l-għada f’isem dawk tal-Ġustizzja, għamilt kelmtejn fuq ħidmietu sabiex insellimlu.  Kienet okkażjoni unika, f’diversi sensi.  L-iktar għax ħassejtni li qiegħed nirrikonoxxi li kemm kien ilu hu mxejna waħda u sewwa f’dawn is-settur.  Nhar it-Tlieta li għadda ċempiltu għall-aħħar darba billi l-għada kellu jagħlaq sninu.  Ħallejna lil xulxin bħala ħbieb li l-eventi tal-ħajja laqqgħuna fihom u bihom ħdimna għall-ġid tal-proxxmu.

*Dan l-artikolu deher Illum – 7 ta’ Frar 2010

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam ta’ l-Ażil*


                     

1.         Fl-aħħar ta’ Novembru 2009, waqt laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern li attendejt għaliha, ġie deċiż mis-sebgħa u għoxrin pajjiż Membru ta’ l-Unjoni Ewropea li għandu jiġi mwaqqaf l-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam ta’ l-Ażil ġewwa pajjiżna.  Dan l-Uffiċċju kien wieħed mill-prijoritajiet li fassalna flimkien f’Ottubru 2008 fil-Patt ta’ l-Immigrazzjoni u l-Ażil, taħt il-Presidenza Franċiża.  Sar ħafna xogħol u ħdima wkoll kontra l-kurrent f’sena fejn il-presidenzi ma kienux f’idejn Stati Membri li qegħdin fil-Mediterran.  Anzi, kien hemm min fil-bidu kien iddikjara li ma jridx jiddibatti x-xenarju ta’ l-immigrazzjoni irregolari f’dan il-baħar, li però biddel fehemtu sew.

2.         Tul is-sena li għaddiet kellna din il-mira diffiċli li iżda emminna li stajna nikkonvinċu lill-oħrajn u nġibu kunsens fuq pajjiżna.  Għal dan il-post, li ser jibda billi jimpjega ħamsa u ħamsin ruħ u li ser ikollu għad-disposizzjoni tiegħu ħamsa u ħamsin miljun ewro fuq sentejn, rieduh żewġ Stati Membri oħrajn: Ċipru u l-Bulgarija, li t-tnejn huma Membri ġodda bħalna.  Quddiem dan ma tlifniex opportunità waħda milli nagħmlu użu mil-laqgħat u l-kuntatti li kien hemm bżonn sabiex nuru għala aħna iktar ippreparati u f’pożizzjoni li nilqgħu din l-aġenzija fuq din l-art.

3.         Sifirt numru ta’ drabi biex mort għand Ministri oħra u lqajt hawn Malta numru ieħor.  Il-loġistika u l-attenzjoni ma kienux faċli, però konna determinati u lħaqna mira li ser tagħmel il-ġid lill-pajjiż kollu.  Apprezzajt li kien hemm diversi persuni li taw sehemhom direttament f’ħafna livelli.  Kien żgur determinanti r-Rappreżentant Permanenti tagħna, Richard Cachia Caruana, li żammna lkoll koordinati u ffukati.  Meta f’dak il-jum, li kien l-aħħar wieħed qabel daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, nġbarna bħala Ministri u qbilna unanimament ma stajtx nemmen li wasalna u li wasalna daqshekk malajr.  (Ebda aġenzija oħra ma kien hemm qbil daqshekk malajr fuqha).

4.         Issa dan l-Uffiċċju huwa importanti sija għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għalina wkoll.  Huwa hekk għax permezz tiegħu ser nassiguraw li kull Stat Membru jrid jipproċessa t-talbiet għall-ażil li jsirulu fl-istess żmien.  Preżentement hemm xenarji varji, l-ewwel, mhux kull pajjiż jeżamina u jiddeċiedi fuq it-talbiet għall-ażil li jsirulu; it-tieni, kull Stat għandu proċeduri differenti minn ta’ oħrajn.  Għalhekk hemm bżonn ta’ dan l-Uffiċċju sabiex jassigura li kull pajjiż jara t-talbiet malajr u li jkun hemm proċeduri l-istess.  Jekk dan isir, allura ma tibqax is-sitwazzjoni li għandna llum li min għamel talba għall-ażil jiġi kunsidrat bħala li diġà ħaqqu dan l-istat.  Dan ifisser li kull pajjiż jifred malajr lil min ħaqqu protezzjoni minn min le u għalhekk dawk li ħaqqhom jinbnielhom programm ta’ integrazzjoni mill-pajjiż u min le jerġa’ jintbagħat lura lejn pajjiżu permezz ta’ l-Aġenzija FRONTEX.

5.         Dan l-uffiċċju m’huwiex ser jipproċessa hu t-talbiet kollha, jiġifieri mhux ser jiġu persuni hawn biex narawlhom it-talbiet tagħhom.  Ser jieħu ħsieb li jagħti l-assistenza, taħriġ, jagħmel laqgħat hawn u barra sabiex jassigura li kull Stat Membru jagħmel dak li hu mistenni minnu taħt ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea.  F’dan is-settur irridu ngħidu li kien importanti wkoll li f’dawn is-snin bnejna esperjenza unika permezz ta’ l-Uffiċċju Malti għar-Rifuġjanti mmexxi mill-Kummissarju għar-Rifuġjati Mario Friggieri.  Tul dawn is-snin li rajna mewġa daqshekk kbira ta’ persunu li qed ifittxu ażil, wieħed ma jistax ma jfaħħarx pubblikament ħidmietu u tal-persuni li ħadmu miegħu.

6.         Fil-laqgħat ta’ kważi kull ġimgħa li nżommu fil-Ministeru stajt nara li qed inwieġbu tajjeb ħafna għar-realtà u l-isfida ta’ l-immigrazzjoni irregolari.  Ngħid aktar dan għax f’dan l-impenn personali u mill-iktar professjonali, l-figuri għas-sena 2008 u 2009 jindikaw kemm-il talba ġiet proċessata u deċiża.  Fil-fatt, tul is-sena 2008 ġew magħluqa 2,731 talba, li kienet qabża verament kbira meta kumparata mas-sena 2007, meta kellna 958 talba magħluqa.  Is-sena li għaddiet il-figura reġgħet telgħet ‘il fuq għal 2,959.  Dan huwa kollu xogħol prezzjuż li jagħmel ġieħ lil dan l-Uffiċċju u lil pajjiżna li qiegħed jimmarka ruħu bħala wieħed li għandu prattiċi tajba ħafna.  Mhux dawn it-talbiet kollha ġew milqugħa bħala li jimmeritaw, però l-fatt li l-Uffiċċju Malti ddeċieda daqshekk malajr serva aktar sabiex niddistingwu u fl-istess ħin nidħlu għall-Proġett Pilota li qed jgħinna sabiex nintegraw f’pajjiżi oħra tal-Unjoni lil min ħaqqu protezzjoni.

7.         Ħidmet dan l-Uffiċċju kien ukoll piż ieħor importanti fil-kalatura meta tul is-sena li għaddiet bnejna qafas ġdid ta’ ħidma mal-UNHCR.  Fl-aħħar xhur tal-2009 kelli l-opportunità niltaqa’ ma’ Antonio Gutierrez ġewwa Ġinevra u niddiskuti l-pożizzjoni tagħhom magħna.  Mertu tal-viżjoni u mpenn tiegħu, x-xenarju nbidel ta’ taħt fuq.  Ir-rapporti fuq il-kamp ġew issudati u l-istess organizzazzjoni għandha uffiċċju ikbar milli kellha qabel b’persuna waħda li kien mistenni żżejjed minnu.  Illum il-ġurnata nħarsu ‘l quddiem sabiex niffirmaw ftehim iktar b’saħħtu.

