4.12.19

Fejn daħħaltna?



1.      Dak li ġara tul din il-ġimgħa, ħadd u xejn ma jista’ jneħħih mill-istorja u l-memorja tal-poplu.  Il-pożizzjoni ħarġet mill-idejn u issa hawn konfużjoni politika tajba.  Ħadd ma huwa jifhem kif, quddiem dak kollu li seħħ, id-deċiżjoni t-tajba tibqa’ ma tiġix  meħuda.  Ħadd ma jifhem kif jista’ jkollok pajjiż mimli, jum wara jum, b’informazzjoni u allegazzjonijiet li jwasslu, l-ewwel, sabiex jitlaq iċ-Chief of Staff f’Kastilja wara żewġ ministri prominenti u protagonisti fil-Gvern, u jibqa’ kollox għaddej qisu ma ġara xejn.

Ħsara irreparabbli

2.      Hija ċertament ħsara li ma tistax iġġibha lura.  Dak li seħħ f’jum wara jum f’dak li l-investigaturi kienu qed isibu ma jistax jinġieb lura.  L-amministrazzjoni preżenti, immexxija kif inhija, ma tistax tirkupraha.  Ġiebet lilha nnifisha f’dan.  Daħlet hija stess fi sqaq li minnu ma hemmx alternattiva, salv waħda: dik ta’ bidla kompleta.  Dik li taqleb l-affarijiet u xi ħadd jibni lura mill-ġdid.  Kemm dan huwa possibbli b’dan il-Gvern, u b’dan il-Partit Laburista ferut, l-istorja trid tgħidilna.  Imma l-pożizzjoni hija dejjem iktar ċara: li l-ħsara hija mmarkata u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna mhix tajba.

Kawża u effetti 

3.      Għidilha ‘ras iebsa’, għidilha ‘pika’, il-fatt jibqa’ li dak li kellu jsir snin twal ilu baqa’ ma sarx.  Il-fatt huwa li minn dak li qed iseħħ, ser ikun hemm konsegwenzi fil-ħajja ta’ kull ġurnata.  Sabiex Kastilja tibqa’ żżomm il-pożizzjoni tagħha ser ikun hemm effetti fuq ħaddieħor.  Fil-ħajja ekonomika diġà, f’dawn l-aħħar snin, konna qed nassistu għal nuqqas ta’ attività kummerċjali.  Fil-ħajja soċjali qed jerġgħu jqumu l-ispettri tal-passat.  Bnedmin qed jikkargaw kontra oħrajn.  Il-qasma li kien hemm ser terġa’ tiġi lura b’iktar kumplikazzjonijiet minn qatt qabel.  Fil-paċi, l-ordni u l-ġustizzja ser inkomplu naraw iktar pressjoni, tensjoni u nuqqas ta’ serenità.

Ħawwadni sabiex nifhem?

4.      Is-sitwazzjoni ma hi ċara xejn.  Hija mimlija b’fatti li jmorru kontra xulxin.  Mimlija b’kurrenti li jindikaw direzzjonijiet differenti.  Il-pajjiż ma jistax jiġbor, fuq naħa, dak li kien ċar li qed jiġbor nies f’daqqa, u fuq l-oħra, dak li jrid jifridhom.  Minflok hemm spjegazzjoni tal-fatti hemm konfużjoni, taħwid sħiħ.  Dik li hija l-verità qegħda tiġi miċħuda.  Dawk li huma l-fatti qed jiġu mċekkna jew imwarrba bħallikieku ma jeżistux.  It-taħwid huwa kbir u ġie miżrugħ intenzjonalment.  Imma l-effett tiegħu huwa li ferm iktar bnedmin mhumiex jaċċettaw dak li qed jgħid il-Prim Ministru u m’għadhomx jafdaw il-kelma tiegħu.

Dritt għall-Verità

5.      Hawn wisq ħabi u nuqqasijiet kbar.  Kien dan il-Prim Ministru li ma riedx li jkun hemm iktar investigazzjoni minn bord indipendenti minnu u l-istituzzjonijiet li jaqgħu taħtu.  Għamel dawn l-aħħar sentejn jaħrab minn din id-deċiżjoni, daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra.  Żamm proċess li seta’ jqabbad ferm qabel dak li f’dawn is-sentejn sħaħ baqa’ ma sarx.  Aġir li ma kienx politikament responsabbli.  Aġir li ġieb dan kollu għax, kif jgħidu: “Tardare si, scappare no.”  Id-dnub ma jorqodx u jrid joħroġ.  F’dan kollu, il-poplu għandu sempliċement dritt fundamentali sabiex tingħadlu l-verità.  Ħidma li l-Oppożizzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni għamlu u li għadha għaddejja f’din it-triq.

Ostakli qawwija

6.      Kien diġà qam il-punt meta ġew imressqa tlett persuni quddiem il-Qrati tagħna.  Kienu diġà ssemmew diversi kumpanniji u bnedmin snin twal ilu.  Imma tħalla kollox wieqaf.  Tħalla kollox jiġi biċċa biċċa f’din il-pożizzjoni, li minnha l-verità hija feruta u mormija.  Li kieku kien hemm il-ħeġġa, u verament ir-riċerka lejn dak li seħħ u min kien verament involut, kieku dan il-proċess sħiħ kien jibda ferm qabel.  Minflok tħalla wieqaf, pendenti.  Il-Gvern Laburista ħarab mill-verità.  Ħarab milli jrendi ġustizzja, u li jidentifika lil min huwa responsabbli.  Il-pożizzjoni hija iktar diffiċli llum.  Illum, fejn l-ispazju politiku hemm min qiegħed jagħmel minn kollox sabiex jingħalaq.

Fid-demokrazija

7.      Il-Gvern daħħalna f’dan l-isqaq.  Il-Gvern mexa fuq in-nies, jaħrab mis-sewwa u l-verità.  Min-naħa tagħna, il-fiduċja hija fid-demokrazija.  Il-fiduċja tagħna hija fil-Poplu Malti, li jifhem dak li huwa għaddej.  Il-fiduċja tagħna hija f’dawk li jridu, u qed ifittxu bir-raġuni, is-sewwa.  Il-fiduċja tagħna hija fis-saħħa tal-verità.  Hija hi li tmexxina u turina dak li hemm, sabiex inkunu nistgħu nibdlu.  Pajjiżna jixraqlu aħjar.  Jixraqlu Gvern differenti minn dan.


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...