17.7.17

Nibqa’ nemmen fil-bniedem.


 
1.      Għaddiet ġimgħa oħra f’dan l-istaġun politiku li huwa iebes u diffiċli għalina fil-Partit Nazzjonalista.  It-telfa elettorali u l-konsegwenzi li ġiebet magħha irrendew minna l-iktar bżonn ta’ riflessjoni serja fuq il-futur tagħna.  M’aħniex mingħajr direzzjoni.  Biss, irridu naċċettaw li d-daqqiet politiċi li ħadna għandhom inisslu fina l-bżonn li nieħdu lezzjonijiet.  Min f’dan jitlaq jiġri, bħal ma forsi hemm min għandu t-tentazzjoni li jagħmel mingħajr ma jieqaf jaħseb, ikun qed jagħmel ħsara lilu nnifsu u lil ħaddieħor.

Dixxendenti ta’ San Tumas

2.      Iktar ma niltaqa’ ma tesserati u kunsilliera tal-partit, ninnota f’dan il-messaġġ li ftit huma dawk li jridu jgħaġġlu.  Jekk qabel kellna numru ta’ segwaċi li kienu dixxendenti diretti tal-appostlu San Tumas, issa żidna ferm u ferm iktar.  Hemm maġġoranza ta’ bnedmin li taw ħafna mill-ħin tagħhom fil-ħidma politika li mhumiex lesti jivvutaw għal dak u għall-ieħor jekk ma jkunux ċerti.  Ċerti li dak li qed jaraw u jisimgħu huwa minnu u mhux apparenza.  Is-sagrifiċċji li jsiru kontinwament minn dawn il-persuni jixirqilhom dan il-proċess attent ta’ għażla.  Iktar u iktar illum li jafu li l-Gvern qiegħed jikkarga f’azzjonijiet li jolqtuhom direttament fil-laħam il-ħaj.

Vuċi ugwali

3.      Ħafna ħarġu għonqhom fil-ħidma politika li għaddejna minnha.  Intilfu wara l-partit u ħadmu mingħajr ma staqsew ħafna domandi.  Biss, illum dan qiegħed jinbidel.  Qed jikber internament il-bżonn taċ-ċertezza, u fl-istess ħin ta’ politika li hija iktar maqbula u diskussa.  Dan, f’ħafna pożizzjonijiet, huwa għalija pożittiv.  Il-ġenerazzjoni li tlajt magħha taf il-partit bħala dak li fih konna niddiskutu, niddibattu, ma naqblux, imma fl-aħħar naslu għal deċiżjoni li torbotna lkoll.  Kien hemm proċess normali li bih, u ġewwa fih, kull membru kien jaf li l-vuċi tiegħu hija ugwali daqs ta’ ħaddieħor.

Kontra l-kult tal-personalità

4.      Kellna avversità tal-kult tal-personalità li dak iż-żmien konna mdawrin bih u llum, wara tant snin, qed nerġgħu nsibu lura ma’ saqajna.  Il-politiku mhuwiex ogħla mil-liġi; anqas mill-poplu.  Imexxi f’isimhom, fejn il-bieb tal-umiltà jibqa’ miftuħ.  Jisma’ u jagħti każ, mingħajr ma  jaħseb li huwa tant illuminat li jista’ jiġbed fejn irid għax għandu l-poter f’idejh.  Jista’ ma jaqbilx ma’ politiċi oħra madwaru fuq l-interpretazzjoni tar-realtà u ta’ dak li huwa bżonnjuż u aċċettabbli.  Biss, irid ikun dak il-bniedem li għandu idejh fuq il-polz tal-pajjiż u jifhem it-tessuti kollha bl-aspirazzjonijiet u b’dak li jippretendu minn tmexxija politika serja.