8.         Pajjiżna qed jagħti u beħsiebu jkompli jagħti sehmu f’dan is-settur fuq livell Ewropew u internazzjonali, ma hemmx dubju.  Però issa ser ikollu għad-disposizzjoni tiegħu għodda importanti – waħda li jekk inħaddmuha tajjeb tkompli tgħin sabiex twasslu għal iktar loġika, kontroll u fl-istess ħin soluzzjonijiet iktar umani milli għandna.  Hija x’inhija d-diffikultà, l-perspettiva tagħna trid tibqa’ waħda umana, waħda li tħares kemm tista’ d-dinjità tal-bniedem u ma tikkunsidrahx bħala oġġett.  Tul is-snin li għaddew, rajt impenn kbir minn diversi persuni f’ħafna setturi.  Ta’ dan nagħti ħajr għax mingħajr dak il-kontribut altruwista ma nistgħux insolvu din li, fl-aħħar tal-ġurnata, hija traġedja umana li titlaq jew mill-faqar jew mill-persekuzzjoni.  Nittama li din is-sena nkomplu bl-istess ritmu sabiex nassiguraw li aħna nibqgħu fuq il-linja tas-sewwa.

*Dan l-artikolu deher  Illum – 24 ta’ Jannar 2010

Inħarsu lejn il-futur



1.       Kienet u ser tibqa’ mniżżla bħala waħda mill-iktar leġislaturi diffiċli li l-Prim Ministru kellu jiffaċċja.  Minn wara ftit xhur tal-Elezzjoni Ġenerali tal-2008 żviluppaw serje ta’ problemi li, fir-realtà, kienu sfidi li bħalhom qatt ħadd ma ra quddiemu.  Illum il-poplu, huwa u qiegħed jara kif u lil min ser jivvota, mhux neċessarjament ser iħares lejn il-merti li l-Gvern irnexxielu jakkwista b’ħidmietu.  Ħafna drabi, il-maġġoranza tħares lejn dak li ġej fil-futur iktar minn dak li għaddiet minnu fil-passat.  L-inkwiet finanzjarju li għaddejna u li għad irridu naffrontaw, kif soltu jiġri, jkun hemm min ikun ittantat li jew jinsih jew jgħaqqdu mal-Gvern tal-ġurnata.  Ser ikun hemm min jaħseb li d-diffikultajiet ekonomiċi ġejjin mill-fatt li hawn tmexxija preżenti u mhux oħra.

2.       Ir-realtà hija kompletament differenti.  L-inkwiet għadu ma spiċċax imma għadu qiegħed ma’ saqajna.  Gvern ġdid, fil-leġislatura li ġejja, bilfors irid jaffronta sidru għal dak li qiegħed jikkonfronta dan.  Ix-xenarju hemm ser jibqa’, anke jekk tinbidel il-persuna li tmexxi.  Jinbidel min huwa kapaċi jidħol għal ħaġa u min għadu m’għandux l-esperjenza politika għaliha.  Din hija l-verità u, induru kemm induru, tibqa’ hemm quddiemna.  Il-pajjiż għandu d-diffikultajie tiegħu, ma hemmx dubju, però żgur mhux forsi, m’għaddiex minn dak li għadda u għadhom għaddejjin minnu pajjiżi oħrajn.  Dan ma seħħx bix-xorti, imma sforz id-direzzjoni ċara u l-prijoritajiet li żammejna quddiemna sabiex dawn il-gżejjer jibqgħu għaddejjin ‘il quddiem.

3.       Għamilna ħames snin fejn is-sitwazzjoni ekonomika mondjali u, naturalment Ewropea, ma kienu faċli assolutament xejn.  Dħalna f’perjodu fejn il-ġirien Mediterranji tagħna, minn fuq u minn taħt, kienu kontinwament fl-inkwiet.  Il-Portugall, Spanja, l-Italja, il-Greċja u Ċipru rajnihom jitolbu self u jippruvaw isalvaw l-ekonomiji tagħhom b’diversi miżuri xejn faċli li permezz tagħhom mhux żammew li kellhom, imma naqsilhom.  F’dawn il-pajjiżi, il-postijiet tax-xogħol intilfu u ma ġewx ġenerati oħrajn ġodda.  Mhux biss, imma s-servizzi soċjali naqsu, il-pensjonijiet u l-pakkett tas-salarji ta’ diversi raw li niżlu ‘l isfel.  Min siefer u min tkellem ma’ oħrajn jaf kemm dan huwa minnu.

4.       L-istess, nafu dak li għaddew u għadhom għaddejjin minnu l-popli tan-naħa ta’ isfel tagħna.  Fl-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija, l-aġitazzjoni għadha ma straħetx.  Pajjiżna ħadem ħafna waqt li dawn kienu għaddejjin minn problemi sabiex jassistihom.  B’mod partikolari, ħadna sehem determinanti fil-kriżi li l-gwerra ċivili fil-Libja ġiebet magħha.  B’kuraġġ u determinazzjoni kkonfrontajna mill-kappell tagħna r-reġim dittatorjali li kien hemm.  L-ewwel seba’ xhur tal-2011 żgur nibqa’ niftakarhom.  Dak li seħħ u d-deċiżjonijiet li ġew meħuda ma kienux tas-soltu u fihom il-poplu Malti u Għawdxi wera kemm huwa kapaċi.  Tbaskatna sew u żammejna sod l-ekonomija u l-pożizzjonijiet tagħna, dawk favur id-demokrazija, il-libertà u l-ġustizzja.

5.       Ħdimna b’ħarsitna kull jum lejn il-futur.  Dmir li kull partit politiku huwa dak li jipprepara ‘l-membri tiegħu għar-responsabbiltà li s-snin fil-gvern jitolbu minnu.  Jingħad x’jingħad, il-pajjiż irid jikkunsidra dan ukoll.  Kemm hemm bnedmin preparati u ffurmati tajjeb sabiex imexxu ‘l quddiem dan il-pajjiż għandu jiġi meħud inkonsiderazzjoni minn min sejjer jivvota.  Il-prinċipji politiċi huma għalija importanti, żgur però hemm numru sew ta’ drabi meta l-formazzjoni u l-preparazzjoni għal dak li jkun ġej huma determinanti.  Kull politiku jsib ruħu waħdu fid-deċiżjonijiet li jrid jieħu, u huwa hemm li wieħed irid iħares sabiex ikollu persuni li kapaċi jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba u jżommu saqajhom mal-art.

6.       Fil-politika l-futur huwa determinanti.  Il-pajjiż jivvota lejn il-prospett ta’ dak li ser isib ruħu fih.  Diversi, sfortunatment, jintilfu joħolmu fuq dak li m’huwiex sejjer ikun.  Minn dak li jisimgħu, jikkuntentaw ruħhom jifhmu dak li jridu jifhmu.  Fir-realtà, dan qatt ma jista’ jkun minnu.  Altru dak li jingħad u altru dak li jista’ jseħħ fil-futur.  Il-proposti huma ħaġa, l-abbiltà sabiex dawn jitwettqu hija xi ħaġa oħra.  Għalhekk, għalkemm ma hemmx dubju li l-futur huwa importanti, daqshekk ieħor għandju jkun dak li wieħed iħares fid-dettall u jqabbel sewwa bejn id-diskors u l-fatti.

