30.1.21

AMBAXXATURI TA’ PAJJIŻNA - KREDENZJALI

 

 

 

11897. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ambaxxaturi ta’ pajjiżna li kienu qed jistennew sabiex jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom sal-aħħar ta’ Ottubru 2019 u jista’ jindika liema huma?

 

04/11/2019

 

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Ottubru 2019 kien għad hemm erba (4) Ambaxxaturi jistennew sabiex jippreżentaw l-ittri tal-kredenzjali tagħhom. Dawn huma kif ġej:

 

Ambaxxatur Frank Galea                 Argentina

Ambaxxatur Frank Galea                 Ċili

Ambaxxatriċi Mary Scicluna           Maċedonja ta’ Fuq

Ambaxxatur Paul Mifsud                 Oman

 

Fil-każ tal-Ambaxxatur Paul Mifsud, dan diġà preżenta l-Copie d’Usage tiegħu lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Oman.

 

Seduta  279

18/11/2019

NSO – CITTADINI MALTIN ROMOL

 11896. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li huma mniżżla u indikati bħala romol li huma taħt l-età ta’ 50 sena u li huma ċittadini Maltin skont l-NSO sal-aħħar ta’ Ottubru 2019?

 

04/11/2019

 

  ONOR. EDWARD SCICLUNA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar informazzjoni li għandu l-NSO f’dan ir-rigward toħroġ miċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni tal-2011. Skond dan iċ-Ċensiment kien hemm 595 persuna ta’ ċittadinanza Maltija li kellhom anqas minn 50 sena u li kienu romol (nisa u rġiel). Informazzjoni akar aġġornata tista’ tinkiseb mid-database tas-Sigurtà Soċjali.

 

Seduta  279

18/11/2019

NSO – PERSUNI LI HUMA ĊITTADINI MALTIN

11895. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jgħid f’pajjiżna kemm hawn  persuni li għandhom 62 sena u li huma ċittadini Maltin skont l-NSO sal-aħħar ta’ Ottubru 2019?

 04/11/2019

 

ONOR. EDWARD SCICLUNA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-31 ta’ Diċembru 2018, l-istima ta’ persuni li għandhom 62 sena u li huma ċittadini Maltin hija ta’ 5,809 persuni, li minnhom 2,899 huma nisa u 2,910 huma rġiel. Din hija l-aktar stima riċenti u hija bbazata fuq metodoloġija armonizzata ma’ dik tal-UE.

 

Seduta  279

18/11/2019

IL-FGURA – TRIQ WIED BLANDUN – TISBIĦ U MANUTENZJONI

 11894. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jittieħdu tul is-sena li ġejja sabiex ikun hemm tisbiħ u rijabilitazzjoni taż-żona mhux mibnija li hemm il-Fgura bejn Triq Wied Blandun sa fuq nett ta’ Triq il-Foss kif kien ġie indikat f’diskorsi preċedenti tal-baġit?

 04/11/2019

 ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena d-dieħla, għal din iż-żona, ser issir investigazzjoni dettaljata tas-sit. Dan l-istudju, li ser isir minn fondi nazzjonali, ser jagħti stampa ċara tal-interventi ta’ riabilitazzjoni li jistgħu jsiru f’dan is-sit. Eventwalment ser iservi biex tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal permessi neċessarji biex isir ir-restawr tal-wied

 

Seduta  279

18/11/2019

PUBBLIKAZZJONI “NGĦINU U NIPPREMJAW LILL-FAMILJI”

11791. L-ONOR. IVAN BARTOLO  staqsa lill- Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali tal-pubblikazzjoni li ġġib l-isem "Ngħinu u Nippremjaw lill-familji" Budget 2020 li tqassmet mal-ġurnal it-Torċa tal-Ħadd 27 t'Ottubru, 2019?

 30/10/2019

 

 ONOR. MICHAEL FALZON:  Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

 

Seduta  273

04/11/2019

SANTA LUĊIJA – SKOLA SEKONDARJA – SENA AKKADEMIKA 2019/2020 – STUDENTI REĠISTRATI

11790. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti reġistrati għas-sena akkademika 2019/2020 fl-Iskola Sekondarja f’Santa Luċija Malta u jekk il-complement tal-għalliema huwiex sħiħ?

 29/10/2019

 

 ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija din is-sena skolastika huwa ta’ 465.

 L-iskola għandha l-full complement ta’ għalliema minbarra għal tmien (8) lezzjonijiet Accounting ta’ Head of Department li ħareġ b’long sick leave. Qed naħdmu biex kif jinstab jintbagħat għalliem għal dawn il-lezzjonijiet.

