1.6.14

Ma naqgħux fin-nassa.



1.             Għandna moħħ aħna wkoll.  Kapaċi nanalizzaw aħna wkoll.  Nifhmu dak li qiegħed jipprova jġegħlna nifhmu l-Partit Laburista.  Nifhmu kemm qiegħed juża s-sitwazzjoni proprju sabiex jibgħat messaġġi tal-kontra ta’ dak li hu.  F’dan ngħid li ma hemmx dubju li hemm biża’ minn dak li huwa kapaċi jwettaq Simon Busuttil.  Il-Prim Ministru jaf tajjeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni għax kien jarah jaħdem fil-Parlament Ewropew meta t-tnejn kienu membri jirrappreżentaw lil pajjiżna.  Jaf li fi ftit żmien kien il-persuna li minn fost l-ewwel eletti kien eċċella għax ħadem u sew.  Ma hemmx dubju li jaf x’inhu t-talenti tal-Kap tagħna.

2.      Ma hemmx dubju li l-Partit Laburista qiegħed illum, iktar mill-bieraħ, jipprova jixħet f’dell negattiv persuna mill-iktar valida.  Nafu li huwa imperattiv għalihom li jippruvaw jaħsduh mill-ewwel u jpinġu lill-Kap tagħna bħal dak li huma sfortunatament kellhom għal numru ta’ elezzjonijiet.  Dan id-diskors negattiv li ħarġu minn jum l-elezjoni għal tlett ijiem sal-Erbgħa filgħodu kien f’din id-direzzjoni, b’qawwa u b’appoġġ volontarju jew involontarju ta’ ċertu persuni.  Dan hua iktar ta’ min jikkunsidra sew meta kien mill-iktar evidenti li l-Gvern, fl-aħħar ġimgħatejn tal-kampanja elettorali kien qiegħed jibża’ bil-kbir.  Kien tant evidenti li dak li kienu qed jippubblikaw il-gazzetti lokali ta’ kull nhar ta’ Ħadd, b’mod partikolari il-Malta Today (li ma’ kull elezzjoni ċċumbathom), kien qiegħed jindika li kien hemm ċaqliċ pożittiv lejn il-Partit Nazzjonalista.

3.      Il-biża’ li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil kien ser iwettaq din id-differenza immedjata wasslet għal ħmistax-il ġurnata ta’ wegħdi, tqassim fuq naħa u fuq l-oħra trasferimenti u messaġġi varji.  Kien evidenti li ftit kienu dawk li kienu qed jistennew dan ir-riżultat, inkluż l-istess Prim Ministru.  Ma stennihx għax tant l-istħarriġ kien kontra li ma setax jemmen li dak li qegħdu u qassmu fl-aħħar ħinijiet kellu dan l-effett fuq l-elettorat.  Il-miżuri li ttieħdu kienu sproporzjonati proprju għax fehmu li kienu qegħdin jissugraw li jitilfu sew.  F’dan però ħallsu prezz għoli li iktar ‘il quddiem għad irridu naraw il-konsegwenzi tiegħu.

4.      Dan huwa interessanti, biex ngħid l-inqas.  Kap li rnexxielu jirbaħ b’36,000 vot sena ilu, f’sitwazzjonijiet normali ma kellu għalfejn jasal fil-pożizzjoni li biha ġieb ruħu.  Jekk naraw u niftakru ftit insibu li l-aħħar jiem kienu mimlija b’dikjarazzjonijiet varji fuq kollox.  Mhux biss tal-Prim Ministru, imma anki ta’ diversi ministri li ħafna minnhom f’kull trasmissjoni tal-aħbarijiet kienu qed jiksru r-rekord tad-dehriet.  Għal kull min qiegħed fil-politika kien qiegħed jagħraf b’mod mill-iktar evdienti sinjali ta’ diffikultajiet immexxija minn protesti varji li wassluhom jieħdu d-deċiżjonijiet li ħadu.  Irnexxielhom, ma hemmx dubju.  Ġiebu l-maġġoranza li kellhom imma dan m’għandux idaħħalna fil-morsa ta’ nassa.

5.      Dan għax ir-riżultat elettorali tal-Parlament Ewropew jaħbi ferm iktar milli juri.  Dan aħna nafuh u ngħarfuh.  Hemm protesti varji u hemm ukoll astensjonijiet għal raġunijiet tant ieħor numerużi.  Smajna bihom proprju għax in-nies jitkellmu.  Personalment kont xettiku u ma kontx qiegħed nistenna wisq, però dak li kien qiegħed jidher ripetutament fil-gazzetti kien qiegħed iqajjem l-aptit ta’ diversi.  U wieħed seta’ jifhem għax, għall-kuntrarju ta’ dak li kien qiegħed jidher il-partit, b’Simon Busuttil, għamel ħafna tibdiliet u ħadem tajjeb ħafna.  F’dawn ix-xhur rajna l-partit imur f’diversi lokalitajiet jaqbad linji ġodda.  Tul dan il-perjodu konna pożittivi fuq diversi punti.  Bdejna stil kompletament differenti ta’ kif inkunu Oppożizzjoni.  Ippreżentajna mozzjonijiet pożittivi, diversi oħra ċaqilqu ‘l-Gvern, kif ukoll ippreżentajna abbozzi li saru liġijiet.  Ħadna ħsieb inkunu ‘l fuq minn kull politika partiġġjana u vvutajna favur il-President tar-Repubblika, ħaġa li l-Partit Laburista ma kienx kapaċi jagħmel.

6.      Il-verità hija li l-mezzi tax-xandir, l-istrumenti tal-propaganda huma sodi f’idejn il-Gvern.  Mhux biss, imma rridu naċċettaw li l-kwantità ta’ flejjes li ntefqu f’riklami u f’karti, f’ittri, tant kienu qawwija u mingħajr kontroll li qatt ħadd ma ra qabel bħalhom.  Dan ovvjament fetaħ toroq ta’ konvinzjoni li kontra tagħhom m’aħniex f’pożizzjoni li nwieġbu bl-iżvantaġġi varji li għandna.  It-tajjeb kollu li għamilna ġie inġustament oskurat b’messaġġ tagħhom li aħna minflok konna negattivi.  Dan żdied iktar u iktar meta wieħed kien qiegħed jisma’ u jara lill-Prim Ministru ma qagħadx anqas lura milli jipprova jerġa’ jsaħħan u jikkarga żżejjed lin-nies tiegħu.  Parti integrali mill-istrateġija tiegħu kienet li jġib lil numru ta’ persuni jerġgħu jivvutaw kontra l-Partit Nazzjonalista fuq dak li kien u mhux fuq dak li huwa llum.  Il-propaganda kienet verament b’saħħitha tant li ħadmet ma’ ħafna.

7.      L-aġenda tal-Partit Laburista llum hija iktar u iktar fil-beraħ: dik li toskura lil Simon Busuttil.  Biss, ħadd ma jista’ jmeri li għamilna ċaqliq fil-proċess intern ta’ bidla.  Anqas, fuq in-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jiċħad li r-realtà hi li fl-aħħar tal-għadd tal-voti, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu, kontra kollox, iwassal għar-riżultat li eleġġa tlett deputati kontra t-tlieta tal-Gvern.  Hemm ferm iktar x’tagħmel, ma hemmx dubju.  Qegħdin fl-ewwel sena ta’ ħidmietna u għad fadlilna x’nagħmlu, però ħadd ma huwa sejjer idaħħalna fin-nassa li naraw il-kontra ta’ dak li huwa.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...