15.12.19

Tajn u ferm iktar tajn




1. Tlaqna din il-ġimgħa nisimgħu l-vangelu f’jum fejn niċċelebraw il-festa tal-patruna antika ta’ dawn l-gżejjer, Santa Luċija. Qrajna dwar il-qlajjiet u tajn religuz li kien inxteħet fuq San Gwann Battista u Sidna Ġesu Kristu. Kliem li jipprova jiskredita u jċekken. Kliem li rridu nżommu quddiemna.

Tiżżeffen

2. Fil-politika ċertament nafu li t-tajn faċili sabiex jinxteħet. Faċili li wieħed jipprova jiskredita lill-ieħor. Mhux faċili biex wieħed inehhi minn fuqu dak li jinxteħetlu. Ċerti drabi jgħaddu snin twal. Drabi oħra jibqa ħajtu jġorr fuqu dell li ma jeżistix imma li jiżżeffen. Tkun saritlu inġustizzja. Waħda li l-piena tagħha jibqa jħallas għaliha anki jekk m’għandux ħtija. Biss il-pożizzjoni tinbidel fejn dak li jkun għandu tort. Il-politika hija f’dan iktar kiefra mal-bnedmin, però daqshekk ieħor taf tkun hekk mal-istati, mal-popli.

Faċili titlef li għandek

3. Ngħidu x’ngħidu, diversi persuni jfittxu li jkollhom kredtu u stima fis-soċjetà. Li jkollhom min ikellimhom b’rispett li jħares lejhom b’opinjoni tajba dwarhom. Ħafna jispiċċaw jgħixu għall-istima, ħafna oħra jaħdmu biss għall-istima. Hija għal diversi valur uniku aqwa mill-muniti tad-deheb f’xi senduq. Proprju għalhekk li jsiru attakki fil-politika sabiex jiskreditaw lil dawk li għandhom kredtu. Proprju għalhekk li daħlet din l-użanza żbaljata u mimlija velenu li minna min m’ għandekx grazzja miegħu tneħħilu l-unur li jgawdi. Hemm min iċedi għaliha u hemm min jibqa ħajtu kollha jikkumbattiha.

Dan diġà iebes

4. Dan fih innifsu huwa diġà komplikat u diffiċili. Però huwa iktar iebes min iġarrab u m’ huhiex fil-politika. Hemm bnedmin fis-soċjetà li jbgħatu t-telf tal-kredtu, jġorru l-marki ta’ tajn apparenti magħhom. Hemm passi innoċenti, fin-normalità tal-ħajja li jiġu interpretati bħala mimlijin ħażen. Hemm azzjonijiet li jsiru minn oħrajn li jew qegħdin direttament jew indirettament kontra bnedmin mhux fil-politika. Hemm ukoll bnedmin fil-politika li jħammġu u jattakkaw dawk li huma barra l-ħajja pubblika. Jġibuhom fid-dawl biex fuqhom jinxteħet tajn li ma jistgħux jirribattu u anqas għandhom s-saħħa biex iwieġbu. Persuni li jsibu ħajjithom titfarrak biċċa biċċa. Dan fil-familja, fix-xogħol fis-soċjetà t-tajn jmisshom u jeħel magħhom.

Fil-bniedem fl-istati

5.L-istati nazzjonali jaġixxu u jgħaddu minn dak li l-bnedmin jgħaddu minnu. L-istati numru ta’ drabi jsibu ruħhom huma wkoll akkużati u mħamġin b’dak li ma għandhomx tort għalih. It-tajn politiku jinxteħtilhom u jkollu effett fuq il-ħajja tal-popli. Fuq id-dinja soċjali, kulturali imma kif l-esperjenza turi, direttament fuq dik ekonomika. Is-suq intern ta’ dawk l-istati, l-prodotti tagħhom, l-kelma tan-negozjanti tiegħu jitqgħedu taħt id-dell. Il-fiduċja tonqos, l-avvjament jitlaq u l-kredtu jitlaq.

Meta titħammeġ

6. Hemm imbgħad dawk li jidhlu fit-tajn huma. Hemm dawk il-bnedmin li jixħtu fuqhom infushom dan l-materjal li jispiċċaw ma jifilhux iġorru. Bnedmin fil-politika għandhom responsabbilità akbar hawn skont l-pożizzjoni li jġorru. Membri parlamentari jsibu l-ġudizzju tal-elettorat li ma jerġax jagħtihom il-kunsens. Ministri jispiċċaw jitneħħew jew jirriżenjaw. Prim Ministri għar minn dan kollu. Fil-bidu jiċħdu, wara jaħirbu minnha, jibdew jattakkaw iktar l-avversarji politiċi tagħhom fl-aħħar jiġi l-mument meta bil-fors jridu jwarrbu.

Seħħ f’pajjiżna

7. Dan kollu seħħ f’pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur. Rajna f’dawn l-aħħar tmienja u erbgħin xahar ċaħda sħiħa ta’ dak li kien loġiku li jsir. Quddiem il-korruzzjoni, quddiem l-omiċidju politiku ta’ Daphne Caruana Galizia la l-Prim Ministru ma ħassx li għandu jieħu xi responsabbilità politika u anqas ra li xi ħadd ieħor jiċċaqlaq. Minflok l-istrategija kienet waħda: dik li taħrab mill-problema, taħrab mit-tajn li kien qiegħed jinġabar billi tidħol f’attakk qawwi kontra l-oppożizzjoni. Tattakka b’saħħa l-mexxej tiegħu b’allegazzjonijiet qawwija. Ssaħħan u tqiegħed pożizzjonijiet politiċi fejn l-għan prinċipali kienet waħda dik li turi l-partit fl-oppożizzjoni maqsum. F’ħafna irnexxielu. Però ma ġiex fejn xtaq. Il-partit rreżista anki jekk kellu jgħaddi mill-proċess intern iebes u perikoluż ta’ mozzjoni ta sfiduċja fit-tmexxija tal-partit.

