10.7.18

AMBAXXATA MALTIJA GĦALL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA U L-KANADA - ĦIDMA U INIZJATTIVI




 
6626. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizzjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna għall-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada tul dawn l-aħħar tletin xahar?

25/06/2018

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li kienu għexiren l-inizzjattivi li din l-Ambaxxata ħadet matul dawn ix-xhur.  Ta’ min jgħid ukoll li sitt xhur matul dan il-perjodu indikat, l-Ambaxxata ta’ Malta żammet il-Presidenza Ewropeja.
Il-ħidma ta’ l-Ambaxxata ta’ Malta għall-Istati Uniti ta’ L-Amerka – li hi ukoll akkreditata għal-Kanada – jinqasmu f’ diversi aspetti differenti. Dawn huma:
-               Politika
-               Konsolari
-               Kultura u relazzjoni Pubbliċi
-               Ekonomija
-               Amministrazzjoni

Politika
Tul dawn l-aħħar tlett snin, ix-xogħol relatat mal-aspett politiku żdied bi kważi t-tripplu. L-Ambaxxata Maltija żdiedet il-kuntatti tagħha mhux biss mad-Dipartiment tal-Istat Amerikan, imma wkoll ma’ membri tal-Kungress, mal-White House, mad-Department of Treasury Amerikana u ma’ Dipartimenti oħrajn.
Inizjattivi politiċi konkreti jinkludu fost oħrajn:
Żjarat Uffiċjali
¾             Delegazzjoni Senatorjali lejn Malta mmexxija mis-Senatur Repubblikan Rand Paul
¾             Żjara uffiċjali f’Malta minn Justice Ruth Bader Ginsburg, Associate Justice tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti;
¾             Delegazzjoni lejn Malta f’livell ta’ Deputy Assistant Secretary;
¾             Delegazzjoni mill-Homeland Security Amerikana;
¾             Diversi Delegazzjonijiet Ministerjali minn Malta għall-laqgħa mal-Under Secretary għall-Affarijiet Internazzjonali tat-Treasury Amerikana;

Diskussjonijiet bilaterali

L-Ambaxxata żammet diskussjonijiet regolari mal-State Department Amerikan fuq temi bilaterali li jinkludu fost l-oħrajn:

¾             Ir-resettlement ta’ Refuġjati minn Malta għall-Amerka;
¾             Koordinazzjoni fuq l-assessment tal-Visa Waiver Programme;
¾             Is-sutjenn tal-Amerika għall-aċċess ta’ Malta fil-Missile Technology Control Regime (MTCR);
¾             L-aġevolazzjoni tal-bandiera marittima Maltija fil-portijiet Amerikani.

Rigward il-Kanada, l-Ambaxxata żammet diskussjonijiet mal-awtoritajiet Kanadiżi, b’mod partikolari mal-Ministeru tal-Affarjiet Barranin. Temi diskussi jinkludu:
-               Relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Kanada
-               Diskussjonijiet konsultattivi fuq leġislazzjoni u regulazzjoni tal-kannabis
-               Politika rigward l-LGBTIQ.

Minbarra l-kuntatti, saru wkoll żjarat mill-Ambaxxatur Pierre Clive Agius ġewwa l-Kanada, fejn kellu laqgħat mal-Ministru tal-Affarjiet Barranin Chrystia Freeland u mal-Prim Ministru Justin Trudeau.