13.2.13

Sebgħin sena ilu, anniversarju*



1.    X’messaġġ verament qawwi kien dak li għamel il-Papa Benedittu XVI tul il-ġimgħa li għaddiet li fakkar lill-Ewropa li sebgħin sena ilu kien hemm inċidenti li bdew riħ li spiċċa fl-agħar ġenoċidju.  Proprju fis-7 ta’ Novembru 1938, il-ġuvni Lhudi Herschel Grynszpan fi Franza qatel lid-dipolomatiku Franċiż Ernst vom Rath. Dak l-inċident qabbad nar ta’ razziżmu fil-Ġermanja, membri tal-poplu ħarġu jivvendikaw.  Ħwienet, sinagogi, djar u kull proprjetà tal-lhud sabu ruħhom fil-mira ta’ tkissir u tifrik.  Ħuġġieġa ta’ tifrik li wasslet pajjiż mimli b’kultura u letteratura bħall-Ġermanja fuq it-triq ta’ l-intolleranza, razziżmu u xenofobija li spiċċat wasslitha għat-traġedja tat-Tieni Gwerra Mondjali.

2.    Il-Papa Ratzinger iddeskriva dak li l-komunità Kattolika għaddiet minnu quddiem dan l-aġir żbaljat.  Huwa stess u familtu, li huwa magħruf kemm ma kellhom ebda simpatija lejn in-Nażiżmu, tant li missieru spiċċa trasferit minn naħa għal oħra proprju għax ma kienx nażist.  Huwa kompla semma kemm saċerdoti ħadu s-sogru għalihom u ħadu ħsieb jagħtu protezzjoni lil diversi Lhud.  Is-solidarjetà li ġiet eżerċitata tul it-Tieni Gwerra Mondjali mill-Knisja Kattolika hemm bżonn verament li tibqa’ tiġi mfakkra.  Ħidma minn persuni li għażlu s-sewwa u l-valuri tal-ħajja flok l-aġir irresponsabbli.  Aġir li fih iktar importanza quddiem l-akkużi żbaljati li Piju XII, b’xi mod aġixxa favur in-Nażiżmu.

3.    Anzi, dawn il-jiem għandhom ġustament iservu ta’ iktar riflessjoni fuq kemm huwa kontra l-bniedem u r-raġuni li wieħed jaġixxi b’mod u manjiera li, l-ewwel, iqajjem sentimenti kontra r-razza, u t-tieni li jħajjar lis-soċjetà sabiex tidħol fi gwerra.  Fil-fatt, biex iktar iżżid ma’ dan, il-11 ta’ Novembru huwa l-anniversarju tat-tmiem ta’ l-Ewwel Gwerra Mondjali.  F’dak il-konflitt, l-Ewropa rat atroċitajiet mill-ikbar.  Volum inkredibbli ta’ persuni li tilfu ħajjithom fil-miljuni b’mezzi mill-iktar kiefra.  Il-Ġermanja ħarġet umiljata sew minn dak il-konflitt.  Biss, minflok għażlet mexxejja li ħadu t-triq tal-paċi u t-tolleranza, spiċċaw b’mexxej bħal Adolf Hitler.  L-instabilità fil-pajjiż ġiet tradotta fl-iktar passi żbaljati li d-dinja Ewropea setgħet tieħu.

4.    Is-snin bejn l-Ewwel u t-Tieni Gwerrer Mondjali servew mhux sabiex tikber iktar l-istabilità ekonomika u l-paċi soċjali, imma morna preċiżament il-kontra.  Ir-responsabbiltà kienet waħda Ewropea għax kieku nbnew strutturi li rajna iktar tard, kieku dan kollu ma kienx iseħħ.  L-esperjenza qarsa li rajna titkattar u tissaħħaħ waslet sabiex flok tħares lejn futur fil-paċi, jkollok proprju l-kontra.  Is-Shoah, li fiha rajna l-poplu Lhudi fl-Ewropa jgħaddi minnha, kienet frott proprju taż-żerriegħa tal-ħdura u l-mibgħeda fix-xejn.  Id-diskorsi li Adolf Hitler għamel f’dawk is-snin, fejn seta’ jsaħħan, jgħajjar, iżeblaħ u jmexxi numru ta’ persuni b’diskor ta’ xenofobija, razziżmu u intolleranza u favur strateġija u intervent militari ma kellhomx jiġu permessi f’soċjetà li trid tikber u titkattar.

5.    Dawk is-snin, dak l-aġir barbaru, daħħal lilna l-Ewropej f’qoxritna.  Batejna lkoll.  Aħna wkoll tlifna ħajjiet ta’ Maltin, blajna kwantità kbira ta’ bombi u distruzzjoni.  Tlifna żmien ta’ żvilupp u tkabbir.  Kien għalhekk li fhimna li rridu nibnu qafas ġdid: wieħed mibni fuq il-valuri tal-ħajja, fuq id-dinjità tal-bniedem, fuq id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija.  Mhemmx dubbju li l-qafas innovattiv tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, u ftit wara l-bidu ta’ dik li llum hija l-Unjoni Ewropea.  Din l-esperjenza ġdida ta’ dawn il-pajjiżi biddlet ħafna.  Wasslet sabiex bnejna qafas ta’ dritt kompletament differenti milli kellna qabel.  Wasslet sabiex nassigurw li diskors razzista, xenofobiku, li jħajjar għall-gwerer jiġi mhux biss ikkundannat, imma dikjarat illegali u kriminali.

6.    Ovvjament, aħna wkoll dħalna f’dan il-proċess importanti.  Il-liġi tagħna wkoll għandha mekkaniżmi ġodda li qabel ma kellhiex, però hemm bżonn li tiġi ristrutturata.  Ħadna għalhekk ħsieb li, b’abbozz ta’ liġi li għandu jiġi ppreżentat f’dawn il-ġimgħat, li nerġgħu nżidu l-artikoli fil-Kodiċi Kriminali tagħna li jassiguraw li ma jkunux permessi fil-pajjiż tagħna ħidma jew diskors li jsaħħan il-poplu lejn ix-xenofobija, ir-razziżmu u l-gwerra.  Ir-razziżmu, x-xenofobija jridu jiġu kumbattuti bl-għeruq u x-xniexel.  Id-demokrazija hija valur li trid tiġi protetta u aħna determinati li nissudaw il-liġijiet tagħna sabiex nibqgħu pajjiż li jimxi ’l quddiem fl-istabilità u l-paċi.

 *Dan l-artikolu kien deher fis-16 ta Novembru 2008

Il-piraterija reġgħet magħna *



1.         Ilna nisimgħu kemm sirna dar waħda.  Villaġġ wieħed fejn dak kollu li jsir fid-dinja jaffettwa.  Ninfluwenzaw u niġu influwenzati f’daqqa mingħajr ma nindunaw.  Hemm triq li bdiha Marshall Mc Luhan kif kien qal: “We again live in a village.  Get it?”  Dan tajjeb sabiex nifhmu u niġu soġġettati għall-kunċetti, ideat li aħna mhux dejjem lesti naċċettaw.  Biss mhux dejjem nagħżlu b’ċertu forom ta’ rassenjazzjoni li noqgħodu għal din it-triq ta’ formazzjoni kulturali.

2.         Id-dinja tikber u tiċkien, però qegħda hemm ukoll skond għal min jaqbillu.  Dan għax naraw il-ħin kollu l-argumenti jinqalbu daqqa fuq naħa u daqqa fuq oħra.  Il-globalizzazzjoni tiżfen fin-nofs, sija jekk irridu naċċettaw proposta, sistema, miżura, kif ukoll jekk għandna nirreżistuha.    Kemm hija għodda tajba qed naraw llum fl-esperjenzi varji.  Il-midja tużaha, tirkeb fuqha u titlaqha, skond dak li trid.

