5.3.12

Impenjati fil-piroteknika

1.    Il-jum li fih kont ħadt il-ġurament fil-kariga li għandi kien imdallam bil-każ ta’ inċident ikrah marbut mal-piroteknika illegali fin-Naxxar.  Minn dik il-ġurnata saret prijorità, parti importanti fil-ħidma sabiex kemm jista’ jkun wieħed iżomm kontroll fuq l-użu żbaljat tal-piroteknika u, fl-istess ħin, l-assigurazzjoni li din is-sengħa ma tintilifx.  Fuq din il-linja, f’dawn l-aħħar erba’ snin saru diversi passi ġodda li permezz tagħhom mexxejna kemm stajna ‘l quddiem.

2.    Fil-fatt, wara ġiet għad-diskussjoni liġi li permezz tagħha l-Ordinanza dwar l-Esplożivi, ġiet emendata.  L-emendi li saru biddlu numru ta’ artikoli u ntroduċew oħrajn ġodda.  L-għan prinċipali kien hemm: dak li ma jiġix permess li xi ħadd, b’xi mod, jimmanifattura logħob tan-nar f’postijiet li mhumiex liċenzjati bħala kmamar tan-nar.  Kien hemm numru ta’ diffikultajiet f’dan, biss l-emendi għamlu l-ġid lis-settur u daħlet iktar dixxiplina, fejn daħħalna l-prinċipju li kull min jinstab ħati taħt l-Ordinanza ma jistax jingħata piena ta’ probation jew sentenza sospiża.

3.    Saru emendi oħra, l-iktar fil-liġi sussidjarja marbuta ma’ kontroll aħjar ta’ kif dan is-settur għandu jaħdem.  Tnaqqas il-volum tal-isparar ta’ ċertu murtali u kibret ukoll l-akkontabilità tal-persuni li jmexxu l-kmamar tan-nar.  L-iktar importanti però kien, l-ewwel, it-twaqqif tal-Ispettorat magħmul minn numru ta’ persuni li bdew imorru fuq bażi regolari fil-kmamar tan-nar u jesiġu tibdil fil-postijiet u fil-ħidma li ssir fihom.  Dan l-Ispettorat beda fuq bażi amministrattiva u llum huwa parti sħiħa mil-liġi.  Il-ħidma li saret hawn kompliet tgħolli l-livell u żżid is-serjetà.

4.    It-tieni pass kien dak marbut mal-introduzzjoni ta’ korsijiet iktar impenjattivi għall-persuni li jridu jottjenu l-liċenzja “A” u “B”.  Dawn ukoll komplew iżidu fil-kwalifiki u l-preparazzjoni li hija mistennija minn min imur fil-kmamar tan-nar tal-pajjiż.  Għax huwa iktar u iktar importanti li jkun hemm persuni li jkollhom formazzjoni tajba kif għandhom imexxu u fejn.

5.    Il-ħidma kompliet ukoll bir-rapport impenjattiv li sar riċentement mill-Kummissjoni ta’ Inkjesta magħmula mill-Prof. Alfred J. Vella bħala Chairman u l-Prof. Victor Axiak u s-sinjuri Servolo Delicata u Joseph Theuma bħala membri.  Ir-rapport verament studjat u tajjeb qiegħed għad-dispożizzjoni tagħna sabiex jiġi utilizzat f’riformi oħra li jkomplu jissudaw is-settur u jiggarantixxu sigurtà akbar lill-poplu.  Dan ir-rapport ġie pubblikat u huwa miftuħ sabiex permezz ta’ proċess ta’ konsultazzjoni li diġà nbeda, kull min irid jagħti sehemu, jkun jista’ jagħmel dan.  Nittama li jkun hemm proposti tajba li fuqhom inkunu nistgħu naħdmu.

6.    Dan il-messaġġ lejn tibdil fil-mentalità u l-kultura qiegħed jasal.  Reċentement kelli wkoll l-okkażjoni nkun preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet li fiha, numru ta’ Kunsilli Lokali ngħaqdu sabiex permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea jinbdew korsijiet aktar avvanzati għal min hu involut f’din il-linja ta’ ħidma.  Dawn żgur li ser iwasslu għal aktar għarfien u attenzjoni.  Żgur ukoll li f’dawn is-snin imxejna passi oħra ‘l quddiem sabiex dan is-settur jaħdem aħjar, jonqos il-periklu u b’hekk tiżdied is-sigurtà.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...