23.2.20

Insellmulu




1.     Illum, fil-ħarġa ta’ din il-gazzetta, qed jiġi ċelebrat Eddie Fenech Adami.  Diversi diġà taw ix-xiehda tagħhom dwar dak li kien messhom fih tul ħajtu.  L-attività tal-Ħamis fuq l-istazzjon tal-Partit, Net, kienet f’postha.  Diversi segwew dak kollu li ħafna persuni validi, fiż-żmien raw u messew miegħu.  Fil-mumenti tal-glorja u f’dawk tad-dulur.  Ħafna ddikjaraw aspett jew ieħor ta’ dak li kien laqathom fih.  Ħafna rrakkuntaw dak li qallhom, dak li rawh iwettaq u dak li llum huwa, fil-fatt, parti mill-patrimonju ta’ dan il-pajjiż.

Minn fejn beda

2.     Ma kellux triq faċli bħala Kap tal-Partit.  Niftakar ħafna minn dak iż-żmien, proprju għax ismu kien wieħed li jissemma’ sew fil-familja waqt il-jum.  Ma ġiex, fil-bidu, aċċettat minn kull persuna fi ħdan il-Partit.  Speċjalment minn dawk li kienu l-iktar fuq il-lemin tiegħu.  Fil-fatt, il-pass determinanti tiegħu kien dak li jbiddel il-linja sabiex il-Partit jidħol lura fil-linja ta’ partit taċ-Ċentru.  Partit li jħares lura u jwettaq il-missjoni tiegħu li jiddefendi ‘l-pajjiż, u fl-istess ħin japplika l-politika soċjali mwielda mill-gwida tal-enċikliċi tal-Papiet.  Lura għal partit Demokratiku-Nisrani.

Bid-demokrazija, u fid-demokrazija

3.     Kellu rispett lejn il-proċess demokratiku.  Wieħed mill-ewwel passi li nġiebu fis-seħħ kien dak li l-istrutturi tal-Partit jaħdmu u jitħaddmu.  Kunsill Amministrattiv kull nhar ta’ Sibt.  Kunsill Eżekuttiv kull xahar, u l-Kunsill Ġenerali skont l-Istatut u l-bżonn politiku.  Kull persuna kellha l-vuċi tagħha.  Kien jassigura li kellu l-opinjonijiet ta’ diversi, avolja kien ovvju li tant kien jaf il-bnedmin madwaru li kien jaqta’ minn qabel dak li kienu ser jgħidu.  Ma kien faċli xejn li jamministra partit bejn l-1976 u l-1981, u mill-1981 sal-1987.  Żewġ perjodi diffiċli ħafna u kkumplikati mmens.

Żewġ mumenti fl-Oppożizzjoni

4.     Fl-ewwel leġislatura tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni kellu kontestazzjonijiet varji.  Ma ġiex aċċettat, u kien hemm min kien esprima dubji fuq kemm il-proċess demokratiku fil-partit kien ħadem.  Id-dubju huwa, kif nafu, parti mill-proċess lejn iċ-ċertezza.  U hekk ġara miegħu.  Ma kienx elitista u preċiżament, anzi, kien iben il-poplu ħaddiem.  Wild il-proletarjat, li jifhem il-problemi u d-diffikultajiet li l-klassijiet soċjali jmissu magħhom.  Kien bena, biċċa biċċa, ġabra ta’ bnedmin li ħadmu miegħu. Daqqa jaqblu, daqqa le.  Imma ladarba tittieħed deċiżjoni, wieħed kien jimxi magħha.  Mhux monarkija, imma demokrazija ħajja.

15 t’Ottubru 1879

5.     Meta kien fil-Parlament beda, biċċa biċċa, jieqaf lil Dom Mintoff, dak iż-żmien fl-aħjar tal-potenza politika tiegħu fit-tieni leġislatura.  Anki jekk kien hemm kampanja sistematika kontra tiegħu li tipprova ċċekknu.  Li tipprova tpinġih, jum wara jum, b’nuċċali kbir u qisu xi tarbija politika quddiem “il-ġgant”.  Mhux biss, imma kien hemm vuċi ta’ propaganda qawwija dominanti.  Dak iż-żmien ikkontrollata, immanipulata u toħnoq dak kollu li mhuwiex parti mill-Gvern.  Xorta kien effettiv kontra kull kurrent.  Proprju għalhekk li, fil-15 t’Ottubru 1979, daħlu f’daru u farrkuha.  Riedu jintimidawh, u miegħu lill-Partit kollu.  Seta’ telaq.  Seta’, quddiem dan żarma, imma baqa’ hemm, jaħdem.

