17.7.17

Direzzjonijiet politiċi oħra.


 
1. Kull min irid jagħti sehem fil-politika u l-ħajja soċjali għandu numru ta’ dmirijiet kif tkellem tajjeb l-Arċisqof Charles Scicluna fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, pero’  irid ukoll jipprova jkun persuna li kapaċi tasal viċin li taqra is-sinjali taż-żminijiet. Ftit huma dawk li għandhom din il-kapaċita sħiħa. Diversi dawk li għandhom dożi differenti minnha. Huwa proprju għalhekk tajjeb id-djalogu u dibattitu li jwassal lejn dixxerniment aħjar. Għalhekk huwa għaqli li politiku jieħu sehem attiv jew passiv f’dak li huwa presentement għaddej biex jifhem kif iseħħu ċerti eventi u għala dawn jiġru – bħall-ħatra ta’ Jeremy Corbyn bħala mexxej ġdid tal-Partit Laburista Ingliż li għalkemm ikkritikata ferm, tista’ tkun parti minn din id-direzzjoni differenti. Diversi kritiċi ġejjin minn setturi li huma jew fuq il-lemin jew mid-dinja tan-negozju waslu għal konklużjonijiet xejn ottimisti. Jingħad x’jingħad kien hemm żgur għazla konxja mid-delegati fi ħdan dak il-partit b’votazzjoni li wasslet għal appoġġ ta’ kważi 60% tad-delegati.

2. Diġà rajna dak li qatt f’għoxrin sena ma konna nimmaġinaw li ser iseħħ. Partit fuq ix-xellug estrem fil-Greċja mmexxi minn Alexis Tsipras jiġi mogħti mandat elettorali b’saħħtu ħafna f’Jannar . Din d-direzzjoni kienet diġa waħda differenti fiha innifisha, biss daqshekk ieħor żviluppat dik li fiha tul dawn ix-xhur rajniha terġa tinbidel sabiex tneħħi l-elementi iktar estremi tagħha u tmur għal elezzjoni ġenerali oħra u terġa tafferma ruħha f’mandat ġdid. Ma nemminx li dak li qiegħed iseħħ f’żewġ popli fejn l-ispirtu demokratiku mhux nieqes ġej b’kumbinazzjoni jew blugħa. Hemm spjegazzjonijiet li hemm bżonn li napprezzaw ta’ dan kollu. F’Unjoni Ewropeja li fiha għal dawn l-aħħar snin, il-linja politika marret wisq lejn l-lemin. Bniet strutturi riġidi ta’ awsterita li l-impatt tagħhom kien iktar fuq dawk li m’ għandhomx. B’konsegwenza kibret iktar disparità qawwija li fiha biċċiet mill-elettorat qatgħu barra lilhom infushom jistennew l-mument tar-reazzjoni. Dak li jerġgħu jsiru strument t’ azzjoni biex jimxu wara persuni li huma jaraw bhala dawk kapaċi jneħħu dak l-issikkar li hemm fuqhom.

3. Ix-xellug politiku f’dawn l-aħħar snin ra bidliet kbar huwa jmur lejn iċ-ċentru u lura f’diversi pajjiżi. Il-lezzjonijiet li l-istorja għaddiet wara li kien hemm min ipprova jippratika dak li Karl Marx ippriedka sawru esperjenzi varji. Nafu li Marx kien jemmen li r-rivoluzzjoni tal-proletarjat kienet l-mutur tal-istorja. Biss il-forza rivoluzzjonarja tiddependi dejjem minn min isuq il-mutur tagħha. Għax l-istorja uriet li ma humiex il-bnedmin li jiggwidaw ir-rivoluzzjoni imma hija hi li tmexxi naħa jew oħra l-bnedmin. Proprju għalhekk li Antonio Gramsci kien isostni li huwa diffiċili ħafna li timmanuvra l-magna tar-rivoluzzjoni. Proprju għax flok tmur lejn il-libertà mixtieqa tispiċċa f’dittatura fejn il-poter assolut jiġi mpost malajr u b’saħħa. Il-partiti xellugin jgħarfu din l-esperjenza u t-tweġibiet tagħhom għar-rejaltajiet tal-lum qed joħorġu  f’direzzjonijiet differenti ħafna minn dak li diversi bħal Marx sawru f’rashom. Ħadd f’sensih ma huwa ser jidħol f’din il-linja politika u Tsipras u Corbyn dan jafuh tajjeb ħafna. F’dan pero huwa ċar li hawn r-realtà differenti li qedha tisviluppa li trid iktar analiżi mis-sempliċi kundanni li rajna f’ġurnali prestiġjuzi bħal Economist ta’ din il-gimgħa.