3.         Għax fejn kumpanija, negozju, multinazzjonali, li trid li tidher li qed tagħmel suċċess, dan jiġi spjegat f’termni pożittivi.  Imma ma narawx kemm għandna effetti ħerġin mid-direzzjonijiet negattivi li għalihom m’aħniex naħsbu.  Verament il-midja hawn għandha s-sehem tagħha, li mhux dejjem napprezzaw.  Tikkonċentra fejn l-interessi kummerċjali ta’ min imexxihom jitolbu li huwa fl-interess tagħhom li jikkonċentraw.  Jagħtu informazzjoni li għandhom skond ma jidhrilhom li huwa parti mill-pakkett sħiħ ta’ ideat immexxija 'l quddiem sabiex jinfluwenzaw is-soċjetà lejn dak li huwa l-iktar indikat għalihom.  Dak li jaqbel lilhom skond l-interessi kummerċjali tagħha.

4.         Parti minn nuqqas ta’ informazzjoni, parti mill-fatt li eventi fid-dinja li qed jinfluwenzawna m’humiex qed jingħataw l-attenzjoni neċessarja huwa frott dan kollu.  Ngħid dan quddiem l-evidenza li aħna esposti  għall-kurrenti ta’ instabilità politiċi ta’ pajjiżi oħra.  Meta reġjun fid-dinja jgħaddi minn instabilità, dan jaffettwa lilna.  L-effett jista’ jiġi fuqna f’qasir żmien u jista’ jdum jew jingħaqad ma’ forzi oħra, però fl-aħħar jiġi.

5.         Il-kunflitti, l-faqar, in-nuqqas ta’ paċi qiegħed f’diversi pajjiżi fid-dinja, però dawn il-problemi ma narawhomx kuljum.  Ma aħniex konxji biżżejjed ta’ kemm dan qiegħed jinfluwenza l-ħajja tagħna.  Dan qed ifisser li ħafna drabi qed inħallu dawn is-sitwazzjonijiet għall-abbandun ta’ l-elementi umani.  Il-vortiċi tal-vjolenza ma tieqafx waħdeha, imma trid lil min iżommha.  Jekk id-diplomazija ma tidħolx fin-nofs u tħalli fazzjonijiet, bnedmin jirrikorru għall-ġlied, dawn iħallu l-affarijiet imorru għall-agħar.  Deġenerazzjoni assoluta, jekk mhux totali li tħalli effetti fuqna lkoll.

6.         Il-ġimgħa li għaddiet kienet karatterizzata minn diversi inċidenti fejn persuni fiż-żona Somala sabu bastimenti meħuda minn pirati.  Dan huwa verament inkredibbli kif f’dan is-seklu erġajna sibna lilna nfusna fi tlett mitt sena lura.  Il-piraterija kellna l-impressjoni li spiċċat ma’ l-Ordni ta’ San Ġwann f’pajjiżna, però qed naraw li dan il-fenomenu kiber mill-ġdid.    Kollu ġej mill-fatt li ġewwa l-Istat tas-Somalja hemm gwerra ċivili għaddejja li ma hemmx li tasal fi tmiemha.  L-agħar hu li dan kollu ilu jiġi injorat mill-pajjiżi żviluppati.  Flok dħalna għal proċess ta’ diskussjoni u djalogu u ġibna lill-partijiet fuq il-mejda tad-diskussjoni, ħrabna mill-problema.  Dan nqasna minnu sija fuq livell internazzjonali kif ukoll fuq dak Ewropew.  L-elementi umani mhux kontrollati jmorru l-baħar.

7.         Il-piraterija m’għandhiex tibqa’ aktar attività umana u hija sinjal ta’ deġenerazzjoni fil-linja tas-sigurtà globali.  Aħna parti mid-dinja u għandna d-dmir li nagħtu l-kontribut sħiħ sabiex din tieqaf.  Diġà għandna numru ta’ persuni li qed jiġu minn dak ir-reġjun b’sogru kbir għalihom u piż umanitarju għalina.  Dan il-moviment uman huwa fir-realtà l-effett tal-kawża ta’ instabilità li hemm.  Pajjiżna ser għalhekk, l-ewwel, jibqa’ jsemma’ leħnu fejn hemm bżonn sabiex din il-problema tiġi solvuta kompletament u, it-tieni, li b’liġi apposta jerġa’ jdaħħal il-pieni marbuta mal-priġunerija.  Nittama li l-ġimgħa li ġejja tiġi pubblikata u f’ta’ wara diskussa fil-Parlament.  Il-piraterija m’għandhiex tiġi iktar tollerata fid-dinja moderna tagħna.

*Dan huwa artikolu li deher fit-23 ta Novembru 2008

11.2.13

Ġimgħa ta’ Puxxjaturi



1.  Jidher ċar li tul din il-ġimgħa twieldet kelma ġdida fid-dizzjunarju tagħna.  F’daqqa u b’sabta sibtha tiġri fuq ilsien dawk li, b’xi mod, rajthom u kellimthom.  Jekk qed nifhem sew, qed jużawha flok oħrajn bil-Malti mitkellem aħjar.  Ħaduha minn kelma bl-Ingliż u dawruha għall-użu ta’ kuljum biex tfisser dawk li mbuttawk, sija naħa jew oħra.  Kif nafu, diversi kelmiet isibu ruħhom mogħtija sustanza ameljorattiva jew peġġorattiva.  Din ukoll għandha dan, naħa għad-dawl u naħa għad-dlam.  Puxxjaturi għas-sewwa u oħrajn għal aġir li m’għandux ikun.  Dawk ġenwini u dawk bażati fuq l-ingann, dawk bażati fuq il-mertu u dawk bażati fuq il-bażużliżmu.

2.Ngħid dan, għax tul din il-ġimgħa l-poplu kellu quddiemu żewġ forom ta’ puxxjaturi.  L-ewwel waħda, li ġibdet l-attenzjoni sew, ċert li fetħet l-għajnejn u l-widnejn ta’ diversi li kienu bdew jitħajru jemmnu li hemm tibdil kbir u ġdid fil-Partit Laburista.  Għax ma hemmx diffikultà biex taċċetta li, meta tgħin għas-sewwa, dak ikun mertu.  Menti meta minflok, tiddikjara mill-bidu li ser taġixxi b’mod inġust biex mhux tibbenefika lill-proxxmu imma lilek innifsek, dak minnu nnifsu huwa żbaljat.  Dak li ngħad bejn numru ta’ persuni f’kuntest interessanti seta’ ngħad biċ-ċajt, però minn dak li qed naraw, huwa evidenti li sar f’serjetà mill-iktar kbira.  Is-suppost “għajnuna”, imbuttatura hija fid-direzzjoni żbaljata, f’dak li m’għandux ikun u li, anzi, suppost qed nikkumbattu biex ma jseħħx.

3. Ħassejtha bħala daqqa ta’ ħarta lill-politika t-tajba.  Iktar u iktar f’xenarju elettorali fejn iktar u iktar votanti qed jaqtgħu milli jsegwu u jħarsu kif kienu lejn il-politiċi u l-politika.  Nara din l-elezzjoni ġenerali bħala waħda determinanti għas-sens u s-sustanza vera tal-mod ta’ kif il-politika għandha ssir.  Irridu naħdmu sabiex inżommu sodi l-valuri nsara li fuqhom bnejna d-demokrazija fis-sistema politika tagħna.  Il-maġġoranza tal-bnedmin f’dan il-pajjiż, miż-żewġ naħat, irid ikollhom membri parlamentari li jemmnu u jħaddnu l-onestà u s-serjetà.  Meta jaraw u jisimgħu, l-ewwel, kif ex-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista jiddeskrivi l-puxxjatura tiegħu barra t-triq bħala omiċidju kiesaħ u biered u wara, ta’ ħaddieħor li lest li jagħti puxxjatura billi “jgħin”, anzi aħjar “jipproteġi” nies fin-negozju liberu jekk joqogħdu għall-kundizzjonijiet tiegħu, jsewdu qalbhom sew.

