
2.
Il-Partit Nazzjonalista bħalissa qed jiġi
analizzat fuq il-merti u d-demerti tiegħu.
Il-maġġor parti jaqblu li dan huwa Gvern li rnexxielu jeħodha kontra
l-kurrenti u jirbaħ diversi sfidi li oħrajn ma rnexxilhomx. L-analiżi li ssir minn dawk li jirnexxilek
tkellem turik li l-għarfien hemm qiegħed.
L-elettorat m’għadux dak li jrid min imexxih, imma jrid iżomm f’idejh
il-kmand. Huwa hu li jiddeċiedi
d-direzzjoni ta’ dak li qiegħed iħares li jkollu fil-leġislatura li ġejja. Dan, minnu nnifsu, huwa mill-iktar pożittiv.
3.
Il-pajjiż illum afferma aktar ruħu
mad-demokrazija. M’għadux dak li ħareġ
mit-Tieni Gwerra Dinjija fejn għadu jħares lejn il-poter f’dimensjonijiet ċentralizzati
fejn, dak li jikkmanda wieħed, iseħħ.
Il-Partit Nazzjonalista bena istituzzjonijiet demokratiċi li permezz tagħhom
il-pajjiż għandu iktar u iktar id-dritta fuq id-deċiżjonijiet importanti. Qabeż ukoll li jiġi manipulat. M’għadux sukkubi ta’ gazzetti jew mezzi
tax-xandir partikolari, anzi jafferma l-ħin kollu lilu nnifsu f’demokrazija li
sejra iktar lejn li tkun waħda diretta u indiretta fejn strettament neċessarju.
4.
Il-falliment tal-mezzi tax-xandir
jidher ċar mill-fatt li naqsu konsiderevolment dawk li jsegwuhom b’mod
assidwu. Meta ma hemmx informazzjoni
korretta, fejn ma hemmx espożizzjoni tal-verità sħiħa, il-poplu ma jagħtix
każ. Anzi, bil-mezzi teknoloġiċi tal-lum
hemm aċċess għall-fatti minn mekkaniżmi oħra.
L-elettorat jaqbeż dak li kien tradizzjonali u jfittex hu. M’għadux dak li ħafna, qabel, kienu jaħsbu li
jistgħu jeħduh fejn iridu. Dan, minnu
nnifsu, huwa pożittiv. L-effett ta’ dan
il-partit fil-Gvern serva sabiex il-pajjiż jiftaħ iktar għajnejh u jħares lejn
il-verità.
5.
Li huwa iktar u iktar ta’ sostenn għal
min ifittex li jħares iktar lejn is-sustanza milli lejn id-dehra politika hu li
l-valuri fundamentali ma ntilfux. Min
qiegħed jaħseb li l-onestà, is-serjetà, ir-rettitudni morali, l-irġulija,
il-verità m’humiex kunsidrati u ġew minsija, qed jiżbalja. Mhix kwistjoni ta’ età partikolari, imma
ssibha f’kull ġenerazzjoni. Il-poplu tagħna
baqa’ dejjem iktar dak li jrid jara, jxomm u jisma’. Irid ikun ċert għax jaf fejn qiegħed, imma
mhux neċessarjament lest jissogra f’qabżiet li m’humhiex spjegati sew.
6.
Il-poplu baqa’, għalija, wieħed
sovran. Sar iktar dak li jrid
id-demokrazija taħdem, u sewwa. Anzi,
huwa issa konxju li huwa hu li jħaddimha, u permezz tat-teknoloġija jħares li
jkollu aċċess dirett għall-informazzjoni li jrid fil-fatti u d-dettalji li din
għandha. Din l-elezzjoni ġenerali ser
tmexxi ‘l quddiem, għal darb’oħra, lill-klassi politika u jkun żball min jaħseb
li jista’ jikkontrollaha hu. Min jaħseb
li hemm spazju ta’ xi re-inkarnazzjoni ta’ xi mexxej passat ser ikun qiegħed
jiżbalja. Fil-ħames snin li ġejjin,
il-membri parlamentari eletti ser isibu elettorat ferm aqwa: wieħed li lest li
jibdel iktar malajr proprju għax, kif għandu jkun, huwa hu li verament huwa
sovran.
No comments:
Post a Comment