4.  L-analizi politika llum tqis li barra r-rivolużjoni marksista hemm dik mmexxija minn setturi ‘l fuq fis-soċjetà, kif definit minn Christopher Lasch, l-“elite” - kif il-poter politiku jiġi f’idejn bnedmin ffurmati l-bogħod mill-għeruq tal-poplu. Għax hemm differenza ċara fil-mod ta’ kif d-deċizjonijiet fuq l-eventi tal-pajjiżi jittieħdu minn dawk li trabbew fit-triq u dawk le. Dawk li kienu fid-“deżert” mal-bnedmin l-oħra huma ferm iktar kapaċi jwassluhom barra minnu minn dawk li anqas għarfien ta’ din it-tbgħatija m’ għandhom. L-ideat tal-lemin sabu art fertili f’min ma beniex dawn ir-rabtiet umani. F’dawk li bit-trobbija jispiccaw jitilfu s-sens tal-bilanc ta’ x’inhu sewwa u x’mhux , x’inhuwa ġust u x’mhux. Tul dawn l-aħħar snin il-konsiderazzjonijiet marbuta mal-bżonnijiet tal-bniedem b’mod partikolari fl-Ewropa naqsu lejn forom diżumani ta’ ekonomija repressiva u magħluqa. Proprju għalhekk is-suq jibqa dak li huwa. L-eventi ta’ dawn is-snin kienu prova ta’ kemm ma huwiex soluzzjoni la għall-problemi ekonomiċi tiegħu u wisq inqas għas-soċjeta u għalhekk kien żball li s-soluzzjoni li rikbet kienet dik li treġġana lura għal ideat li kienu kissruna.

5.   Naturali li dak li seħħ qiegħed jipproduċi reazzjonijiet differenti proprju għax: l-ewwel il-poplu jista’ ma jitkellimx fil-mezzi tax-xandir jew bil-vot tiegħu, biss dan ma jfisserx li qiegħed jaċċetta dak li qiegħed jikkaġunalu ħsara. Il-proposti leġislattivi, il-linji politiċi li Gvernijiet jieħdu jekk ma jirrispettawx it-tessut soċjali u awtentiku fil-poplu jispiċċaw jiġu identfikati bħala forzi ta’ repressjoni. It-tieni  direzzjoni hija lejn iktar politiċi li huma tal-poplu. F’dan hemm id-difensuri tan-nies li jispiccaw vuċijiet solitarji mhux neċessarjament fid-deżert, u hemm ukoll l-mexxejja li warajhom għandhom l-elettorat.  It-tielet għax il-Gvern li huwa identifikat bħala strument tal-bidla, taċ-ċaqliq,  jew huwa nieqes mill-idejat ibbażati fuq viżjoni sħiħa ta’ soċjeta, jew inkella għax dak li jiġi propost jitwieled “kontra n-natura”, jinbet f’imħuħ li ma jgħixux man-nies. Ir-raba’ għax l-idejat ta’ min imexxi jiġu mgħoddija jew bħala parti minn pakkett sfukat, inkella mingħajr sens veru ta’ direzzjoni bbażata fuq valuri sodi , fejn l-istrumenti tal-propaganda jipprovaw jipperswadu f’dak li n-nies ma jistgħux jniżżlu.