4.  Il-magna tal-propaganda ġenerali fil-medja mhix favur il-Partit Nazzjonalista għax diversi ddeċidew li l-poplu bilfors, irid jew ma jridx, moħħu jrid jiġi dominat biex jiġi mbuttat jivvota għall-Partit Laburista.  U dan, avolja jafu li għalkemm hemm mexxej ġdid, huwa jibqa’ wieħed mhux preparat.  Puxxjaturi varji qed jingħataw b’monopolju ta’ nuqqas ta’ rappurtaġġ verament bilanċjat u korrett.  Kull ma jsir mill-Partit Nazzjonalista, jew min jista’ jiftaħ għajnejn in-nies huwa taħt suspett jew imċekken sabiex, skont huma, ħadd ma jifhem li huma importanti.  Anki l-libertà tal-istampa, jidher li kien hemm min lest jipperikolaha sabiex iżomm lura milli tiġi pubblikata l-verità f’intervista li ġibdet l-attenzjoni ta’ diversi.  Dawk puxxjaturi oħra verament interessanti li għalija juru li kienu qed isiru u, li anzi, tant tkabbret kunfidenza li kien hemm min ħass li kollox jista’ jsir.

5. Pajjiżna huwa għal qalbna u m’għandux bżonn dawn il-puxxjaturi li qed jattakkaw il-libertà tan-negozju, dik tal-istampa, tal-espressjoni u li, finalment, ifakkruna f’dak kollu li għaddejna minnu snin ilu meta kellek bżonn puxxjatura fuq kollox.  Minflok, f’din il-konfużjoni ta’ informazzjoni, il-Gvern Nazzjonalista ħa ħsieb jibqa’ jħares lejn it-triq it-tajba u jwettaq is-sewwa.  Proprju l-Ġimgħa filgħaxija għalaqna l-ġimgħa billi sibna li b’ħidma kbira u intensiva li saret minn diversi, pajjiżna u dan il-poplu għas-seba’ snin li ġejjin ser jibbenefika minn 1.28 biljun ewro (€1,280,000,000).  Mhux ċajta, anzi rreġistrajna suċċess għal darb’oħra.  Dawn huma fondi li ġejjin għad-dispożizzjoni tagħna mill-2014 sal-2020 u li huma iktar minn dawk li ġew allokati lilna fuq proġetti varji fis-snin li għaddew.  Permezz ta’ dawn il-fondi ser ikollna għad-dispożizzjoni mekkaniżmi li bihom nistgħu nissudaw diversi setturi, u dan ser ikun għall-benefiċċju tal-poplu.

6.Din hija l-puxxjatura li dan il-pajjiż għandu verament bżonn.  Din hija dik li aħna, li qed nitilqu f’din il-kampanja elettorali bħala l-partit li huwa minn taħt, għadna kapaċi nagħtu.  Kerrħuna u żebilħuna fl-istampa, però l-fatti hemm qegħdin.  Ċari għal quddiem kull persuna li għandha r-rieda tajba li tifhem li l-pajjiż għandu bżonn ta’ sustanza vera u mhux apparenti.  Il-fatti llum juru li l-Partit Nazzjonalista baqa’ fuq in-naħa tal-puxxjaturi t-tajba, bħal dik tal-omm quddiem Salamun li baqgħet tħares li tipproteġi t-tarbija tagħha u wisq inqas bħal Erodija li, akkost ta’ kollox, riedet li taqta’ barra ras Ġwanni l-Battista.  Hemm puxxjaturi varji u differenti li jingħataw fil-ħajja – uħud għas-sewwa, oħrajn le.  Bir-riżultat ta’ din il-ġimgħa hemm prova ċara li aħna għas-sewwa qegħdin.

10.2.13

Leġislatura ta’ ħidma




1.         Huwa minnu li hemm min jaħseb li l-votant iħares biss lejn dak Ii ġej għalih fil-futur.  Oħrajn jaħsbu li kull persuna tara biss kif intlaqtet hi u ma tqis xejn aktar.  Il-verità hija li hemm tipi differenti u mhux kull persuna tagħti l-istess piż għall-istess kunsiderazzjonijiet.  Għalhekk, f’kull kampanja tajjeb li jingħad dak li sar u dak li wieħed iħares li jwettaq proprju fuq dak li jkun sar qabel.

2.         Il-leġislatura li għaddiet, irid jingħad li fiha sar ħafna xogħol tajjeb.  Passi importanti li minnhom il-poplu ħa u qiegħed jieħu l-ġid.  F’uħud kont promotur u involut direttament, f’oħrajn inqas.  Settur partikolari li baqa’ u jibqa’ prijorità għalija hu dak marbut ma’ kif is-sistema legali tista’ tipproteġi aħjar lill-minuri.  L-introduzzjoni tar-Reġistru għall-Protezzjoni tagħhom, li issa għalaq sena jaħdem, l-emendi varji kontra l-abbuż sesswali, l-użu tal-video-conferencing, il-ħidma fi kwistjonijiet ta’ separazzjonijiet meta l-ġenituri jgħixu f’pajjiżi differenti, kif ukoll fl-emendi legali li ssudaw ferm iktar bid-DNA id-dritt li wieħed ikun jaf il-ġenituri bioloġiċi tiegħu.

3.         L-istess fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari, fejn biddilna u avvanzajna sew.  Pajjiżna sab ruħu protagonist f’dawn is-snin fix-xenarju Ewropew u internazzjonali.  B’ħidmitna rnexxielna ndaħħlu, għall-ewwel darba, il-kunċett ta’ solidarjetà bejn il-Membri Stati u llum ġew rilokati madwar elfejn ruħ.  Mhux biss, imma daħal jiffunzjona l-Uffiċċju Ewropew għas-Sostenn fil-Qasam tal-Ażil sabiex dan is-settur jingħata iktar importanza u dan huwa issa stabbilit f’pajjiżna.  Żidna wkoll dawk li ġew ritornati lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.  Biddilna għall-aħħar ħafna mill-postijiet taċ-Ċentri ta’ Detenzjoni u Miftuha.  Għandna strutturi ferm aqwa u iktar veloċi biex nassistu f’dawn is-sitwazzjonijiet.  Bnejna u ssudajna, mertu tal-fondi li ġibna mill-Unjoni Ewropea, apparat aqwa u iktar avvanzat li ngħata lill-Forzi Armati ta’ Malta u lill-Korp tal-Pulizija.

4.         Ġibna tibdil sħiħ fis-sistema ġudizzjarja tagħna.  L-ittri uffiċjali eżekuttivi żdiedu u ħadmu biex naqqsu mid-dewmien u mill-ħela ta’ spejjeż.  Biddilna ta’ taħt fuq il-mandati eżekuttivi u kawtelatorji u aġġornajnihom sew.  Daħħal t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, li llum ġabar esperjenza qawwija.  Issudajna sija ċ-Ċentru tal-Arbitraġġ, kif ukoll it-Tribunal għal Talbiet Żgħar u ntroduċejna dak tal-Medjazzjoni.  Biddilna l-infrastruttura u x-xogħol amministrattiv fil-Qorti.  Punti varji li kkontribwew sabiex naqas id-dewmien fil-każijiet u, fl-istess ħin, weġibna għall-bżonnijiet dejjem ikbar tas-soċjetà.