Konsolari
F’dan il-perjodu, kien hemm żieda sontanzjali ta’ talbiet minn Maltin li jgħixu ġewwa l-Amerka għal-ċittadinanzi u passaporti Maltin. Jekk nieħdu per eżempju ċ-ċittadinanzi, it-talbiet bejn 2016 u Mejju 2018 żdiedu bi kważi 300%.
Bejn l-2016 u 2018, l-Ambaxxata żiedet ukoll s-servizzi tal-“Consul on the Move”. Fl-2016, kull ma kien hemm servizz wieħed li seħħ ġewwa San Francisco. Din is-sena, ser ikun hemm tlett servizzi li ser isiru bejn Ottubru u Diċembru 2018 f’dawn il-postijiet:
-               f’Detroit Michigan,
-               f’San Francisco California
-               u għal-ewwel darba, ser ssir missjoni ġewwa Phoenix, Arizona.
Din hija riflessjoni tal-isforzi li qed tagħmel l-Ambaxxata biex tkun iktar qrib tal-kommunità Maltija u biex tiffaċilita l-proċess tal-Passaporti.
Minbarra s-servizzi għal-Maltin li jgħixu barra, l-Ambaxxata toffri wkoll servizzi ta’ proċessar ta’ applikazzjonijiet ta’ visas, li wkoll kien hemm żieda fl-ammont ta’ applikazzjonijiet tal-visas mhux biss minn persuni li ġejjin Malta għal-btala, imma wkoll minn studenti li sejrin jistudjaw Malta, u plejers tal-futbol li sejrin jinqgħadu ma’ timijiet Maltin. L-Ambaxxata kienet minn ta’ quddiem biex tagħmel abbozz ta’ linji gwida għal- clubs tal-futbol Maltin biex ikun hemm għarfien aħjar tal-proċess tal-viża, fejn dawn ġew mgħoddija lill-Awtorità tal-Futbol Malti (Malta Football Association)
L-Ambaxxtata ta’ Malta f’Washington tindokkra wkoll ir-relazzjonijet mad-Diaspora Maltija partikolarment fl-Amerka.  Fil-Kanada Malta għandha Konsolat Ġenerali. L-Ambaxxata Maltija kienet ferm involuta fl-organizzazzjoni taż-żjara mil-ET il-President ta’ Malta lill-Komunitajiet Maltin ġewwa Detroit u San Francisco.

Kultura u Relazzjonijiet Pubbliċi
Waħda mill-prioritajiet ewlenin tal-Ambaxxata hi l-promozzjoni ta’ Malta f’diversi setturi, inkluż is-settur kulturali u tal-edukazzjoni.
L-Ambaxxata ħadet diversi inizzjattivi f’dan il-qasam, u f’medja organizzat avveniment fix-xahar.  Highlights minn dawn l-avvenimenti jinkludu:
¾             Kunċert minn artist Malti fil-famuż Kennedy Center;
¾             Kunċert minn artist Malti fin-National Gallery ġo Washington DC
¾             Żewġ serati letterarji ta’ xogħol ta’ kittieba Malta ġo xejn inqas mill-Library of Congress;
¾             Parteċipazzjoni regolari fil-European Open House li din is-sena attirat 3000 visitatur fl-Ambaxxata;
¾             Parteċipazzjoni fl-Embassy Adoption Programme, fejn l-Ambaxxata Maltija “taddotta” klassi tal-Primarja u tipprovdi lezzjonijiet interattivi dwar il-kultura Maltija;
¾             Promozzjoni tal-films Maltin u x-xogħol li twettaq il-Kummissjoni Maltija għall-Films
¾             Esebizzjoni ta’ Bizzilla Maltija fil-George Washington University Museum and Textile Museum;
¾             Esebizzjoni ta’ Arti u Fotografija ta’ żewġ artisti Maltin, Anna Galea u Stephanie Galea bit-titlu ta’ Women Perspectives: a Mother/Daughter Synergy.
¾             Esebizzjoni tax-xogħol tal-Artist malti Raphael Vella;
¾             Parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Kids Euro Festival Short Film Series;
¾             Diskussjoni fuq manuskritti antiki Maltin li saret ukoll ġewwa il-Library of Congress.
¾             Sensiela ta’ lectures mill-Ambaxxatur għand istituzzjonijiet kbar u reputtabli ferm bħal:
¾             New York University
¾             Visitation College
¾             Tufts University
¾             New York Bar Association
¾             Ronald Reagen International Center
Bħala kontribut lejn is-soċjetà li tagħha hi ospite, l-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa l-Amerka zammet ukoll avvenimenti particolari bħal meta l-binja tal-Ambaxxta ġiet:
¾             Mixgħula blu nhar l-Autism Awarness Day;
¾             Mixgħula rosa nhar il-Breast Cancer Awareness Day;
¾             Mixgħula bil-Kuluri tal-qawsalla biex jiġi ċċelebrat jum l-ugwaljnaza