12 ta’ Diċembru 1981

6.     Kontra dak li kienu qed jaħsbu.  Kontra kull kurrent.  Fi stat fejn il-Gvern kien iqassam il-ħin kollu.  Fl-Elezzjoni Ġenerali tal-1981, il-Partit Nazzjonalista, immexxi minnu, għeleb u rebaħ il-maġġoranza tal-qlub tal-Maltin.  114,132 votant, 51% tal-poplu, kienu ddikjaraw li jridu Gvern ġdid.  Kif nafu, imma, id-distretti kienu maħduma biex min huwa fil-gvern ikollu iktar siġġijiet, b’maġġoranza ta’ tlieta: 34-31.  Dan kien mument ieħor iebes ħafna ta’ prova qawwija.  Anki jekk kienu kissrulu daru, xorta kien ġie kontestat internament u esternament.  Kien hemm ġabra ta’ persuni li kienu influwenti fl-opinjoni pubblika, fil-gazzetti, li kellhom il-ħsieb li l-linja demokratika tiegħu ma kinetx biżżejjed.  Kien hemm dawk fosthom li kienu jinvokaw vjolenza għall-vjolenza tal-Istat.

9 ta’ Mejju 1987

7.     Wara l-itwal leġislatura: ħames snin u ħames xhur.  Wara bidla fil-Mexxej tal-Partit Laburista.  Wara kampanja twila, li bdiet bil-bojkott tal-Parlament u kompliet b’Mass Meetings kull nhar ta’ Ħadd.  Li ħaditna lkoll iż-Żejtun, niġu attakkati bil-gass tad-dmugħ skadut u bil-ġabra ta’ vjolenti li l-Laburiżmu ta’ dak iż-żmien kien, sfortunatament, ikkoltiva.  Li kellha l-mewt ta’ dak iż-żagħżugħ twajjeb u mill-iktar innoċenti, Raymond Caruana.  F’dan il-maltemp politiku estern u intern, baqa’ jżomm il-boxxla interna tiegħu.  Baqa’ jesiġi li d-demokrazija tieħu l-perkors tagħha.  Sabiex isiru l-emendi Kostituzzjonali li bihom il-maġġoranza fil-voti ġiet garantita f’dik parlamentari.

Prim Ministru (1981-1996)

8.     Ma kienx faċli f’dik it-tieni leġislatura fl-Oppożizzjoni, għax il-Partit Laburista għamel minn kollox sabiex iżid u jġib lura għandu l-voti li kien tilef.  Ma rnexxilux, minkejja l-pjaċiri kbar li saru, speċjalment lejn l-aħħar tal-leġislatura.  Imma l-maġġoranza, minkejja kull tentazzjoni, hemm baqgħet.  Ġiet konfermata wara triq twila u diffiċli.  Niftakar sew jum l-għadd tal-voti.  Niftakru wkoll dieħel f’Kastilja jieħu l-ġurament, b’ġabra ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu telgħu ħdejh jiftħu l-folla li kienet bdiet tħoss l-arja tal-liberazzjoni minn dittatura twila ta’ ħmistax-il sena.  Pass pass bdiet il-bidla fil-poter.  Ma kien faċli xejn għalih, imma rnexxilu jibdel.

Prim Ministru (1998-2004)

9.     Għadda minn diversi mumenti iebsa hawn ukoll.  Lura fl-Oppożizzjoni kien hemm min ried il-‘bidla’.  Kien hemm min ħaseb li issa kellu jitlaq.  Imma żamm sod il-Partit, u taħt il-linja tiegħu reġa’ ġieb maġġoranza f’elettorat fejn il-vot kien beda jsir iktar likwidu minn qabel.  Il-missjoni hemm kienet lura għat-tbatija li ġġib maġġoranza tal-poplu li jivvutaw favur id-dħul tagħna bħala membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea.  Irnexxilu bl-għaqal tiegħu.  Irnexxilu jġib kunsens sabiex illum il-pajjiż qiegħed igawdi minn legat uniku.

