1. Tlaqna din il-ġimgħa nisimgu l-vanġelu f’jum fejn niċċelebraw
il-festa tal-patruna antika ta’ dawn il-gżejjer, Santa Luċija. Qrajna dwar il-qlajjiet u t-tajn reliġjuż li
kien inxeħet lejn San Ġwann Battista u Sidna Ġesù Kristu. Kliem li jipprova jiskredita u jċekken. Kliem li rridu nżommu quddiemna.
Tiżżeffen
2. Fil-politika,
ċertament nafu li t-tajn faċli sabiex jinxeħet.
Faċli li wieħed jipprova jiskredita lil ieħor. Mhux faċli biex wieħed ineħħi minn fuqu dak
li jinxeħetlu. Ċerti drabi, jgħaddu snin
twal. Drabi oħra, jibqa’ ħajtu jġorr
fuqu dell li ma jeżistix, imma li jiżżeffen.
Tkun saritlu inġustizzja. Waħda
li l-piena tagħha jibqa’ jħallas għaliha, anke jekk m’għandux ħtija. Biss, il-pożizzjoni tinbidel fejn dak li jkun
għandu tort. Il-politika hija f’dan
iktar kiefra mal-bnedmin, però daqshekk ieħor taf tkun hekk mal-Istati,
mal-popli.
Faċli titlef li għandek
3. Ngħidu
x’ngħidu, diversi persuni jfittxu li jkollhom kredtu u stima fis-soċjetà. Li jkollhom min ikellimhom b’rispett, li
jħares lejhom b’opinjoni tajba dwarhom.
Ħafna jispiċċaw jgħixu għall-istima; ħafna oħra jaħdmu biss
għall-istima. Hija, għal diversi, valur
uniku, aqwa mill-muniti tad-deheb f’xi senduq.
Proprju għalhekk li jsiru attakki fil-politika: biex jiskreditaw lil
dawk li għandhom kredtu. Proprju
għalhekk li daħlet din l-użanza żbaljata u mimlija velenu li minnha, lil min
m’għandekx grazzja miegħu, tneħħilu l-unur li jgawdi. Hemm min iċedi għaliha u hemm min jibqa’,
ħajtu kollha, jikkumbattiha.
Dan diġà iebes
4. Dan, fih
innifsu, huwa diġà kumplikat u diffiċli.
Però, huwa iktar iebes min iġarrab u mhuwiex fil-politika. Hemm bnedmin fis-soċjetà li jbatu t-telf
tal-kredtu, iġorru l-marki ta’ tajn apparenti magħhom. Hemm passi innoċenti, fin-normalità tal-ħajja
li jiġu interpretati bħala mimlija ħażen.
Hemm azzjonijiet li jsiru minn oħrajn li jew qegħdin direttament, jew
indirettament, kontra bnedmin mhux fil-politika. Hemm ukoll bnedmin fil-politika li jħammġu u
jattakkaw lil dawk li huma barra l-ħajja pubblika. Iġibuhom fid-dawl biex fuqhom jinxeħet tajn
li ma jistgħux jirribattu, u anqas għandhom is-saħħa biex iwieġbu. Dan fil-familja, fix-xogħol, fis-soċjetà
t-tajn imisshom u jeħel magħhom.
Fil-bniedem, fl-Istati
5. L-Istati
nazzjonali jaġixxu u jgħaddu minn dak li l-bnedmin jgħaddu minnu. L-Istati, numru ta’ drabi jsibu ruħhom, huma
wkoll, akkużati u mħammġa b’dak li m’għandhomx tort għalih. It-tajn politiku jinxeħtilhom u jkollu effett
fuq il-ħajja tal-popli. Fuq id-dinja
soċjali, kulturali, imma kif l-esperjenza turi, direttament fuq dik
ekonomika. Is-suq intern ta’ dawk
l-Istati, il-prodotti tagħhom, il-kelma tan-negozjanti tiegħu jitqegħdu taħt
id-dell. Il-fiduċja tonqos, l-avvjament
jitlaq u l-kredtu jitlaq.
Meta titħammeġ
6. Hemm imbagħad
dawk li jidħlu fit-tajn huma. Hemm dawk
il-bnedmin li jixħtu fuqhom infushom dan il-materjal li jispiċċaw ma jifilħux
iġorru. Bnedmin fil-politika għandhom
responsabbiltà akbar hawn, skont il-pożizzjoni li jġorru. Membri Parlamentari jsibu l-ġudizzju
tal-elettorat li ma jerġax jagħtihom il-kunsens. Ministri jispiċċaw jitneħħew jew
jirriżenjaw. Prim Ministri agħar minn
dan kollu. Fil-bidu jiċħdu, wara jaħarbu
minnha, jibdew jattakkaw iktar ‘l-avversarji tagħhom u fl-aħħar jiġi l-mument
meta bilfors iridu jwarrbu.
Seħħ f’pajjiżna
7. Dan kollu
seħħ f’pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur.
Rajna, f’dawn l-aħħar tmienja u erbgħin xahar, ċaħda sħiħa ta’ dak li
kien loġiku li jsir. Quddiem
il-korruzzjoni, quddiem l-omiċidju politiku ta’ Daphne Caruana Galizia, la
l-Prim Ministru ma ħass li għandu jieħu xi responsabbiltà politika, u anqas ra
li xi ħadd ieħor jiċċaqlaq. Minflok,
l-istrateġija kienet waħda: dik li taħrab mill-problema, taħrab mit-tajn li
kien qiegħed jinġabar billi tidħol f’attakk qawwi kontra l-Oppożizzjoni. Tattakka b’saħħa ‘l-mexxej tiegħu
b’allegazzjonijiet qawwija. Issaħħan u
tqiegħed pożizzjonijiet politiċi fejn l-għan prinċipali kien wieħed: dak li
turi ‘l-partit fl-Oppożizzjoni maqsum.