Ekonomija, Turiżmu u Edukazzjoni.
L-Ambaxxata ta’ Malta tkompli taħdem bi sħiħ biex tippromovi l-ekonomija Maltija u t-turiżmu ġewwa Malta.
Inizjattivi konkreti għall-promozzjoni ekonomika Maltija fost oħrajn kienu:
¾             Organizzajoni ta’ stand fil-Winternational Fair ġewwa Washington DC;
¾             Organizzazjoni ta’ stand fl-International Education Fair tal-Amerikan Catholic University;
¾             Organizzajoni ta’ stand fil-fiera għall-istudenti organizzata mill-Istate Department Amerikan;
¾             Laqgħat ma’ oqsma interessati fil-blockchain technology fosthom anke ġurnalisti;
¾             Diversi laqghat ma atturi ekonomici, bankiera u kmamar ta’ kummerċ Amerikani inklużi:
¾             Lagħat mal-bank Amrikan J P Morgan sabiex tinstab soluzzjoni għall-corresponding banks;
¾             Libya-US Business Association biex Malta tintuza bħala ċentru loġistiku;
¾             Promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni medika ta’ kwalità – attività li tat riżultati sbieħ bir-rikonoxximent ta’ Malta bħala s-sebgħa l-aqwa post fl-Ewropa għat-turiżmu medikali;
¾             Ko-ordinazzjoni bejn il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Office of Academic Exchange Programmes tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan fuq possibilità ta’ scholarships għall-studenti Maltin biex jipparteċipaw fil-Fulbright Programme;
¾             Laqgħa ma’ Chamber of Commerce of Jacksonville Florida fejn ġew diskussi possibilitajiet ta’ kollaborazzjoni
¾             fil-qasam tat-trasbord,
¾             kura għall-kanċer,
¾             avvjazzjoni u
¾             software engineering;
Dawn id-diskuzzjonijiet għadhom għaddejin u hemm pprogrammati laqgħat oħrajn fil-ħarifa.

Tajjeb li nsemmu wkoll li grazzi għall-isforzi tal-Ambaxxata, reġa’ ġie introdott il- Malta Fulbright Programme, li kien ilu nieqes għal dawn l-aħħar għoxrin sena. Ħames studenti Amerikani pparteċipaw f’dan il-programm.


Amministrazzjoni
F’dawn it-tletin xahar, l-Ambaxxata ta’ Malta ġiet ukoll rinnovata wara għexiren ta’ snin mitluqa, tant li s-sular ta’ fuq kien kundannat.  Ġew mibdula il-kmamra tal-banju, is-soqfa tas-sular ta’fuq u t-twieqi tas-sular ta’ fuq ukoll.
Ġie wkoll rinnovat kompletament il-konsolat ta’ Malta f’Washington inkluż l-apparat li jintuża sabiex jinħargu l-viża u l-passaporti.

Seduta  137
04/07/2018


FOROM TA’ ŻWIĠIJIET RELIĠJUŻI RIKONOXXUTI




 
6625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma l-forom ta’ żwiġijiet reliġjużi li huma rikonoxxuti ai termini tal-artikolu 17 tal-kapitolu 255 tal-Liġijiet ta’ Malta?

25/06/2018

  ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Seduta  137
04/07/2018

ANNUAL AMBASSADORS’ MEETING - SPIŻA

 
6624. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienet l-ispiża involuta fl-Annual Ambassadors’ Meeting li sar bejn il-31 ta’ Mejju 2018 u l-1 ta’ Ġunju 2018? Jista’ jagħti informazzjoni wkoll liema kienu l-ambaxxaturi li attendew u dawk li ma attendewx? Jista’ jippreżenta wkoll id-diskorsi li saru?

25/06/2018

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża tal-Annual Ambassadors' Meeting kienet ta’ €25,779.30.L-Ambaxxaturi residenti kollha attendew minbarra r-Rapprezentant Permanenti fi Brussel minħabba xogħol tal-UE u l-ambaxxaturi mhux residenti ma setgħux jattendu tlieta minnhom.
Dwar iż-żewġ diskorsi li saru minni u mill-Prim Ministru ninforma l-Onor. Interpellant li ma kinux diskorsi miktuba b’mod formali.

