1. Ma’ kull ġimgħa nsibu biċċiet ta’
informazzjoni interessanti. Fatti u
analiżi tagħhom li jafu jgħinuna niddixxernu aħjar. Nifhmu iktar dak li qed inwettqu u
r-riżultati tagħhom. Minnhom, f’numru
sew ta’ drabi, insibni nkejjel u nara li qisna rridu naqilbu d-dinja ta’ taħt
fuq. Flok nimxu bl-ordni soċjali
naturali u normali rridu nimponu ordni materjali u ekonomiku li huwa kontra
l-bniedem. Nivvintaw sistemi ġodda,
ħafna drabi bbażati fuq intenzjonijiet li jidhru retti li fil-prattika, però,
iservu sabiex iġibu fis-seħħ il-kuntrarju ta’ dak li trid sewwasew is-soċjetà
tagħna. Fir-realtà nara li ħafna jinjoraw snin ta’ esperjenzi umani u jaħsbu li
qed jivvintaw ir-rota mill-ġdid.
L-importanza tal-familja
2. F’dan il-mod partikolari qed naraw kif
l-importanza tal-familja qegħda tmur lura.
Il-prijoritajiet soċjali tagħna hawn qed iċedu lura għal oħrajn, bażati
fuq prinċipji totalment ekonomiċi. Flok
noħolqu strutturi diretti biex isostnu ‘l-koppji li jridu li jkollhom u jrabbu
l-ulied huma, qed immorru minflok f’miżuri li jħajruhom ma jkollhomx tfal. Il-messaġġ huwa li ma jaqbillekx tibni
familja u li jkollok it-tfal. F’rapport
reċenti tal-Eurostat dwar il-faqar fis-soċjetà tagħna ġie rappurtat hekk:
“Fil-fatt ir-rapport jgħid li għal kull tarbija addizzjonali li jkollha
l-familja, iċ-ċans li l-mara jew agħar minn hekk il-familja kollha tispiċċa
fil-faqar dejjem jiżdied. Dan jiġi
kkawżat mill-fatt li fil-familja tidħol persuna oħra li trid tiġi mitmugħa,
iżda jonqos iċ-ċans tal-mara biex tmur taħdem”.
Kliem li jitkellmu waħedhom u juru d-direzzjoni li sfortunatament
qbadna.
Għaqda u stabilità
3. Dan huwa messaġġ li jistona u jmur kontra
l-ħajja u t-tagħlim ta’ missirijietna.
Ngħid dan għax ta’ qabilna fil-Kodiċi Ċivili tagħna, fit-tieni artikolu
tiegħu, u għalhekk fuq quddiemnett, b’viżjoni ċara jiddikjara li l-liġi għandha
tippromwovi l-għaqda u l-istabilità fil-familja. Mentri b’dak li qed naraw qed ngħidu li
l-bnedmin m’għadhomx hemm biex jibnu familja, imma biex iservu bħala strumenti
ekonomiċi. Għalhekk, b’dak li qed isir,
il-mara qed naraw biss kif inħajruha li jaqblilha biss toħroġ taħdem. Għalhekk, fl-istess ħin qed nara li qed
nibgħatulha l-messaġġ li m’għandhiex ikollha tfal, li għalhekk huma ġustifikati
miżuri li jwaqqfu, jew agħar, joqtlu fil-ġuf u li m’għandhiex tkun preżenti
biex trabbi.
In Family Benefit
4. Din l-esperjenza umana turi li huwa
żbaljat u għandna nibnu minflok strutturi u miżuri li jmorru l-kontra. Għax l-esperjenza umana f’dawn il-gżejjer, u
anki barra, turi li l-istabilità u l-għaqda fil-familji l-ġid lill-bnedmin u
lis-soċjetà jagħmlu. Għax dawn huma
prinċipji, valuri nsara, però huma wkoll universali għax diversi huma
l-komunitajiet u reliġjonijiet oħra fid-dinja li jaqblu magħhom perfettament. Fejn ikun hemm familji stabbli, ikun hemm
iktar paċi fis-soċjetà u inqas problemi oħra li jmorru l-kontra. Proprju għalhekk li għandna nibnu benefiċċji
u assistenzi li jissudaw lill-familja.
Miżuri li bihom is-soċjetà tgħaddi pakketti aktar ġenerużi f’għajnuna
soċjali lil min għandu t-tfal f’forom ta’ In Family Benefits. Fejn il-prijorità tkun fl-għarfien tal-valur
tal-familja u tat-trobbija tal-ulied, huma kemm huma.
Il-miżuri attwali
5. Quddiem dan però, ċertament
b’intenzjonijiet tajba imma mhux neċessarjament b’sens tajjeb tal-pedamenti
etiċi li jwettqu s-sewwa, għandna miżuri ġoda li jsir diskors varju
fuqhom. Waħda hija ċ-childcare centres li m’għandhomx bżonn
spjegazzjoni, u l-oħra dik imsejħa “In
Work Benefit”. Hemm koppja tirċievi
assistenza mill-Istat sakemm hija taqla’ bejn 10,000 u 24,000 ewro u fejn
l-inqas waħda ddaħħal 3,000 ewro u jkollhom tfal taħt it-23 sena. Sistema li hija bażata fuq il-ħsieb li jekk
il-mara, flok toqgħod id-dar trabbi ‘l-ulied toħroġ taħdem, allura tiġi benefikata
minn ammonti li jvarjaw bejn 100 sa 1,200 ewro.