F’ħafna, irnexxielu. Però ma ġiex
fejn xtaq. Il-Partit irreżista, anke
jekk kellu jgħaddi mill-proċess intern, iebes u perikoluż ta’ mozzjoni ta’
sfiduċja fit-tmexxija tal-Partit.
Ma rnexxilux
8. F’dan kollu,
kellu l-effett negattiv tiegħu. Huwa li
kien diġà fit-tajn, iddeċieda li jibqa’ jixħet iktar, ferm iktar tajn fuq
ħaddieħor. Direttament fuq il-Kap
tal-Oppożizzjoni. Hemm, iva, din
ir-regola fil-ħajja. Min ikun fil-ħmieġ
isib ruħu ġustifikat jixħtu fuq ħaddieħor.
Min ma jkunx isibha diffiċli, għaliex ma jkollux it-tajn fil-kaxxa,
fil-karattru u f’ħidmietu. Ma jsibx ruħu
ġustifikat f’xi mekkaniżmu imwieled mill-kitba ta’ Niccolò Macchiavelli. Min jirċievi l-azzjonijiet irid biss ikompli
għaddej sakemm ikun iktar, u iktar ċar, li dak it-tajn li nxeħet fuqu ġie hekk
mixħut inġustament.
Tilef il-partita
9. Biss, f’dan
kollu huwa iktar u iktar ċar li l-Prim Ministru llum jista’ jgħid li tilef
kompletament il-partita. L-istrateġija,
it-tattika użata kienet ‘il-bgħid mid-dawl, ‘il-bgħid mis-sewwa, mill-valuri
fundamentali tal-ħajja, u falliet. Flok
aċċetta u kkonfronta l-ħażen li kien qiegħed jgħix miegħu f’Kastilja, spiċċa
meħud minnu. Storja ċertament sewda
ħafna. Waħda li terġa’ tipprova li min
imexxi poplu bħal tagħna u jaħrab mill-valuri li l-prinċipji etiċi Nsara
għaddew lid-demokrazija Ewropea jsib ruħu fejn wasal hu.
Il-futur
10. Ser ikun hemm
tentattivi għar-riforma min-naħa tal-Partit Laburista. Dawn m’għandhomx jiċċekknu, imma jiġu
nkwadrati fl-istorja tallum. Jibqgħu
dawk li kellhom l-okkażjoni li jwaqqfu dak li kien qed jiġri, u issa jridu
jippruvaw jibdew inaddfu t-tajn li ġie mxerred.
It-tajn qiegħed fuq u ġewwa Kastilja.
Min ġej irid, l-ewwel, jagħti rendikont ta’ kemm-il tunnellata hemm
imwaħħla mal-ħitan u mal-art; wara x’passi ser jara li jidħlu biex dan ma
jerġa’ qatt iseħħ; u t-tielet, x’passi ser jieħu għall-quddiem. It-tajn li għandna huwa wieħed mill-iktar
iebes biex jitneħħa. Daħal fil-pori,
fit-tessut tal-ħidma tal-Partit Laburista, fil-vini, fil-kapillari l-iktar
żgħar u rqaq.
Strateġija sħiħa għas-sewwa
11. Il-Partit
Nazzjonalista ġie attakkat, diversi drabi, inġustament. Ġie akkużat li huwa wisq il-partit tar-regoli
u tal-liġi. Biss, dan tħaddan dejjem
għax ħares li jagħraf li min iżomm l-ordni morali, l-ordni, wara, iżżommu. Ħares, anzi, dejjem fl-imperfezzjoni umana
tiegħu li jkollu strateġija sħiħa għas-sewwa.
Dan ma kienx il-każ tal-Partit Laburista f’din il-leġislatura. Anzi, kien hemm il-kritika interna li
l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Alfred Sant kienet wisq favur ir-regoli
ta’ amministrazzjoni demokratika, u għalhekk falla. U għalhekk il-bżonn li jsir kollox il-kontra.
Id-dinja tibqa’ li hija
12. Illum,
l-effett negattiv hemm qiegħed.
Fid-diżordni li kellna f’dawn l-aħħar seba’ snin, issa ser ngħaddu
mill-proċess ta’ tbatija biex niġu lura għall-ordni. L-ekonomija, il-ħajja tal-bnedmin f’din
is-soċjetà ser jiġu effettwati fin-negattiv.
Diġà naqset ir-rota tal-kummerċ f’dawn il-ġimgħat b’mod qawwi li diġà
bdiet tinħass. Issa din tista’ tikber
bil-ħruġ ċert tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk ma nifhmux fejn aħna, ma nistgħux nibdew
niċċaqilqu ‘l quddiem. Jekk ma
nirrealizzawx kemm għandna tajn fuqna, ma nistgħux nibdew innaddfu.
Kunsill Ġenerali
13. Proprju
għalhekk li l-ġimgħa, fil-jum għażiż meta niċċelebraw ir-Repubblika, il-Partit
ħass l-urġenza li jlaqqa’ Kunsill Ġenerali stratordinarju. Dan huwa l-partit tar-riforma. Dan huwa dak li għolla isem pajjiżna u huwa
dak li għada pitgħada ser ikun qiegħed finalment indaddaf. Għax it-tajn hemm qiegħed, u dmirna huwa li
nkompu naħdmu biex jitneħħa darba għal dejjem minn fuq ir-Repubblika
Demokratika u Ewropea tagħna.