Seduta  137
04/07/2018

SANTA LUĊIJA - SKOLA SAN TUMAS MORE – TISWIJIET FIL-BIEB PRINĊIPALI

 
6623. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk it-tiswijiet neċessarji fil-bieb prinċipali fuq wara tal-Iskola San Tumas More f’Santa Luċija u li jagħti għall-Triq Ħal Luqa, sarux?

25/06/2018

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li fuq il-bieb tal-entratura li tagħti fuq wara tal-iskola San Tumas More f’Santa Luċija, inġabru l-kwotazzjonijiet għall-ispejjeż tal-alterazzjonijiet. Din l-imsemmija entratura se tiġi rtirata ’l ġewwa tlettax-il metru sabiex il-vettura li tkun dieħla (private bus) ikollha fejn toqgħod sakemm tinfetaħ il-grada u ma jinħoloq l-ebda periklu għal ħaddieħor. Dan ix-xogħol huwa ppjanat li jsir wara li tingħalaq l-iskola għall-vaganzi tas-Sajf u għalhekk jiġi evitat kull periklu, kemm għall-istudenti, kif ukoll għal kull individwu ieħor.

Seduta  137
04/07/2018

3.7.18

To rise to the occasion.

 
1.   Qegħdin fl-aħjar tat-Tazza tad-Dinja.  Kull ġurnata tara logħbiet ġodda, daqqa jmorru naħa, u daqqa jmorru oħra.  Hemm dawk li taħseb li ser jirbħu, li però jitilfu, dawk li ser jgħaddu fuq l-avversarji u jispiċċaw jinżammu fi draw.  Ftit huwa prevedibbli, għax ma tistax tgid kif tiġi.  Żgur mhux forsi, però, il-maturità u l-esperjenza jgħallmu.  Huma elementi u ingredjenti essenzjali li jagħmlu, fl-aħħar tal-ġurnata, id-differenza.  Proprju għax f’dan għandek varjetà kbira ta’ elementi.  Hemm f’dan dawk li jispiċċaw jilgħabu tajjeb ħafna aħjar milli l-oħrajn jistennew, għax isibu l-iebes u jwieġbu għall-isfida.

Maturità u esperjenza

2.   M’għandix dubju li diversi minnkom qed isibu l-mument biex jieqfu jaraw din ix-xita ta’ partiti, waħda differenti u isbaħ mill-oħra.  Isbaħ dejjem meta naraw dawk li jwieġbu għas-sejħa u jidħlu għall-ġlieda kalċistika anki meta jafu li l-avversarji huma magħrufa mill-“għorrief” bħala insuperabbli.  Fil-politika hemm dan ukoll għaddej.  Waqt li aħna aljenati minn partita għal oħra, ix-xenarju politiku Malti qiegħed ikompli jinbidel u jieħu direzzjonijiet ġodda.  Għax huwa ċar li waqt li l-“għorrief” qed ibassru xi ħaġa, il-Partit Nazzjonalista qiegħed fil-fatt jirreġistra passi sodi ‘l quddiem.

Oppożizzjoni matura

3.   Ma hemmx dubju li l-Partit Laburista jgawdi minn diversi vantaġġi fil-preżent.  Għandu saħħa elettorali, parlamentari, u dominju qawwi ħafna fil-medja.  Biss, kif tgħallem l-istorja, iċ-ċirkostanzi jinbidlu.  Iduru, proprju, għax xejn ma jibqa’ permanenti f’din id-dinja.  Proprju iktar għax il-Partit Nazzjonalista qiegħed jifhem dak li hu għaddej u qiegħed, pass pass, biċċa biċċa, jwieġeb tajjeb għall-appuntamenti politiċi li jiġi msejjaħ għalihom.  L-istess Prim Ministru, li ilu dawn is-snin jipprova jċekken, u anki jżeblaħ lil ħidmet l-Oppożizzjoni, din il-ġimgħa rrikonoxxa l-maturità tagħha.  Fehem li ma jistax ikompli jimxi kif kien qabel u jrid jibdel, jifhem il-mod kif l-Oppożizzjoni qegħda, bl-esperjenzi li għaddiet minnhom qabel, taħdem illum.