5.         Issudajna s-settur li bih wieħed jista’ jirriforma persuni li xxellfu mal-liġi.  L-Ordnijiet tal-Probation ġew iktar sodi, billi sar mekkaniżmu legali aqwa kontra dawk li ma jobdux id-direzzjonijiet tal-Uffiċjali tal-ProbationGħamilna l-Ordni ta’ Servizz ta’ xogħol fil-komunità aktar prattiku.  Daħħalna s-sistema tal-Ġustizzja Riparatriċi, li permezz tagħha hemm mekkaniżmi aqwa għar-riforma ta’ min żbalja.  Dan, sija fir-remissjoni, kif ukoll fil-parole.  Mhux biss, imma daħlu faċilitajiet ġodda.  Skola iktar permanenti li teduka iktar bi programmi varji.  Proġett sabiex is-sezzjoni tal-YOURS toħroġ mill-Faċilità.  Apparti faċilitajiet oħra, bħall-ground tal-football modern u dawk mediċi.

6.         Hemm ferm iktar x’jingħad però saret, ma hemmx dubju, ħafna ħidma.  Sfortunatament uħud, konvenjentement u biex jogħġbu lil ħaddieħor, ikkritikawhom  Issa qed jaqgħu għaċ-ċajt għax fil-programm tagħhom qed jipprospettaw li jkomplu jaħdmu fuq dak li diġà qiegħed jitħaddem.  Dan huwa ċertifikat tajjeb għalina, għax juri li ż-żejt jieħu ż-żmien, imma fl-aħħar jitla’ f’wiċċ l-ilma.

6.2.13

Il-poplu jibqa’ sovran




1.                  Il-kampanja elettorali qegħda kważi f’nofsha.  Iktar ma ndur, iktar nara poplu li nbidel fid-direzzjoni t-tajba.  Il-politika hija importanti għalih, imma m’huwiex rasu marbuta magħha.  Hemm, anzi, ħitan li ġew reġistrati sabiex dak li ħaqqu attenzjoni tingħatalu u dak li huwa ripetittiv, propagandistiku u artifiċjali jitħalla barra.  M’hemmx ħafna nies li ma jippruvawx jifhmu u jirraġunaw miegħek.  Il-maġġoranza huma nies li huma iktar interessati fil-ħajja ta’ kull jum.  F’dak li qed jaffrontaw fuq ix-xogħol, fis-saħħa tagħhom u fl-edukazzjoni ta’ uliedhom.  M’hemmx spazju għall-politika partiġġjana imma għall-fatti u għar-riżultati.

2.                  Il-Partit Nazzjonalista bħalissa qed jiġi analizzat fuq il-merti u d-demerti tiegħu.  Il-maġġor parti jaqblu li dan huwa Gvern li rnexxielu jeħodha kontra l-kurrenti u jirbaħ diversi sfidi li oħrajn ma rnexxilhomx.  L-analiżi li ssir minn dawk li jirnexxilek tkellem turik li l-għarfien hemm qiegħed.  L-elettorat m’għadux dak li jrid min imexxih, imma jrid iżomm f’idejh il-kmand.  Huwa hu li jiddeċiedi d-direzzjoni ta’ dak li qiegħed iħares li jkollu fil-leġislatura li ġejja.  Dan, minnu nnifsu, huwa mill-iktar pożittiv.

3.                  Il-pajjiż illum afferma aktar ruħu mad-demokrazija.  M’għadux dak li ħareġ mit-Tieni Gwerra Dinjija fejn għadu jħares lejn il-poter f’dimensjonijiet ċentralizzati fejn, dak li jikkmanda wieħed, iseħħ.  Il-Partit Nazzjonalista bena istituzzjonijiet demokratiċi li permezz tagħhom il-pajjiż għandu iktar u iktar id-dritta fuq id-deċiżjonijiet importanti.  Qabeż ukoll li jiġi manipulat.  M’għadux sukkubi ta’ gazzetti jew mezzi tax-xandir partikolari, anzi jafferma l-ħin kollu lilu nnifsu f’demokrazija li sejra iktar lejn li tkun waħda diretta u indiretta fejn strettament neċessarju.

4.                  Il-falliment tal-mezzi tax-xandir jidher ċar mill-fatt li naqsu konsiderevolment dawk li jsegwuhom b’mod assidwu.  Meta ma hemmx informazzjoni korretta, fejn ma hemmx espożizzjoni tal-verità sħiħa, il-poplu ma jagħtix każ.  Anzi, bil-mezzi teknoloġiċi tal-lum hemm aċċess għall-fatti minn mekkaniżmi oħra.  L-elettorat jaqbeż dak li kien tradizzjonali u jfittex hu.  M’għadux dak li ħafna, qabel, kienu jaħsbu li jistgħu jeħduh fejn iridu.  Dan, minnu nnifsu, huwa pożittiv.  L-effett ta’ dan il-partit fil-Gvern serva sabiex il-pajjiż jiftaħ iktar għajnejh u jħares lejn il-verità.

5.                  Li huwa iktar u iktar ta’ sostenn għal min ifittex li jħares iktar lejn is-sustanza milli lejn id-dehra politika hu li l-valuri fundamentali ma ntilfux.  Min qiegħed jaħseb li l-onestà, is-serjetà, ir-rettitudni morali, l-irġulija, il-verità m’humiex kunsidrati u ġew minsija, qed jiżbalja.  Mhix kwistjoni ta’ età partikolari, imma ssibha f’kull ġenerazzjoni.  Il-poplu tagħna baqa’ dejjem iktar dak li jrid jara, jxomm u jisma’.  Irid ikun ċert għax jaf fejn qiegħed, imma mhux neċessarjament lest jissogra f’qabżiet li m’humhiex spjegati sew.

6.                  Il-poplu baqa’, għalija, wieħed sovran.  Sar iktar dak li jrid id-demokrazija taħdem, u sewwa.  Anzi, huwa issa konxju li huwa hu li jħaddimha, u permezz tat-teknoloġija jħares li jkollu aċċess dirett għall-informazzjoni li jrid fil-fatti u d-dettalji li din għandha.  Din l-elezzjoni ġenerali ser tmexxi ‘l quddiem, għal darb’oħra, lill-klassi politika u jkun żball min jaħseb li jista’ jikkontrollaha hu.  Min jaħseb li hemm spazju ta’ xi re-inkarnazzjoni ta’ xi mexxej passat ser ikun qiegħed jiżbalja.  Fil-ħames snin li ġejjin, il-membri parlamentari eletti ser isibu elettorat ferm aqwa: wieħed li lest li jibdel iktar malajr proprju għax, kif għandu jkun, huwa hu li verament huwa sovran.

4.2.13

Nibqgħu determinati għas-sewwa


 

 

1.            Il-leġislatura li għaddiet kienet u ser tibqa’ mmarkata bid-diffikultajiet kbar li kellu jaffronta dan il-Partit Nazzjonalista.  Minn barra u minn ġewwa ra tibdil, mewġ, aġitazzjoni u ksuħat li ma rax qabel.  Biex isservi fil-politika, illum trid tidħol għal sitwazzjonijiet ferm u ferm differenti minn dak li raw ta’ qabilna.  Hemm marki li ż-żewġ partiti jridu jikkontrastaw, dejjem jekk iridu jwettqu l-politika t-tajba.  Kibru ferm iktar dawk li jridu jidhru bil-ħmerijiet, l-aqwa li jagħmlu l-komparsa tagħhom.  Żdiedu dawk li rashom kibritilhom.  Uħud tista’ forsi ġġib lura f’posthom, oħrajn le.