6. Naħseb li f’dan hawn kurrenti li qed imexxu u jieħdu saħħa temporanja llum u jkun żball jekk ma nikkonsidrawhomx jew ma nagħtuhomx l-importanza tagħhom. Partit politiku bħal tagħna u f’kull parti fl-Unjoni jagħmel tajjeb li jħares sew lejn dak li qed jingħad. Anki jekk hemm kif għedt min ikkundanna u qed jipprevedi li daqt ser jispiċċaw dawn l-mexxejja, xorta ser ikun hemm effetti fl-immedjat u fiż-żmien li jibqgħu fil-poter. Ngħid b’mod partikolari għal dawk li żbaljatament ilhom jippriedkaw li l-idejat politiċi spiċċaw u issa l-mexxejja politiċi huma li huma fl-idejat skont mhux x’jemmnu imma skont l-impatt  ta’ dak li jgħidu u jwettqu. Jekk fix-xenarju għandek żewġ partiti kbar mmexxija minn bnedmin li huma marksisti, fuq ix-xellug materjalista jkun kontro-indikat jekk wieħed ma jgħarafx dawn xi jġorru fihom.  Ingħad fl-Economist bhala punt inkontestat li Corbyn wassal “a simple and certain vision”.  Din il-vizjoni ser tibda tħabbat mal-irkejjen b’aktar saħħa u risposta għandna bżonn għaliha - waħda li tieħu il-linja li tispjega għala aħna partit taċ-ċentru u li jħaddan politika demokratika nisranija. Jekk seta qabel kien hemm min ħaseb li ċ-ċirkostanzi ma kienux jimmeritaw dan, naħseb li issa dawn hemm bżonnhom.


7.   L-idejat li din id-direzzjoni differenti li Tsipras u Corbyn għandhom minkejja dak li setgħu qalu oħrajn huma ideat li jmissu r-rejaltajiet differenti li jeżistu bħal issa fl-Unjoni Ewropeja. Għalkemm smajna li t-tnejn kienu kontra tagħha, b’ tal-ewwel saħansitra jmexxi lilu innifsu f’linja li joħroġ barra u tat-tieni jingħad li fl-1975 vvota kontra s-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea, xorta qed naraw reazzjonijiet oħra. Tsipras għamel kampanja jiddikjara li post l-Greċja huwa fl-Unjoni Ewropea u Corbyn din il-ġimgħa ddikjara li huwa favur li l-Ingilterra tibqa ġewwa l-Unjoni u li hija strument importanti. Jinghad li qal “We will make the case that membership of the European Union helps Britain to create jobs , secure growth, encourage investment and tackle the issues that cross-border create – like climate change, and the current refugee crisis.” Il-qalb ta’ dawn l-politici tidher ċar li qegħda fuq ix-xellug  materjalista, biss ġejja minn ċertu esperjenzi u aċċettazzjonijiet. Deputat bħal Corbyn li baqa jiġi elett għal tletin sena mill-istess kostitwenza titlob f’dan għarfien differenti.

8. Dak li ghaddej ser ikollu f’dan kollu forza ta’ influenza u bidla. Pajjiżna ser jintmess b’xi mod ukoll fi ħdan l-Unjoni Ewropeja. M’ għandix dubju li fi ħdan il-mexxejja Ewropej u b’mod partikolari dawk li qegħdin fi ħdan il-grupp tal-partiti soċjalisti Ewropej ser jkun hemm caqliq. Fejn dawn ser iwasslu għada pit għada għad irridu naraw. Irridu zġur imma nippreparaw irwiehna aħjar u nifhmu aktar dak li ġej. Ikun żball jekk jiġu injorati jew imwarrbin. Fl-aħħar tal-jum jiddependi fuq kemm aħna, il-politiċi, inkunu iktar ffurmati u kemm aħna ppreparati nifhmu. Hu x’inhuwa jidher li qiegħed jinfetaħ staġun ieħor forsi b’reazzjoni għal dak li għadda, però jibqa wieħed differenti minn dak li rajna qabel - wiehed li jitlob attenzjoni minn għandna.    

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...