1. Wasalna issa lejn tmiem sena
li timmarka l-aħħar tar-raba’ waħda minn din l-legislatura. Warajna għandna
xhur li tagħhom din l-amministrazzjoni għandha l-piz tar-responsabbilità tagħhom.
Kemm għandha għarfien ta’ dak li huwa għaddej minnu l-poplu, diversi għandhom id-dubbji
tagħhom. Hemm figuri ekonomiċi li ħadd ma jipprova jmerihom u fuq n-naħa l-oħra
qed naraw iktar komplikazzjonijiet soċjali milli kellna qabel. Id-differenza
bejn min għandu u min m’għandux qed tinbidel u tikber. Jidher ċar li m’aħniex
nifhmu biżżejjed il-qies u l-effett ta’ dak kollu li għaddejjin minnu.
Diskors presidenzjali
2. F’din il-ġimgħa kellna diskors
proprju fuq dan f’Jum ir-Repubblika. Wieħed li fih iktar piż u qawwa minn qabel
mill-President tar-Repubblika. Diskors
immirat sabiex imiss direttament mal-problemi u l-kwistjonijiet soċjali li qegħdin
jiġu ffaċċjati mill-pajjiz fil-mument tal-lum. Dak li qalet il-President għandu
forza morali li ċaqlaq diversi biex jaqblu u fl-istess ħin japprezzaw li għad hawn
vuci għolja li tagħti każ. Tagħti każ ta dak li qed jinħass kull ġurnata minn ħafna
li qegħdin fil-parti t’isfel fis-soċjeta. Minn dak li smajt u qrajt ma nistax
ma naqbilx mal-kontenut tiegħu.
Mhux konvenjenti
3. Saru numru ta’ passi
mis-soċjetà ċivili sabiex min huwa fil-faqar jew qiegħed imiss jingħata għajnuna.
Saru proposti. Fuq kollox tqajjmu punti li matul il-ġimgħa l-mezzi tal-aħbarijiet
ma tantx ikunu interessati jsemmgħu. Biss anki jekk m’huwiex konvenjenti xorta
dawn l-problemi hemm jinsabu. Għax fir-realtà miżuri leġislattivi sodi li
jbiddlu l-perkors tal-eventi ma għandniex. Qegħdin minflok naraw kif ħaġa qed
ġġib lill-oħra. Kif min jaħdem qiegħed isib ruħu f’sitwazzjoni fejn il-paga
minima jew taħt tiegħu titnaqqar. Il-ħajja qed tgħola fil-mekkaniżmi soliti tagħha.
Is-suq f’dan qiegħed isir iktar wieħed indirizzat li jservi u jwieġeb għall-bżonnijiet
ta’ dawk li għandhom u li jifilħu jixtru.
Repubblika ġusta
4.Fost dan id-diskors laqatni partikolarment
l-attenzjoni li l-President tat fil-konfront ta’ min għandu bżonn saqaf fuq
rasu. Hija qalet hekk “Ħolqa importanti fil-katina tal-ġustizzja soċjali hija
l-akkomodazzjoni. Repubblika ġusta ma tittollerax sitwazzjonijiet fejn familji
differenti jiċċaħħdu mill-privatezza tagħhom għax ikollhom jgħixu flimkien, għax
il-kirja hija għolja wisq għalihom jew, agħar minn hekk, fejn familji jispiċċaw
bla saqaf fuq rashom.” Din m’hix fantażija. Hija r-realtà. Bil-miżuri politiċi
li ttiehdu f’dawn is-snin qed naraw żieda qawwija fil-kirjiet. Is-suq ġie
liberalizzat u fuqu dan żdiedu l-piżijiet fuq dawk l-iktar l-isfel li jkollhom
bżonn jikru. Il-prezzijiet ogħolew direttament sija bl-iskema tal-bejgħ
tac-cittadinanza kif ukoll bit-tassazzjoni diretta.