Seduta  273

04/11/2019

14.1.21

Saħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek

 

1.     Dak li ġara tul din il-ġimgħa fl-Istati Uniti tal-Amerika għandu, u jimmerita, riflessjoni.  Jitlob dan għax wieħed irid iżommu fil-kuntest li huwa u, fl-istess ħin, jieħdu bħala lezzjoni.  Kull demokrazija għandha l-mumenti tal-prova tagħha.  Kull waħda taf li f’xi pożizzjoni ser issib lil min iqegħda fid-dubju.  Ser iqegħda għall-eżami sabiex jara kif, u safejn hija kapaċi tirbaħ fuq forzi awtoritarji.  Tirbaħ fuq min m’għandux rispett u jħares lejn il-proċess demokratiku bħala wieħed: dak tat-triq li tieħdok fis-siġġu tal-poter.

 Il-liġijiet biżżejjed?

 2.     Le. Il-liġijiet mhumiex biżżejjed.  Huma neċessarji, u ma hemmx limitu għal-livell tal-bidliet li jkun hemm lok li jsiru minn żmien għal żmien.  Imma hemm element iktar qawwi mill-kitba tar-regoli.  Mid-direzzjoni li parlament jista’ jipprova jagħti sabiex sistema tiġi “garantita” li qegħda taħdem.  Imma, kif nafu mill-esperjenza tagħna f’dawn il-gżejjer, iridu jkunu l-bnedmin li jirrispettaw id-demokrazija.  Tista’, fuq naħa jkollok bnedmin li huma kommessi għad-demokrazija, li jifhmu li din tiġi mill-imġieba tagħhom.  U tista’, fuq l-oħra, ikollok l-aqwa liġijiet magħmula u mfassla fuq esperjenzi politiċi varji li mhumiex osservati u rispettati.

 Ubbidjenza tar-regoli

 3.     Imma huwa l-ispirtu demokratiku li huwa fil-bniedem u li jmexxih li jirbaħ.  Hemm, fuq kollox, l-għarfien li ħadd ma huwa ‘l fuq mill-poter tal-liġi.  Li ħadd ma jista’ jaħseb li l-mandat f’elezzjoni ġenerali jfisser li jista’ jagħmel li jrid għax għandu “dritt”, “super-power”, jew għax huwa jirrappreżenta l-“vuċi pura” tal-volontà popolari.  Hemm il-liġijiet kostituzzjonali u nazzjonali ordinarji li jridu jiġu obduti f’żewġ direzzjonijiet.  Osservati fil-kitba, imma l-iktar fl-iskop, fil-motivazzjoni, fl-ispirtu tan-norma.  Tul dawn l-aħħar snin kiber riħ kuntrarju.  Kiber fil-ħsieb li l-vuċi tal-poplu għandha bżonn mexxejja “b’saħħithom”, awtoritarji, biex iwieġbu għar-realtà.  Dawk li qed jiġu identifikati jew jippretendu li huma “populisti”, u għalhekk “speċjali”.  Imma l-ħajja turi l-kontra.  Għax ir-realtà fiha nfisha, u fid-demokrazija, hija differenti.

 Kwistjoni ta’ demokrazija

 4.     Diġà l-proċess u l-għarfien fil-perjodu ta’ transizzjoni kien qawwi fil-biża’ tal-perikli li s-sistema kienet għaddejja minnu.  F’The Economist tat-28 ta’ Novembru li għadda, l-editorjal prinċipali kien “The Resilience of Democracy”.  F’dak, hemm ċar dan il-ħsieb: “Mr. Trump has still done harm, as have the Republican leaders who indulged him.  Given that four in every five Republican voters say the vote was “stolen”, trust in the fairness of elections has been shaken and Mr. Biden unjustly undermined from the very start”.  Però jidher li jirrifletti dwar il-bilanċ tal-konsegwenzi li: “That is not a threat to the republic’s existence, but it does mark a further partisan deterioration in American democracy.”

 L-Attakk

 5.     Is-sitwazzjoni ma waqfitx, u l-aġir żbaljat u anti-demokratiku ta’ Trump wasslu, kif rajna, għal konsegwenzi agħar.  Għax l-attakk li seħħ minn folla msaħħna l-Erbgħa li għadda jinkwadra, f’ħafna, f’dan il-kuntest.  Magħmula minn persuni li sabu min isaħħanhom u jirkeb fuq l-ideat żbaljati li għandhom.  Fuq kollox, mill-istess Trump li kien baqa’ ma jistax jaċċetta li tilef.  Ma jridx jikkonċedi li Joe Biden huwa l-persuna li l-elettorat għażel.  U għalhekk, kien ilu mill-4 ta’ Novembru, ġimgħa wara ġimgħa, jibgħat messaġġ inveritier li huwa rebaħ u li l-elezzjoni ittieħdet b’ingann.  U kif, sfortunatament nagħrfu u nafu, għax l-istorja umana tgħallem, meta tirrepeti dak li mhuwiex minnu iktar minn darba tispiċċa biex tiġi emmnut bħala fatt li mhux.