 

2.            Din l-elezzjoni ġenerali ġiet fi żmien u sitwazzjonijiet differenti ħafna.  L-ankri l-antiki ta’ kif wieħed jersaq lejn l-elettorat u ta’ x’għandu jkun tbiddlu ta’ taħt fuq.  L-għażla mhix sempliċement liema partit ser ikun fil-Gvern u magħha liema persuni ser jirrappreżentawk fil-Parlament, imma tmur ferm iktar ‘il bogħod minn hekk.  Hemm, iktar minn qabel, ġlieda ta’ valuri lejn dak li huwa verament ġust u ta’ ġid lil dan il-poplu tagħna.  Taqbida, mhux biss għal twettiq tal-ġid ekonomiku u soċjali ta’ pajjiż, imma għal għeruq ferm iktar ‘l isfel.  Il-politika hija strument għas-sewwa u mhux ħaġa moħġaġa biex tilgħab biha skont iċ-ċirkostanzi.

 

3.            Minn din l-elezzjoni ġenerali, min jiġi elett ser ikun qiegħed iġorr miegħu viżjoni tal-ħajja u tas-soċjetà li huwa jrid li tiżviluppa f’dawn il-ġżejjer.  Il-pajjiż irid iħares u jara jekk kemm-il darba min ser jirrappreżentah għandux fih dawk il-valuri, dik il-boxxla li ssegwi l-ġustizzja soċjali.  Inkella, jekk aħniex sejrin lejn tmexxija fejn xejn ma jiswa’ xejn, li l-importanti hu li tiġbed naħa u l-oħra timxi biex sempliċement tikkuntenta.  Min ser imexxi lil dan il-poplu fil-ħames snin li ġejjin ser ikun dak li jagħti, anke dak li huwa żbaljat u ħażin minnu nnifsu, jew ser ikun kapaċi jieqaf għal dan?  Ser ikollna tmexxija fejn hemm l-għarfien, il-bilanċ intern ta’ dak li huwa ġust minn dak li huwa inġust, jew dik li taċċetta kollox, l-aqwa li tibqa’ kkunsidrata popolari?

 

4.            Dawn huma d-domandi li l-pajjiż għandu bżonn li jistaqsi.  Jistaqsi sabiex jieħu ħsieb li l-pedamenti li fuqhom is-soċjetà Maltija tista’ tmexxi lilha nfisha ‘l quddiem ikunu ndirizzati mill-bidu lejn is-sewwa u mhux lejn dak li ġie ġie.  Dan fih iktar u iktar relevanza f’dan il-mument partikolari, b’iktar ġimgħat quddiemna ta’ kampanja elettorali itwal minn ta’ qabilha.  Il-partiti politiċi, ma’ kull jum, qed jinfirdu minn xulxin sabiex il-poplu jagħżel jew naħa jew oħra.  Il-Partit Nazzjonalista ħa ħsieb li jressaq il-programm elettorali tiegħu.  Dak fl-Oppożizzjoni, sa issa, għadu le.  Huma x’inhuma l-proposti, il-poplu jrid iqis: l-ewwel, il-miżura fiha nfisha, jekk hix tajba jew le; u tieni, jekk kemm-il darba min qiegħed jiddikjaraha huwiex kapaċi, wara, jwettaqha mingħajr ma minflok jagħmel iktar ħsara minnha.

 

5.            Din il-leġislatura kellha ħames snin ta’ prova, sija għal dawk fil-Gvern, kif ukoll għal dawk fl-Oppożizzjoni.  Il-poplu jrid jara: l-ewwel, min ħa verament fuq spallejh is-salib tar-responsabbiltà politika f’dak li kien għaddej; it-tieni, jrid iqis kif ġie użat il-ħin għad-dispożizzjoni tiegħu, l-Gvern kemm ħadem u l-Oppożizzjoni kemm ippreparat ruħha.  Għalkemm hemm min jista’ jaħseb li ma tridx wisq għerf u anqas ebda esperjenza biex tmexxi pajjiż, ngħidlu li qiegħed jiżbalja.  Il-pajjiż kiber, is-sitwazzjonijiet ikkumplikaw ruħhom sew u trid talenti tajba sabiex tagħraf twettaq is-sewwa u bil-mod korrett.  Il-Gvern kien il-ħin kollu fl-eżami, taħt skrutinju, però minn dak li qed nara u nisma’ l-Oppożizzjoni ma użatx żmienha u ma studjatx għall-eżamijiet.

 

6.            Huwa minnu li l-Partit Nazzjonalsita għandu kontra tiegħu li ilu dawn it-tlett leġislaturi jiġi magħżul mill-poplu biex imexxih.  Biss, dan waħdu jiġġustifika bidla, anke meta ma hemmx preparazzjoni tajba?  Għax dan huwa l-punt essenzjali u determinanti.  Għax għal dan il-pajjiż nista’, b’wiċċi minn quddiem ngħid li ħdimna għalih biex nassiguraw l-inqas tbatija.  Proprju għalhekk li, f’dan il-mument partikolari, l-għażla elettorali trid tkun immirata.  Irridu naraw x’għandna u nkunu kemm jista’ jkun ċerti li b’dak li ser nagħmlu m’aħniex se mmorru lura.  Il-partit li qiegħed jien fih għadda minn ħafna.  Mhux f’kull eżami ġieb l-ogħla marka, però kien u baqa’ dak li huwa determinat iwettaq is-sewwa għalina lkoll.

                       

 

3.2.13

Is-serjetà l-pedament sod tagħna




1.           Il-Ġimgħa, il-Kunsill Ġenerali, wara dibattitu approva l-Programm Elettorali tal-partit għall-ħames snin li ġejjin.  Id-dokument huwa wieħed interessanti, mimli b’ideat u li jirnexxilu jitkellem ċar fuq numru ta’ punti.  Iħares ‘il quddiem u, fl-istess ħin, jindika b’mod qawwi li huma l-valuri demokratiċi nsara li jiggwidawna fil-ħajja politika tagħna.  Aħna fil-ħajja għas-servizz tal-bniedem, mhux biex ikollna l-poter f’idejna, imma sabiex nibdlu għall-iktar sewwa s-soċjetà tagħna.  Il-ġustizzja soċjali għalhekk hija għalina determinanti sabiex nieħdu ħsieb nipproteġu lil kull min jgħix f’dawn il-gżejjer.

2.            Hemm ċar li l-partit ser jibqa’ jħares u jwettaq il-ġustizzja soċjali.  Kif jgħid tajjeb id-dokument: “Dan ifisser li l-Istat jipprovdilek l-aqwa servizz fil-qasam tal-edukazzjoni u s-saħħa.  U jibqa’ jipprovdihomlok b’xejn.  Dan ifisser ukoll li nagħtu wens lill-aktar vulnerabbli, fosthom it-tfal, in-nisa f’diffikultà, il-persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni, in-nies li tilfu l-impieg u l-anzjani.”  Dan huwa l-pedament tagħna.  Din hija l-boxxla soċjali li użajna tul din il-leġislatura u, jekk il-poplu hekk jiddeċiedi, jibqgħu. Il-valuri tagħna huma r-raġuni tas-suċċess politiku.  Il-partit ġie vvutat fil-Gvern għax mexa b’mod li jħares kontinwament lejn il-ġustizzja u l-ħniena.

3.           Il-manifest fih mija u ħamsa u għoxrin proposta.  Qed jitressqu ‘l quddiem biex il-pajjiż ikun jaf x’direzzjoni ser nieħdu.  Mhux biss dik ġenerali ta’  prinċipju, imma dik ta’ punti partikolari.  L-esperjenza politika li ġabru diversi minna qegħdin inqegħduha lura għas-servizz tal-pajjiż.  Għax meta titbaskat tifhem ferm iktar dak li hemm bżonn li jkompli jsir u kif dan isir tajjeb.  Il-proposti li hemm elenkati jimmeritaw attenzjoni.  Dan għax saru wara numru ta’ diskussjonijiet, però xorta mhumiex diktat.  Il-Partit Nazzjonalista qatt ma adura ideat dittatorjali.  Kien u għadu l-partit tad-demokrazija.  Demokrazija li hi bażata fuq il-valuri nsara u għalhekk ferm aqwa minn dik sempliċement liberali.