Realtà ġdida
5. Għandha raġun il-President
ħafna qed isibu li minn sittin sa sebgħin fil-mija tas-salarju tagħhom qiegħed
xahar wara xahar jgħaddi għand idejn sid il-kera. Qed jintlaqtu diversi setturi
soċjali f’dan fosthom dawk li għal raġuni jew oħra spiċċaw żgumbrati minn
darhom, dawk li qed jgħixu għal rashom, u speċjalment dawk li huma separati.
Ir-realtà ġdida hija li s-suq tal-kirjiet sar nieqes minn ruħ soċjali. Mhux
biss, imma diversi fejn l-ispazju jippermetti qed jerġgħu jmorru lura jgħixu
mal-ġenituri rispettivi tagħhom. Il-liberaliżmu tas-suq tal-kera waħdu diġà
diffiċili imma b’dak li wettaq dan i-Gvern mar fid-direzzjoni li jgħakkes lil
min m’għandux.
Kontro-miżuri
6. Dan aggrava iktar f’dawk il-mijiet
ta’ persuni li sabu ruħhom bl-għajnuna soċjali li kienu jirċievu maqtugħa u terġa
bl-aggravju li l-appelli tagħhom għadhom pendenti. Il-forzi li daħlu
fl-operazzjoni kontra dawk li kienu jgħixu f’postijiet zgħar ħafna b’dawn
l-kirjiet fix-xahar huma ferm kbar. Ferm iktar qawwija mill-kontro-miżuri
l-ewwel ta’ sussidji għola jew inkella tal-ħolma ta’ sidien li jidħlu għall-kuntratt
ta’ seba snin biex jitilfu iktar mid-dħul ċert li għandhom illum. Dawn m’
humiex sitwazzjonijiet li ser isolvu ruħhom jew li t-trapass taż-żmien ser
itaffi. Li huwa żgur huwa li l-pressjoni soċjali qed tikber u m’ hemmx dak is-sens
urġenti da parti tal-Gvern biex din tonqos.
Sejrin lura
7. Morna u sejrin lura għal dak li kellna sekli
qabel meta l-problemi marbuta mas-suq tal-kirjiet kienu kbar. Hemm lezzjonijiet
passati li ġew injorati kompletament u issa ngħidu x’ngħidu daqt jerġgħu jiġu f’idejna
biex l-intoppi tal-lum jiġu konfrontati bil-mod li ġew qabel. Il-punt tat-tluq għall-liberalizzazzjoni kien
b’reazzjoni għal dak li kien hemm tul seklu preċedenti. Fejn wasalna huwa lura
fejn konna qabel bdejna. F’dan kollu miżuri ġodda differenti li jgħinu lil min
huwa min taħt m’aħniex naraw. Ma hemmx żiediet fil-pagi jew fil-benefiċċji kif
hemm verament bzonn tagħhom. Minflok qed naraw zieda qawwija fil-kirjiet fejn
hemm min qiegħed jirraguna li l-kaxxa ta’ pajjiżna qed tieħu parti sew minnha.
Iktar serjetà
8. Biex inżidu u nifhmu iktar il-gravità
tal-pożizzjoni rridu nsemmu żgur li kellna persuna li m’hix Maltija li kienet
qedha tgħix barra u tilfet ħajjitha. Ħafna semmgħu leħinhom ġustament fuq dan għax
għal snin twal minkejja il-komplikazzjonijiet li kellna, każ bħal dan ma
rajniex. Id-dinja tibqa però ddur. U fl-aħħar ta’ din is-sena ngħalquha
f’kampanji varji biex niġbru għal skop jew għal ieħor. Ngħalquha wkoll
b’riflessjoni fuq ġrajjet il-Milied Imqaddes. Fejn nerġgħu nismgħu l-vanġeli
fil-quddies. Fejn niftakru u f’dan nikkunslaw ukoll li missierna San Ġużepp huwa
u jdur b’mara li waslet fl-aħħar tat-tqala tagħha sab diversi bibien magħluqin.
Fejn beda l-ħajja tal-familja f’għar miftuħ għall-elementi.
Inħarsu l-quddiem u nittamaw li
fis-sena li ġejja dawn l-problemi soċjali jittieħdu b’iktar serjetà.
No comments:
Post a Comment