Wirt uniku

10.   Pajjiżna għandu ħafna x’jgħid dwar Eddie Fenech Adami.  Ċertament, kull persuna tiġi bl-esperjenza tagħha fil-ħajja tad-dinja, imma huwa ħaqqu rispett u tifħir kbir.  Insellmulu u nawgurawlu, f’dan il-mument, għal iktar snin snin magħna.




IN WORK BENEFIT PERSUNI F’GĦAWDEX LI BBENEFIKAW





12888. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jindika kemm persuni f’Malta  bbenefikaw mill-In work benefit tul is-sena 2019? Jista’ jindika kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel u kemm tħallsu?

05/02/2020

  ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif ġej ;

Benefiċċjarji skont il-Ġeneru f’Għawdex
Numru ta’ Benefiċjarji
Nefqa għall-Għoti tal-In-Work Benefit
Nisa
119
€105,015.33
Irġiel
402
€366,747.59
Total
521
€471,762.92

Seduta  301
19/02/2020



IN WORK BENEFIT - PERSUNI F’MALTA LI BBENEFIKAW





12887. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jindika kemm persuni f’Malta  bbenefikaw mill-In work benefit tul is-sena 2019? Jista’ jindika kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel u kemm tħallsu?

05/02/2020

  ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif ġej ;

Benefiċċjarji skont il-Ġeneru f’Malta
Numru ta’ Benefiċjarji
Nefqa għall-Għoti tal-In Work Benefit
Nisa
1,735
€1,490,059.35
Irġiel
2,837
€2,416,619.85
Total
4,572
€3,906,679.20

Seduta  301
19/02/2020

ĊENTRU TAL-ARBITRAĠĠ – ARBITRAĠĠI PENDENTI


 12886. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm arbitraġġi pendenti fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ fl-aħħar tas-sena 2019 u jista’ jindika kemm kienu volontarji, kemm mandatorji u kemm internazzjonali?

05/02/2020

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: 
Ninsab infurmat li sal-aħħar tas-sena 2019, fiċ-Ċentru kien hemm 634 każ pendenti minn 5,868 każ li ġew ippreżentati sa minn Marzu tas-sena 2000.  Il-każijiet pendenti huma 24 każ ta’ arbitraġġ internazzjonali, 145 każ ta’ arbitraġġ volontarju u 465 każ ta’ arbitraġġ mandatorju.

Seduta  301
19/02/2020

RAĦAL ĠDID - UFFIĊĊJU TAS-SIGURTÀ SOĊJALI - ĦADDIEMA


 12885. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni kien hemm jaħdmu fl-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali ġewwa Raħal Ġdid u jista’ jindika kemm persuni wżaw is-servizz tal-post tul is-sena 2019?

05/02/2020

  ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm ħames persuni li jagħtu servizz lill-pubbliku fl-uffiċċju distrettwali ta’ Raħal Ġdid. Matul is-sena 2019, kien hemm 3,741 persuna li rrikorrew għal xi servizz minn dan l-uffiċċju distrettwali. Kien hemm għadd ta’ persuni oħra li marru l-uffiċċju distrettwali msemmi għall-informazzjoni ġenerali, li dwarhom ma tinżammx statistika b’mod uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali.

Seduta  301
19/02/2020


ĊENTRU TAL-ARBITRAĠĠ – ARBITRAĠĠI DEĊIŻI





12884. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi arbitraġġi fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ tul is-sena 2019 u jista’ jindika kemm kienu volontarji, kemm mandatorji u kemm internazzjonali?

05/02/2020

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2019 ġew deċiżi 267 ka¿, li minnhom 2 kienu deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ internazzjonali, 25 kienu deċizjonijiet ta’ arbitraġġi volontarji u 240 deċiżjoni ta’ arbitraġġi mandatorju.

Seduta  301
19/02/2020

ARBITRU TAS-SIGURTÀ SOĊJALI - KAŻIJIET




12883. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet quddiem l-Arbitru tas-Sigurtà Soċjali tul is-sena 2019? Jista’ jgħid kemm ġew deċiżi, ċeduti jew abbandunati?

05/02/2020

  ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba hija kif ġej ; 
Appelli  quddiem l-Arbitru
Numru ta’ każijiet irreġistrat sa Diċembru 2019
Appelli li daħlu sa Diċembru 2019
912
Appelli deċiżi sa Diċembru 2019
370
Appelli ċeduti sa Diċembru 2019
218
Appelli abbandunati mill-appellant, sa Diċembru 2019
44

Seduta  301
19/02/2020

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...