Ma rnexxilux

8. F’dan kollu kellu l-effett negattiv tiegħu. Huwa li kien diġà fit-tajn ddeċieda li jibda jixħet iktar, ferm iktar tajn fuq ħaddiehor. Direttament fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni. Hemm iva din ir-regola fil-ħajja. Min jkun fil-ħmieg jsib ruħu gustifikat jixħtu fuq ħaddiehor. Min ma jkunx isibha diffiċili għax tajn ma jkollux fil-kaxxa, fil-karattru u f’ħidmietu. Ma jsibx ruħu ġustifikat f’xi mekkaniżmu imwieled mill-kitba ta’ Niccolò Machiavelli. Min jirċievi l-azzjonijiet jrid biss jkompli għaddej sakemm jkun iktar u iktar ċar li dak t-tajn li nxeħet fuqu ġie hekk mixhut inġustament.

Tilef il-partita

9. Biss f’dan kollu huwa iktar u iktar ċar li l-Prim Ministru illum jista’ jgħid li tilef kompletament il-partita. L-istrategija , it-tattika użata kienet ‘l bgħid mid-dawl, ‘l bgħid mis-sewwa, mill-valuri fundamentali tal-ħajja u falliet. Flok aċċetta u kkonfronta il-ħażen li kien qed jgħix miegħu f’Kastilja spiċċa meħud minna. Storja ċertament sewda ħafna. Waħda li terġa tipprova li min imexxi poplu bħal tagħna u jaħrab il-valuri li l-prinċipji etiċi nsara għaddew lid-demokrazija Ewropea jsib ruħu fejn wasal hu.

Il-Futur

10. Ser ikun hemm tentattivi għar-riforma minn naħa tal-Partit Laburista. Dawn m’għandhomx jiċċeknu imma jiġu nkwadrati fl-istorja tal-lum. Jibqgħu dawk li kellhom l-okkazzjoni li jwaqqfu dak li kien qed jiġri u issa jridu jipprovaw jibdew jnaddfu t-tajn li ġie mxerred. It-tajn qiegħed fuq u ġewwa Kastilja. Min ġej irid l-ewwel jagħti rendikont ta’ kemm ‘l tunellata hemm mwaħħla mal-ħitan u mal-art, wara x’passi ser jara li jidħlu biex dan ma jerġa qatt iseħħ u t-tielet x’passi ser jieħu għall-quddiem. It-tajn li għandna huwa wieħed mill-iktar iebes biex jitneħħa. Daħal fil-pori, fit-tessut tal-ħidma tal-Partit Laburista fil-vini, fil-kapillari l-iktar zgħar u rqaq.

Strateġija sħiħa għas-sewwa

11. Il-Partit Nazzjonalista ġie attakkat diversi drabi inġustament. Ġie akkużat li huwa wisq il-partit tar-regoli u tal-liġi. Biss dan tħaddan dejjem għax ħares li jgħaraf li min iżomm l-ordni morali l-ordni wara żżommu. Ħares anzi dejjem fl-imperfezzjoni umana tiegħu li jkollu strateġija sħiħa għas-sewwa. Dan ma kienx il-kaz tal-Partit Laburista f’din il-leġislatura. Anzi kien hemm il-kritika interna li l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Alfred Sant kienet wisq favur r-regoli ta’ ammnistrazzjoni demokratika u għalhekk falla. U għalhekk il-bżonn li jsir kollox ‘l kontra.

Id-dinja tibqa li hija

12. Illum l-effett negattiv hemm qiegħed. Fid-diżordni li kellna f’dawn l-aħħar seba’ snin issa ser ngħaddu mill-proċess ta’ tbagħtija biex niġu lura għall-ordni. L-ekonomija, il-ħajja tal-bnedmin f’din is-soċjetà ser jiġu effettwati fin-negattiv. Diġà naqset ir-rota tal-kummerċ f’dawn l-ġimgħat b’mod qawwi li diġà bdiet tinħass. Issa din tista’ tikber bil-ħruġ ċert tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk ma nifhmux fejn aħna ma nistgħux nibdew niċċaqilqu ‘l quddiem. Jekk ma nirrealizzawx kemm għandna tajn fuqna ma nistgħux nibdew innaddfu.

Kunsill Ġenerali

13. Proprju għalhekk li l-gimgħa fil-jum għaziz meta niċċelebraw ir-Repubblika l-Partit ħass l-urġenza li jlaqqa Kunsill Ġenerali straordinarju. Dan huwa l-partit tar-riforma. Dan huwa dak li għolla isem pajjiżna u huwa dak li għada pit għada ser jkun qiegħed finalment inaddaf. Għax it-tajn hemm qiegħed u dmirna huwa li nkomplu naħdmu biex jitneħħa darba għal dejjem minn fuq ir-Republika Demokratika u Ewropea tagħna.          

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...