21.5.20

Ikkonsulta. Għadna fiha.

1.     Il-pajjiż, tul din il-ġimgħa, telaq fuq triq, imma f’nofsha fehem li l-pożizzjoni għadha ma nbidlitx.  Għad fadlilna mixja li mhix proprju qasira.  Dak li sar mill-bidunett, kien immirat li n-numri jkunu kemm jista’ jkun ikkontrolalti, sabiex is-sistema medika tagħna tlaħħaq mal-każijiet.  Tlaħħaq u tagħti għajnuna sħiħa lil kull ċittadin.  Biss, dan ma setax ifisser li l-pandemija sparixxiet.  Hemm għadha, u ma tistax tiġi njorata.  Ikun, u ma jkunx tant għaqli li tagħti l-impressjoni li għadda kollox.  Il-kawtela ma tistax titwarrab.  Imma xorta, dejjem jekk int għaqli, trid tibni strateġija ta’ kif tista’ taħdem u tmexxi soċjetà f’dawn il-kundizzjonijiet.

 Responsabbiltà

 2.     F’dan, huwa mill-iktar ċar li l-piż u r-responsabbiltà ta’ dawn id-deċiżjonijiet qegħdin fuq il-Gvern.  Fis-settur tas-saħħa, inżamm kuntatt mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, imma f’affarijiet oħra le.  Huwa hu li żamm il-mazz f’idejh, biex jidher u jmexxi kif u sa fejn jaħseb li jaqbillu.  Waħdu, ċertament, ma jarax dak li ħaddieħor jara.  F’dawn iċ-ċirkostanzi, dan ma tantx huwa mill-iktar mimli għerf.  F’dak li għaddejjin minnu, l-Oppożizzjoni għandha, bħala linja ta’ prinċipju, tinżamm aġġornata u infurmata.  Biss, meta s-sewwa u l-prattiċi politiċi tajba ma jinżammux, hemm l-effetti futuri.  Għalhekk, min jieħu d-deċiżjonijiet, wara ma jistax idur biex iwaħħal f’min ma kienx parti minnhom.  Ikun jista’ jagħraf li naqas għax ma ħax parir fejn seta’, fis-sewwa u fil-libertà.

 Joħorġu iktar diffikultajiet

 3.     Is-sitwazzjoni tul dawn il-ġimgħat ħarġet iktar fil-beraħ kemm dak li kien jidher tant sod, fir-realtà mhuwiex.  Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna mhix proprju qed tiġi miżmuma wisq ‘il fuq.  Kellna kumplikazzjonijiet ġodda fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari.  Magħhom kellna persuna maħtura u magħżula direttament mill-Prim Ministru bħala ambaxxatur li ġiebna fl-inkwiet b’diskors żejjed u barra mill-kuntest.  Wara rapporti varji dwar kif għandhom jiġu miżmuma l-finanzi ta’ pajjiżna marbuta ma’ rapporti varji.  Mhux biss internament fil-Partit Laburista, jidher li hemm ukoll nuqqasijiet ta’ qbil jew direzzjoni ċentrali ċara.  Hemm Deputat Mexxej li m’għadux deputat. Hemm tibdil differenti.  Twieldu drawwiet, manjieri ta’ preżunzjoni li jidhru li qed jikbru bħal xeblik madwar siġra antika.

 Forom ta’ arroganzi?

 4.     Hawn ħafna nies li faċli tirbaħhom l-arroganza f’sitwazzjonijiet normali, aħseb u ara f’dawn.  Ngħidu aħna, hawn min jitwieled fil-ġid, jew jagħmel il-flus u jaħseb li ħadd u xejn ma jista’ għalih.  Bil-flus tagħmel triq fil-baħar, jgħid il-Malti, u min għandu minnhom jibda jilludi ruħu li hu kważi impotenti.  Tirbaħ l-arroganza wkoll lil min ikollu maġġoranza parlamentari warajh, kif rajna tant tajjeb f’dawn l-aħħar seba’ snin.  Dik li l-Ingliżi, jekk smajt tajjeb, jgħidulha “the insolence of an elected majority”.  Hemm min jilludi ruħu bl-idea li, bil-maġġoranza, tista’ tagħmel kollox, u ħadd ma jista’ għalik.  Għada ma jasalx, u l-preżent ser jibqa’ permanenti.  Imma l-affarijiet jinbidlu.  Dak li twettaq illum ikun kawża tal-effetti ‘l quddiem.  Bħalissa ssib lil min iċapċaplek, imma għada jdur kontra, appena l-affarijiet imorru fi triq żbaljata.

 Il-ġid tad-demokrazija

 5.     Fid-demokrazija hemm tajjeb li wieħed fil-Gvern suppost li jaf ukoll li xi darba jrid jagħti kont lill-poplu.  Ħafna jqarrqu lilhom infushom billi jaħsbu li bil-propaganda, bil-ftaħir u t-tifħir, tul iż-żmien tal-mandat elettorali jistgħu jixtru mandat elettorali ieħor u jaħarbu l-ġudizzju tal-elettorat.  Hemm ukoll dawk li jippruvaw minn kollox biex jixtruh bil-pjaċiri.  Imma dak li sejrin għalih huwa mill-iktar ċar li l-pożizzjoni ser tkun differenti minn kif sa issa nafuha.  Ma’ kull jum li l-pajjiż huwa mnaqqas fil-ħidma solita tiegħu, l-affarijiet qed jinbidlu.  Il-muntanja qegħda, jum wara jum, titlef mis-silġ prezzjuż.  Jekk sa sitt xhur ilu kellna soċjetà għaddejja, illum għandna waħda kważi wieqfa kompletament.  Qatt ma rajna bħalha.

 Riflessjoni

 6.     Is-sitwazzjoni fis-saħħa għadha ma nbidlitx, anki jekk diversi ħasbu, jew taw x’wieħed jifhem li fi żmien qasir ser niġu lura għan-normal.  Il-konsegwenza hija li din għandha effett qawwi fuq il-ħajja soċjali u ekonomika tagħna.  Proprju għalhekk li x-xenarju politiku qiegħed jikkumplika ruħu.  Dan iktar fid-dawl, u proprju għax il-Gvern qiegħed jieħu konklużjonijiet politiċi waħdu.  Deċiżjonijiet li fosthom għandu numru sew li qegħdin iktar jispikkaw, jew għax huma reattivi, inkella azzardati.  Proprju għalhekk li waqt li llum nagħrfu li l-pandemija għadha m’għaddietx, min qiegħed imexxi jagħmel tajjeb jekk jagħraf il-valur tal-umiltà.  Jibda jikkonsulta u jinforma lill-Oppożizzjoni għall-ġid veru u sħiħ ta’ din is-soċjetà.

 

 

 

 

 

 


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...