Żbalji passati

4.   Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari, il-Partit Nazzjonalista għadda minnha fis-snin preċedenti.  Jifhem u jagħraf l-isfidi li fiha.  Jifhem li kien żbaljat min kien għamel mis-suġġett ballun politiku.  It-tmexxija tal-Partit Laburista, f’dan, għaddiet minn żewġ staġuni: wieħed li jħares lejha bħala fattur ta’ għaqda; l-ieħor, bħala waħda li tista’ trebbaħlu l-voti.  Diversi problemi tallum għandhom ukoll l-għeruq tagħhom f’dik it-tieni linja ta’ ħsieb.  Il-Partit Laburista fil-Gvern irid jaffronta d-deċiżjonijiet politiċi żbaljati li kien ħa huwa stess fil-passat, meta avversa, inutilment u inġustament, lill-Partit Nazzjonalista.  Speċjalment, meta wieħed ta x’wieħed x’jifhem li ser isolvi l-problemi li, kif qed naraw, għadhom illum ‘il bogħod milli jissolvew.  Biss, dan il-Partit Nazzjonalista mhuwiex lest li jaqa’ għall-istess li daħal għalih ħaddieħor.  Proprju għalhekk li hawn iktar maturità u esperjenza milli ħaddieħor jara jew jaħseb.

Moderazzjoni u attenzjoni

5.   Il-Partit Nazzjonalista qiegħed iżomm il-linja tal-moderazzjoni u l-attenzjoni.  Mhux biss fuq din il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari, li ser tibqa’ magħna, imma anki fuq suġġetti oħra daqshekk gravi.  Fl-immigrazzjoni hemm, ċertament, l-interess nazzjonali li ma jistax jiġi abbandunat; imma f’ebda mument wieħed ma għandu jinsa li qed nitkellmu fuq persuni umani.  Ngħarfu li hemm id-dinjità tal-bniedem, li għandha tiġi rispettata iktar u iktar meta numru kbir ta’ dawk li jitolbu l-protezzjoni bħala refuġjati jkun verament ħaqqhom.  Dan kif għarafna u ppruvajna nġibu lill-Gvern jifhem u jagħraf kemm hemm bżonn li jżomm dan ir-rispett fl-emendi li huwa ressaq għall-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Il-messaġġ wasal

6.   Il-Partit Nazzjonalista, hemm ukoll, kien u għadu matur fil-pożizzjonijiet politiċi tiegħu.  Hemm prinċipji ċari, imma ma hemmx fundamentaliżmu.  Irridu nisimgħu, nifhmu u ma niġġudikawx minn qabel.  Ċertament kien żball tal-Gvern li quddiem l-oppożizzjoni ta’ diversi fis-soċjetà, flok stenna u wettaq dak li l-elettorat ried, baqa’ sejjer.  Dak kien att ta’ nuqqas ta’ maturità u li l-esperjenza politika żżommok milli twettaq.  Biss, minkejja l-iżvantaġġi lil-Partit Nazzjonalista għandu, xorta rnexxilu jwassal li dak li qiegħed isir ma jaqbilx miegħu.  Kif ukoll ir-raġunijiet għala għandu din l-opinjoni.

Ċirkostanzi diffiċli

7.   F’dawn il-mumenti, l-affarijiet qegħdin ikomplu jinbidlu politikament.  Fil-fatti, qed naraw li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jibni aktar lilu nnifsu f’dak li ser ikun.  Jittrasforma aktar lilu nnifsu fil-programm alternattiv li fih hemm ġabra ta’ bnedmin li qed jagħrblu u jifhmu iktar dak li huwa mistenni minnhom.  Iċ-ċirkostanzi huma diffiċli u l-vantaġġi qegħdin f’idejn ħaddieħor.  Biss, kif naraw f’kull logħba ta’ din it-Tazza tad-Dinja, hemm min kapaċi jwieġeb għas-sejħa li ssirlu, u jaqleb ir-riżultat.  Kapaċità li dan il-partit, taħt it-tmexxija tal-Kap Dr Adrian Delia, għandu dik li l-Ingliżi jiddeskrivu aħjar bħala “to rise to the occasion”.


KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...