Minnha jidher li hemm 1,600 persuna li bbenefikaw bi ħlas komplessiv ta’
1,800,000 ewro li juru li kellha ċertu effett. Però, minn dak li smajt
direttament jidher, l-ewwel li l-għajnuna mhix adegwata biżżejjed, u t-tieni
mhix qegħda tasal għand iktar persuni li għandhom bżonn l-għajnuna tal-pajjiż u
li, terġa’, ma jistgħux joħorġu jaħdmu.
Fejn qed jinħoloq ix-xogħol
6. Il-prinċipju li nisimgħu li qed imexxi
dawn il-miżuri huwa li huma ġustifikati fuq il-bżonn li noħorġu iktar nisa,
sija jekk miżżewġa, sija jekk le, jaħdmu.
Kemm dan qed jirnexxi, ma naqbilx ma l-istampi daqshekk sbieħ li
jingħadu mill-Gvern tal-ġurnata. Effetti
kellu, biss mhux kif qed jiġi mpinġi.
Ngħid dan għax għandi dubju fuq kemm mit-23,300 post full-time li ġew irrappurtati li
l-ekonomija ġġenerat, dawn inħolqux għall-Maltin, jew aqwa, għan-nisa. Dan quddiem il-fatt li kellna żieda qawwija
ta’ ħaddiema barranin ta’ minn madwar 8,000 fl-2012 għal 31,500 llum. Li hemm iktar ċar huwa li għandna żieda fil-part-timers fejn numru ta’ rapporti
jindikaw li dawn huma postijiet okkupati min-nisa fl-iskali l-inqas għolja.
Pressjonijiet ekonomiċi
7. F’dan hemm, fil-ħajja ta’ kull ġurnata
r-realtà li l-koppji llum, sija miżżewġa, kif ukoll le, qed isibu iktar
pressjonijiet ekonomiċi fuqhom. Għandna
iktar ħaddiema li m’humiex jaqbżu l-paga minima nazzjonali, u li jridu jidħlu
għal iktar xogħol part-time biex
ikampaw. Fl-istess ħin għandhom
diffikultà biex isibu fejn jgħixu.
Il-kirjiet ilkoll nafu li żdiedu għal raġunijiet varji, l-iktar għax
daħlu miżuri fiskali li fihom il-kont għadda f’ħoġor l-inkwilin. Inqas persuni fuq naħa ma jistgħux ilaħħqu
ma’ self bankarju, u fuq l-oħra għandhom il-kuraġġ jidħlu għalih. Fl-istess ħin qed isibu li b’dak li jaqilgħu
ma jistgħux ilaħħqu mal-bżonnijiet ta’ kull ġurnata, li lkoll jipproduċu ukoll
inqas stabilità fis-soċjetà, iktar separazzjonijiet, divorzji, persuni li
jippreferu ma jkollhomx ulied u oħrajn li jgħixu għal rashom.
Fejn qed nikkonċentraw?
8. F’dan għandna nieqfu naħsbu u nistaqsu
jekk kemm-il darba d-direzzjoni tal-Istat hix waħda li tolqot fis-sewwa. Għandna, quddiem dawn ir-riżultati, nibdlu l-prijoritajiet
u naraw jekk flok nassiguraw li nagħmlu iktar pressjoni fuq il-koppja billi
ninsistu li l-mara toħroġ taħdem bilfors, jew għandna nikkonċentraw biex ngħinu
iktar lill-koppji biex jibnu u jrabbu aħjar il-familja tagħhom? Nafu lkoll li l-esperjenza fid-dinja u f’dan
il-poplu hija kostantement pożittiva meta l-ulied ikollhom il-ġenituri iktar
id-dar magħhom fit-trobbija u li jiġbruhom u jilqgħuhom lura wara l-iskola.
Naraw id-dinja f’dik li hi
9. Proprju f’jum iċ-ċelebrazzjoni
tal-Immakulata Kunċizzjoni, insostni iktar li dawn l-esperjenzi m’għandniex
naħirbuhom, imma nibnu u nsostnu iktar fuqhom.
Dawn huma l-pedestalli soċjali li m’għandniex inżarmaw. Il-familja, mill-esperjenza umana tibqa’
waħda determinanti għall-għaqda u l-istabilità fis-soċjetà fis-setturi kollha
tagħha. Nagħmlu tajjeb jekk ngħinu u
ninvestu iktar fiha u nibdew ngħaddu benefiċċju soċjali għal min jibqa’ d-dar
jieħu ħsieb il-kura u l-kustodja taċ-ċittadini futuri tagħna. Nerġgħu nibdew naraw id-dinja f’dik li hija
trid, u mhux inkomplu naqilbuha ta’ taħt fuq.
No comments:
Post a Comment