1. Bħal sajjetta fil-bnazzi, tul dan is-sajf sibtni rrid nikkumbatti għal saħħti. Kont għadni kif spiċċajt l-aħħar laqgħa tal-Kabinett tal-1 ta’ Awissu u ħarist li nipprova niddedika ftit siegħaT kuljum sabiex nirkupra u nerġa’ nġib lura lili nnifsi wara xhur ta’ impenn li l-kriżi Libjana ġiebet magħha. Mis-17 ta’ Frar (jum twelidi) 'l hawn, kont impenjat Sibt u Ħadd, sija hawn kif ukoll barra minn xtutna. Sibtni f’laqgħat xejn faċli, mdawwar minn persuni li ma kienux fehmu mill-ewwel l-effett u l-impatt tal-eventi fil-Libja. Esperjenza unika li xi darba forsi għad nikteb dwarha.
2. Ma kellhiex tkun. Minflok nistrieħ kelli nissottometti ruħi għal operazzjoni – waħda xejn faċli, li però jidher li għaddiet b’wiċċ il-ġid hi wkoll. Għaddejt ġimgħat l-Isptar Mater Dei, sija qabel kif ukoll wara. Sibtni fost l-iktar persuni dedikati, jikkurawni u jassiguraw li jsir dak li kien hemm bżonn. Fis-swali li kont fihom sirt naf ħafna bnedmin b’esperjenza li ħadu ħsiebi sew. Kelli x’niffaċċja. Sija bl-istat ta’ saħħti, kif ukoll bid-diversi kwistjonijiet oħra li qamu tul is-sajf. Uħud serji mod, uħud mod ieħor li kkonfrontajt, però żgur mhux forsi kelli l-konfort ta’ diversi mediċi u infermiera li raw li ma jkun jonqosni xejn. Wara ftit issib lilek innifsek f’familja waħda sħiħa. Issir taf lil ta’ madwarek u huma jsiru jafuk aħjar.
3. Ma nafx kif naqbad nirringrazzja lil dawn il-bnedmin ġentili fl-Isptar, li meta tkun ġewwa fih tirrealizza kemm huwa attrezzat tajjeb, sija fl-esperjenza tal-bnedmin kif ukoll fl-apparat mill-iktar modern u avvanzat. Bħal ma anqas ma nista’ noqgħod lura milli nirringrazzja lid-diversi persuni li b’xi mod jew ieħor bagħtu jawgurawli fejqan. Diversi ġew jarawni l-Isptar, speċjalment qabel l-operazzjoni billi wara ma kellix saħħa sabiex inkompli magħhom. Stajt nara u nħoss b’idejja u b’qalbi x-xewqat sbieħ tagħhom. Verament ma nafx kif naqbad nirringrazzjahom. Bħal ma anqas ma nista’ noqgħod lura milli nirringrazzja lil diversi li, għalkemm ma ġewx, però talbu għalija. Nemmen fit-talb u fis-saħħa li dan għandu, iktar u iktar illum meta naf kif stajt inkun u f’dak li jien.
4. Verament ma nafx kif naqbad ngħid “grazzi” lil kwantità kbira ta’ persuni li sabu lill-familjari tiegħi, staqsew għalija u wrew li kienu inkwetati għal dak li kelli fiċ-ċirkostanzi. Illum għadni naħdem mid-dar għax waqaft għal ġimgħa biss wara l-operazzjoni u għalkemm qed nagħmel ħilti, xorta waħda hemm it-trapass taż-żmien li bilfors irid jgħaddi minn fuqi. Però, anke jekk għadda ż-żmien, għadni sallum nirċievi kartolini, telefonati u messaġġi mingħand diversi persuni ta’ rieda tajba.
5. Għad fadlilna quddiemna x’naħdmu u x’nagħmlu. Dan iqawwili dejjem iktar qalbi fil-volontà li nkomplu nibdlu dan il-pajjiż. Fortunatament għalija, drajt ħajti nitla’ għat-telgħa fid-diversi sitwazzjonijiet diffiċli li sibt ruħi fihom. Il-ġenituri tiegħi ħadu ħsieb li ngħix fil-ħajja u mhux il-bogħod minnha. Għad għandi diversi riservi ta’ enerġija li bihom irrid nagħti l-kontribut sabiex il-pajjiż u l-poplu li jgħix fih ikompli jieħu benefiċċju. Qatt ma kont xi konservattiv u rrid inkompli f’din il-linja ta’ tibdil li naf li minnu sar il-ġid.
6. M’għandix indiema mill-ħidma li wettaqt f’dawn is-snin, iktar u iktar f’dawn l-aħħar xhur. Issa, iktar u iktar li għandna l-aħbar li l-gwerra ċivili fil-Libja intemmet. B’demokrazija fil-Libja ser jikber dan il-poplu u dan ser iservi, l-ewwel ta’ iktar paċi u stabilità, u t-tieni, tixrid ikbar tal-ġid komuni. Prospetti għall-futur li jridu jiġu meħuda u sfruttati b’attenzjoni. Grazzi mill-ġdid u nittama li mill-Ħadd li ġej nerġa’ naqbad din it-triq regolari ta’ kitba u riflessjoni.
CARMELO MIFSUD BONNICI
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
1 comment:
Sur Mifsud Bonnici, dak iz-zmien li kont qieghed l-isptar inti, kumbinazzjoni kien hemm il-genituri tieghi, li wkoll ghamlu operazzjoni xejn facli, ghallinqas f'ghajnejja - f'ghajnejn is-surgeons hija operazzjoni komuni - ommi tat kilwa lil missieri. Kemm domna l-isptar, kemm huma, kif ukoll ahna bhala qraba, sibna kenn u min jifmhek mill-istaff verament bravu u ddedikat f'Mater Dei. Nghidlek il-verita, kif rajt kemm id-driver tieghek u il-karozza tieghek hemm , indunjat li anke inti stajt qed tghaddi minn zmien ikrah, u ftit wara sirt naf li inti wkoll kellek tghaddi minn operazzjoni. Ftakart fik u fil-familja tieghek ghax dak iz-zmien tinduna li kull min ikun hemm l-isptar, kollha jghaddu minn zmien mhux daqshekk facli. Nawguralek li jghaddi kollox b'wicc il-gid.
Post a Comment