Bilanċ tal-konsegwenzi

 6.     L-effett huwa li persuni tilfu ħajjithom f’dan il-ġenn uman.  Mhux biss, imma hemm l-effetti fuq il-kredibilità u l-kredenzjali tal-Partit Repubblikan.  Taf tkun bidla determinanti.  Bidla fil-bażi sabiex il-forza moderata fih tikber fis-saħħa politika.  Tmur iktar lejn iċ-ċentru u tagħraf il-vantaġġi ta’ soċjetà ibbażata fuq il-ġustizzja soċjali.  L-iktar, it-tneħħija fis-saħħa għal ċerti elementi li ilhom jidentifikaw ruħhom fil-partit.  L-ewwel: għax hemm bżonn it-tneħħija tal-fatt li l-lemin estrem f’dak il-pajjiż kien qiegħed jidentifika, komodament, ruħu fih.  It-tieni: li quddiem ix-xeni ta’ bnedmin jiġru bi bnadar konfederati fil-parlament, jingħalaq il-kapitolu tal-Gwerra Ċivili wara mija u sittin sena mill-bidu tagħha f’April 1861.

 Il-futur

7.     Kemm il-proċess fil-Partit Repubblikan ser isir f’dawn is-snin huwa determinanti għalih, imma l-iktar għad-demokrazija f’dak il-pajjiż.  Wara li għaddew dawn l-erba’ snin mill-iktar riskjużi għad-dinja, m’għandux ikun permess minnhom li Donald Trump, l-ewwel, jibqa’ jiddomina ‘l-partit; u t-tieni, li jingħata nkarigu ieħor fl-elezzjoni presidenzjali li ġejja.  Il-pożizzjoni tagħhom għandha tmur lejn iktar għarfien li d-demokrazija hija dipendenti minn forza moderata.  Proprju għalhekk li l-piż fuq il-President il-ġdid, Joe Biden, jikber.  Għandu diffikultajiet biex jikkalma lura s-sitwazzjoni, kif ukoll biex iġib il-paċi u l-istabilità interna.

 Mumenti tal-prova

 8.     Kull demokrazija, kif l-esperjenza politika tgħallem, għandha bżonn ukoll il-mument tal-prova tagħha.  Is-suċċess tagħha jġib għaliha lil dawk li jibdew jaħsbu li xejn mhuwa ser imissha.  Jaħsbu li ser tibqa’ l-istess, u li m’għandhomx bżonn jaħdmu sabiex jassiguraw li ma jagħtux appoġġ lil dawk il-politiċi li jersqu lejn pożizzjonijiet anti-demokratiċi u forom varji ta’ populiżmu.  Għandu jkun mument ta’ riflessjoni għalina wkoll.  Speċjalment għal dawk li jaħsbu li din il-forma ta’ politika tagħmel xi ġid.  Hija biss forma reazzjonarja li proprju f’dawn il-jiem, min fl-Ewropa u fi ħdanna appoġġja lil Trump, għandu jagħraf l-iżball tagħha.  Meta bnedmin fil-politika demokratika ma jirrispettawx l-ispirtu fundamentali tagħha jġibu dan kollu.

 Nissudaw u nsaħħu

 9.     Id-demokrazija trid aġir korrett.  Biss, titlob iktar li jkun hemm għarfien ta’ dak li tfisser.  Hemm bżonn iktar informazzjoni, edukazzjoni u formazzjoni demokratika.  Hemm bżonn iktar tixrid tal-korrettezza li hemm fl-osservanza tar-regoli, biex is-sistema u s-soċjetà jiġu garantiti.  Hemm bżonn nifhmu li ngħixu f’soċjetà, f’komunità, fi stat li jipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tagħna.  Fi żminijiet oħra, missirijietna kienu jsakkru l-bibien tal-belt fid-dlam tal-lejl.  Jipproteġu dawk li huma ġewwa biex ma jintgħelbux.  Proprju għalhekk li minn dan kollu għandna nifhmu li għandna dmir li nsaħħu l-istaneg ta’ bwiebna.

 

 

 

 

 

   

 

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...