4.            Huwa dokument politiku li aħna nagħtuh importanza kbira u wara nimplimentawh fi proċess ta’ djalogu kemm jista’ jkun miftuħ fejn l-interessi diretti u sħaħ tas-setturi tal-poplu jiġu meħuda inkonsiderazzjoni.  Fil-ħames snin li għaddew implimentajna ħafna.  Kellix x-xorti li nara diversi jsiru, sija minn sħabi kif ukoll direttament minni.  Proprju għax sar dan kollu li nistgħu nerġgħu ngħaddu għal fażi oħra ta’ bini.  Il-poplu jaf li, jekk huwa jrid, nistgħu nkomplu: l-ewwel, għax għandna pedamenti sodi ta’ valuri; u t-tieni, għax hemm bennejja tajba u onesti.  Għax huwa minnu li l-onestà, flimkien mal-umiltà, huma l-kwalitajiet determinanti li fi ħdan il-Partit Nazzjonalsita ma jonqsux.

5.            Il-partit tagħna baqa’, u minn dan id-dokument huwa ċar daqs il-kristall li ser jesiġi b’determinazzjoni li noħolqu iktar postijiet tax-xogħol.  Iċ-ċavetta tas-soċjetà tagħna hija dik li nassiguraw li jkun hemm l-impjiegi u li l-ħaddiema jkollhom paga li tirrispetta d-dinjità u l-bżonnijiet tal-familji tagħhom.  Nagħrfu li hemm żgur bżonn ta’ aktar xogħol, ma hemmx dubju, u dmirna huwa li nibqgħu nibnu l-qafas ekonomiku biex jiggarantixxi li dan isir.  Biss, il-poplu jaf li m’aħniex il-partit tal-ftit li nżommu tajjeb ċerti faxex tas-soċjetà u ninsew ‘l-oħrajn u wisq anqas dak li jrid ineħħi lil min għandu biex japprofitta ruħu ħaddieħor.  Konna u għanda l-partit li jrid jara lil kulħadd tajjeb u għalhekk hemm kwantità ta’ inizjattivi mhux fl-arja, imma konkreti, li fuqhom ser inżidu l-kwalità tax-xogħol.

6.           Il-Partit Nazzjonalista, tul dawn is-snin, żamm ruħu attent.  Iħares ‘il-quddiem b’viżjoni imma b’realiżmu.  Mhux b’ħolm, kliem sabiħ li ma jwassal għal imkien, imma b’passi konkreti u sodi.  Proprju għalhekk li l-ekonomija kibret ferm, it-teknoloġija qabżet il-fruntieri tagħna biex niggarantixxu l-futur.  Irnexxielna ngħarfu s-sinjali taż-żminijiet u, fl-istess ħin, inkunu għaqlin fl-għażliet ta’ dak li jista’ jiġi mwettaq.  Is-suċċess tagħna huwa iktar dak tal-poplu.  Għalhekk aħna determinati li nibqgħu noffru s-servizz tagħna sabiex il-pajjiż ikompli jimxi ‘l quddiem u ma jissugrax imur lura.  Is-serjetà tal-manifest approvat huwa prova diretta ta’ dan kollu.

1.2.13

Inħarsu ‘l quddiem


 

 

1.         Irridu nirreġistraw li tul din il-leġislatura saru diversi passi li permezz tagħhom pajjiżna mexa ‘l quddiem.  Huwa minnu li, iddur fejn iddur, tara dan it-tibdil.  Toroq kompletament ġodda, l-ambjent tagħna nbidel għall-aħjar, ġew introdotti liġijiet u proċeduri amministrattivi differenti li, fl-aħħar mill-aħħar, għollew il-kwalità tal-ħajja.  Ħadd ma jista’ jgħid li l-pajjiż ġie traskurat, anzi f’diversi setturi konna ambizzjużi ħafna.

 
2.         Verament sar xogħol tajjeb li però jew ma wasalx biżżejjed għand il-poplu jew, jekk wasal, kien hemm min kerrħu fix-xejn.  Dan il-Gvern kellu d-diffikultajiet tiegħu.  Kellu maġġoranza parlamentari ġejja u sejra, daqqa naħa u daqqa oħra.  Kellu kumplikazzjonijiet straordinarji marbuta mal-kriżi ekonomika fiż-żona Ewropea, kif ukoll f’dik marbuta mal-gwerra ċivili Libjana.  Minkejja dan, baqa’ jaħdem u jirreġistra vantaġġi għall-poplu.
 

3.         Iż-żelu u d-determinazzjoni wasslu mhux biss għall-għeluq ta’ proġetti, imma wkoll għal diversi oħra li qegħdin fi triqithom.  L-effetti tal-bidla ma jinħassx mill-ewwel, imma mat-trapass taż-żmien b’wieħed kumulattiv.  Mhux biss, imma lkoll nafu li diversi tibdiliet jieħdu ż-żmien tagħhom sabiex isiru sewwa.  L-għaġġla, l-esperjenza turik li twassal għal dak li ma tridx.  Tivvantaġġja lil uħud u tara oħrajn ibatu inutilment.
 

4.         F’dawn is-snin però hemm linji ċari tal-politika tagħna li baqgħu stabbli.  It-tisħiħ tad-demokrazija, tal-istituzzjonijiet li jħarsu t-trasparenza u l-kontabilità, kif ukoll dak taż-żieda fid-drittijiet tal-poplu baqgħu kostanti.  Hemm żgur prijorità li nżammet.  Dik li tħares lit-tfal billi tagħtihom iktar attenzjoni diretta.


5.         Tul dawn l-aħħar snin għamilna numru ta’ passi.  Daħħalna proċeduri ġodda kif jixhdu t-tfal fil-Qorti permezz tal-video conferencing, u li din tiġi reġistrata viżivament sabiex ma jkunx hemm bżonn li jerġgħu jitilgħu mill-ġdid.  Rajna d-dħul fis-sistema ta’ ġudikanti speċjalizzati f’din il-linja.  Emendajna l-Kodiċi biex inżidu fil-protezzjoni tal-minuri f’każijiet ta’ pornografija, solleċitar minn fuq l-internet jew turiżmu sesswali.  Mhux biss, imma introduċejna reġistru għall-protezzjoni tal-minuri, li huwa fost l-iktar avvanzati fl-Ewropa.


6.         Dawn huma żgur passi tajba.  Magħhom kellna tnejn oħra li kien jimmerita li jsiru però, sforz dak li seħħ, baqgħu mhux konklużi.  Dawn kienu marbuta mad-delinkwenza minorili.  L-ewwel, kien hemm abbozz ta’ liġi li baqa’ mhux diskuss u li permezz tiegħu konna qed nibdlu ta’ taħt fuq l-età tar-responsabbiltà kriminali.  It-tieni, kien hemm fl-istess abbozz, mekkaniżmu ġdid ta’ kif tieħu ħsieb minuri li xxellfu mad-droga sabiex flok jiġu mressqu ‘l Qorti, jkunu jistgħu jintbagħtu għall-kura.  It-tielet, sabiex dawk li jispiċċaw kundannati l-ħabs, flok imorru Kordin jintbagħtu f’post barra fejn jiġu reintegrati aħjar.  Fil-verità, il-Gvern wettaq ħafna.  Però, ta’ wieħed li jħares fis-sustanza l-interessi tal-poplu, għad fadallu iktar xi jwettaq.  Għalhekk, inħarsu ‘l quddiem sabiex dan isir, u kif għandu.

 

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...