Silence

5.      Dan iktar u iktar meta qegħdin għal darb’oħra f’xenarju li jrid jirrepeti ruħu magħna, kif jagħmel ma’ stati oħra.  F’konflitt kontinwu ta’ ideat bejn min huwa favur il-valuri li joħorġu mill-Kristjaneżmu u min mhuwiex.  Li nsibuh il-ħin kollu.  Tul dawn il-jiem erġajt komplejt naqra l-ktieb ‘Silence’ ta’ Shusaku Endo, li huwa mimli b’ferm iktar sens u sustanza milli ħsibt.  Fejn f’mument minnhom, f’diskussjoni apparentement ta’ ftit valur, sibt dan id-diskors tal-inkwiżitur sekulari Ġappuniż indirizzat lejn saċerdot: “Father, we are not disputing about the right or wrong of your doctrine.  The reason we have outlawed Christianity in Japan is that, after deep and earnest consideration, we find its teaching of no value for the Japan of today”.

Mitt sena ilu

6.      Tul din il-ġimgħa, il-Ħamis 13 ta’ Lulju 2017 missejna ma’ appuntament storiku ieħor.  Il-mitt sena mit-tielet dehra tal-Madonna ġewwa Fatima f’xenarju politiku identiku.  Ta’ bnedmin li, bħall-Ġappuniż Inoue, jidħku bihom infushom f’li jiddikjaraw u jemmnu li l-valuri Nsara mhumiex ta’ valur fil-ħajja ta’ kull jum.  Li però, quddiem dawk id-dehriet lil tlett itfal mill-iktar innoċenti jsibu l-gazzetti, l-istituzzjonijiet ta’ dawk li kienu kontra li jiċċertifikaw li seħħew.  L-anti-Kristjaneżmu jiċċertifika l-preżenza vera tal-Kristjaneżmu.  Isir xhud ta’ dak li huwa jiċħad.  Punti rilevanti iktar f’din is-soċjetà fejn hemm tradizzjoni ħajja ta’ bnedmin li huma konvinti li dan it-tagħlum huwa ta’ valur u rilevanti.

Luigi Sturzo

7.      Realtà li m’għandhiex tiġi injorata.  Però, bħal eżempji ta’ oħrajn, hemm min irid jitlef il-ħin tiegħu f’din iċ-ċaħda.  Bid-differenza li l-preżenza ta’ partit politiku li jagħraf li dawn il-valuri huma ta’ ispirazzjoni għalih ma jfissirx li huwa għandu jipprova jsir knisja.  Irid jifhem il-pożizzjoni politika u jirreaġixxi bħala partit.  Jista’ jagħżel tajjeb u jista’ ħażin.  L-għażla ssir minn bnedmin mhux dejjem ispirati, anqas iggwidati tajjeb, anqas aċċettati mill-maġġoranza.  F’dan, proprju għax m’aħniex il-Knisja, aħna bnedmin f’partit politiku bid-diffikultajiet, ideat u deċiżjonijiet ta’ dak li aħna.  Kif kien qal tajjeb Luigi Sturzo: “È superfluo dire perché non ci siamo chiamati partito cattolico: I due termini sono antitetici; il cattolicesimo è religione, è universalità; il partito è politica, è divisione”.

8.      Il-passat reċenti u l-preżent attwali mhumiex faċli għalina bħala partit, ma hemmx dubju.  Biss, dmirna huwa li nħarsu ‘l quddiem.  Fuq dak li ddeċidejna għandna r-responsabbiltà politika.  Il-jiem li ġejjin juruna iktar jekk dak li għamilna kienx tajjeb jew le.  Biss ħarsitna hija, iktar minn qabel, lejn il-futur.  Inħarsu lejn dak li għad irridu naffrontaw minn dawk li ma jaqblux magħna.  Niġbdu b’umiltà iktar lil dawk li, anke jekk ma jaqblux magħna, għandhom l-opportunità li jieħdu sehem fil-proċess ta’ bidla interna li għandna bżonn.  Illum, waqt li fortunatament niċċelebraw il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu, inħares iktar b’fiduċja ‘l quddiem.  Dan għax anke fil-politika, nibqa’ nemmen fil-bniedem u fl-abbiltà tiegħu li jagħżel is-sewwa minn dak li mhuwiex.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...