23.3.12

Persuna unika : ma hemmx prezz għall-irġulija

1.    Tul din il-ġimgħa, pajjiżna tilef raġel li ħalla marka unika fl-istorja politika u soċjali tagħna.  Il-President Emeritu Dott. Ċensu Tabone ġie msejjaħ lura f’idejn il-Ħallieq nhar l-Erbgħa li għadda.  Kien bniedem mimli b’doni u kwalitajiet li rari ssibhom miġbura f’persuna waħda.  Jaf imur mal-poplu, għex ħajtu sal-aħħar b’intensità u bil-ħeġġa kontinwa li jsir jaf.  Meta wieħed joqgħod lura, meta ma jżommx lilu nnifsu aġġornat, allura jispiċċa jieqaf jitgħallem u jibni lilu nnifsu.  Kull jum ta’ din il-ħajja twila kienet waħda dedikata għas-sewwa.

2.    Sirt naf direttament lil Dr Tabone meta ta’ wieħed u għoxrin sena sibt ruħi fl-Eżekuttiv tal-Partit li hu kien ilu jippresjedi denjament għal snin twal.  Il-preżenza tiegħu kienet kostanti u l-paċenzja verament qawwija.  F’dawk is-snin ta’ bejn l-1981 u l-1987, id-dibattitu ma kienx ikun wieħed faċli, anzi kien ibaqbaq sew.  Kien kull darba jipprova jsib kunsens bejn kull naħa li tkun tkellmet.  Mhux dejjem kien jirnexxilu u kien ikun hemm vot li kont nara li ma tantx kien jippreferih.  Biss kien iżommna kollha fuq il-linja tad-diskussjoni, mingħajr ma niżbaljaw u nassigurakom li ma kienx faċli.

3.    Kien hu l-persuna li minn fost il-mexxejja tal-Partit kellu esperjenza ministerjali.  It-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami kellha fiha taħlita u hu kien minn dawk fuq quddiem ħafna.  Diversi drabi kien jindirizza l-mass meetings ta’ kull nhar ta’ Ħadd u kien iżommok tisimgħu bl-argumenti li kien iressaq ‘il quddiem.  Bniedem ta’ lealtà kbira.  Leali lejn il-prinċipji demokratiċi nsara li konna lkoll inħaddnu, kif ukoll lejn il-Kap tal-Partit.  Ma kienx jaġixxi skorrettement, la fil-partit u wisq u wisq inqas fid-distrett.  Iħares ‘il quddiem lejn dak li ġej u kapaċi jibni ma’ min kien għadu, mhux viċin jew komdu fil-partit.  Dan kien jagħmlu mhux b’mod artifiċjali, b’diskors vojt iżda bis-sustanza.

4.    Kemm-il darba kellimtu għal ftit ħin.  Kellu quddiemu snin ta’ esperjenza politika li jien ma kellix.  Mhux darba jew tnejn kien jgħaddili lezzjonijiet mingħajr ċanfir.  Niftakar meta konna, fl-entużjażmu tagħna, fl-MŻPN norganizzaw xi attività barra mis-soltu, bħal meta morna wara l-bieb tal-Ambaxxata Sovjetika nagħmlu protesta silenzjuża biex jiġi liberat xi attivist li kien jinsab il-ħabs, u dan mingħajr ma l-ewwel kellimuh.  Kellu qalbu kbira sew.  Ma’ kulħadd iżomm rapport tajjeb u sod.

5.    Kien l-ambaxxatur tal-kredenzjali demokratiċi nsara tagħna fl-Ewropa.  Spiss jattendi fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Ewropa u hemm bena ħafna kuntatti li għamlu l-ġid lill-partit.  Dan sija qabel il-kwistjonijiet li kellna fl-intern tal-pajjiż u kemm wara.  Il-laqgħat li saru f’pajjiżna mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew kienu spiċċaw ħażin b’numru sew ta’ politiċi importanti jitkeċċew inġustament minn fuq artna.  Il-ħsara internazzjonali u Ewropea li kienet saret bqajna nsibuha ma’ saqajna snin wara.  Biss ir-reputazzjoni tiegħu kienet passaport u garanzija li l-istat tal-affarijiet kienu ser jinbidlu meta laħaq Ministru tal-Affarijiet Barranin.  Imur fejn imur kien jagħmlilna kredtu biex inneħħu minn fuqna dak id-dell ikrah li l-anti-demokrazija ġiebet.  Il-ħbieb li kienu determinanti fil-mixja tagħna lura lejn in-normalità u l-paċi.

6.    Bniedem li ma jafx iweġġa’ qalb ħaddieħor.  Jaf imur ma’ dak li jkun u ma jabbandunax l-irġulija.  Jieqaf fis-sewwa, fil-valuri nsara mingħajr ma jipprova jivvantaġġja fuq l-isfortuni tal-oħrajn.  Progressiv fl-ideat tiegħu.  Repubblikan, demokratiku mhux monarkiku.  Kien iġib ħafna stima mill-Maltin u kellu dejjem widna speċjali għal ħutu l-Għawdxin.  Kien jemmen fil-bżonn tad-djalogu tal-kelma t-tajba mingħajr irreverenza.  Iħares ‘il quddiem biex iġib miegħu lil dawk ta’ rieda tajba, ġejjin minn fejn ġejjin.  Kien jirribella għall-kritika li kienet issirilna li aħna partit tas-sinjuri, proprju għax qalbu kienet dejjem ma’ dawk li għandhom l-inqas.

7.    Wasal fil-quċċata fil-karriera politika tiegħu meta ntgħażel biex isir President tar-Repubblika.  Il-pajjiż kien irrikonoxxa li kien ħaqqu jkun hemm.  Ħaqqu jingħata dan il-ġieħ għal dak kollu li wettaq għall-poplu.  Il-Presidenza tiegħu fetħet toroq u metodi kompletament ġodda.  Ra u ħa bħala mudelli dak li kien qiegħed isir fi Stati Ewropej oħra u, bis-sens komun, mexa fuqhom.  Ebda forma ta’ politika, sar anzi l-missier tal-pajjiż.  Laqa’ għandu diversi u ħa ħsieb li jmur għand oħrajn biex ikompli jagħmel il-ġid lilna lkoll.  Ma hemmx dubju li tlifnih.  Tlifna kolonna li l-Istat demokratiku tagħna.  Naqsilna bniedem li l-politika kien iħaddanha bl-irġulija lejn is-sewwa, mnebbħa mill-valuri demokratiċi nsara.  Kien u ser jibqa’ eżempju ta’ min irid ikun politiku għas-servizz tal-poplu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...