1. Il-Milied huwa jum mimli b’messaġġ qawwi
ta’ ferħ. Hemm min jagħti kas tiegħu u
hemm min, għal raġuni jew oħra, le.
Ħafna ma jifhmuhx, oħrajn jintilfu fid-direzzjonijiet tagħhom
tiegħu. Biss, huwa mument fejn hemm min ikollu
ftit tal-ħin jaħseb. Jirrifletti fuq dak
li huma għalih il-ferħ, il-ħajja u l-verità.
Bħal dawk li jieqfu japprezzaw u jirringrazzjaw dak li ngħatalhom
fl-esperjenza u l-ħajja, u dawk li moħħhom f’dak li m’għandhomx, li jonqoshom u
għalhekk iridu aktar. Għal dawk li,
mingħajr ma jindunaw tant jintilfu li anqas għandhom ħin jifhmu dak li għandhom
f’idejhom diġà, il-Milied huwa għajnuna.
Pjaċir sempliċi
2. Il-Milied huwa ferħ, fuq kollox, meta
wieħed jorbtu ma’ dak li huwa. Ma
jifirdux mill-bażi, mill-għeruq, mill-fonti nisrani tiegħu. Ta’ dak il-proċess li bih wieħed jaqta’ barra
lilu nnifsu mill-passat, mill-preżent u anki mill-futur veru u sħiħ. Ma jintilifx f’dak li m’għandux ikun jew dak
li jagħraf diġà mill-bidu li ser jidħol għalih u joħroġ minnu b’togħma
morra. Ikliet, festini, rigali, xorb u
gula jibnu t-triq lejn iktar distanza minn dak li huwa verament il-pjaċir
sempliċi u mingħajr kumplikazzjonijiet tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Sehem attiv
3. Il-Milied huwa mimli sens u sustanza iktar
u iktar ma wieħed jipprepara ruħu għalih.
Iktar ma wieħed jieħu sehem attiv fl-aspett ċentrali tiegħu, dak li
jinbena jum wara l-ieħor fiċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi li jsiru f’kull rokna
ta’ pajjiżna. X’xorti għandna f’idejna
li nistgħu ninġabru f’riflessjonijiet sodi bażati fuq ir-raġuni li jmexxuna
lejn għarfien mill-aqwa ta’ dak li aħna u l-iskop sħiħ tagħna. Fejn iddur fejn iddur issib presepji, wieħed
isbaħ mill-ieħor, li jfakkruk u jħajruk tifhem aħjar. Għandna tant għad-dispożizzjoni tagħna, imma
fl-għażliet, fil-lista tal-prijoritajiet nibqgħu nħarsu iktar lejn dak li huwa
apparenti milli dak li huwa veru.
Dritt tagħna
4. Il-Milied huwa wkoll il-mument meta nistgħu
napprezzaw li qed ingawdu mid-dritt tal-libertà reliġjuża. Id-dritt li nistgħu, f’din is-soċjetà
demokratika, neżerċitaw liberament il-fidi nisranija tagħna. Punt li ma nagħtuhx piż kif għandna, f’dinja
li qed tara persekuzzjonijiet ġodda li
minnhom irridu nifhmu kemm aħna aħjar.
Għax biżżejjed inħarsu lejn dak li qiegħed jiġri fis-Sirja u fl-Iraq
biex nifhmu li għaddejja gwerra kontra dan id-dritt fundamentali
tal-bniedem. Li saċerdoti, nsara qed
jiġu arrestati, vjolentati, maqtula f’mewġa biex teqred u tbeżża’. Il-forza tal-ħażen tisserva b’dawn
l-istrumenti biex taqta’ qalb u kuraġġ is-sewwa. Biss, tkun xi tkun il-qilla, dejjem hemm
is-saħħa tat-tama li tegħleb.
Forza ta’ tama
5. Il-Milied huwa f’dan għalhekk dejjem forza
ta’ tama, anki fl-iktar mumenti li wieħed ikun inklinat jaqta’ qalbu. Kif jgħallem f’dawn il-jiem saċerdot
kattoliku Sirjan Jacqes Mourad, li ġie maħtuf u miżmum minn Daesh (ISIS). Wara li bl-għajnuna ta’ ħbieb ħarab, qal
hekk: “For 83 days, my life hung in the balance. I feared every day would be my last. On the 8th day, the governor of Raqqa came to
my cell and invitedme to consider my captivity a kind of spiritual
retreat. These words had a great effect
on me; I was astonished to see God was able to use even the heart of a high
official of ISIS to deliver a spiritual message to me. This encounter marked a change in my inner
life and helped me throughout my imprisonment”.
Semgħu u ma fehmux
6. Il-Milied iwassal il-messaġġ sħiħ tiegħu
bl-għajnuna tagħna. Hemm esperjenzi
iebsa li ngħaddu minnhom li jwassluna iktar viċin. Hemm ukoll il-frott li wieħed jista’ jirċievi
billi jaqra u jgħarbel riflessjonijiet u jifhem l-esperjenzi umani
tal-oħrajn. Diversi jqattgħu parti
mill-ftit ħin li jkollhom bi ktejjeb li jdaħħalhom lura fl-ispirtu u
jgħallimhom. Ifissrilhom aħjar
il-kitbiet tal-evanġelisti. Jiftħilhom
għajnejhom u widnejhom għal dak li semgħu fil-passat, imma ma fehmux. Hemm f’din il-parteċipazzjoni ħajja attiva,
libera u reliġjuża tal-bniedem f’din is-soċjetà moderna tagħna.
Il-volontà tagħna
7. Il-Milied m’għandux bżonn ħafna għalhekk
biex jiġi apprezzat, biex wieħed igawdi mill-ferħ tiegħu. Irid il-volontà tagħna, il-parteċipazzjoni
sħiħa. Mourad magħluq fid-dlam fejn ma
jridx jingħalaq, kontra l-volontà tiegu sab però d-dawl f’dak li ried
fil-libertà tiegħu. Bħalma fuq in-naħa
l-oħra hemm dawk li volontarjament jingħaqdu biex jingħalqu fil-klawsura sabiex
isibu l-ferħ, l-iskop u l-paċi tagħhom.
Il-kunventi varji tal-klawsura tas-sorijiet f’pajjiżna huma xiehda ħajja
għad-dispożizzjoni tagħna ta’ dawk li jfittxu din it-triq. Jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom
tal-libertà reliġjuża billi jidħlu fejn ikollhom inqas libertà fiżika imma ferm
iktar libertà umana. Dik li fid-dlam
tal-jum biha tagħraf iktar il-ferħ jiddi li l-jum tat-twelid ta’ Sidna
jwassalna għalih.
Misteru mimli għerf
8. Il-Milied jibqa’ misteru mimli b’għerf u
aktar ma naqrawh, ma mmissuh, iktar jimlina f’dan il-lejl qaddis. Kif Qaddis Sirjan ta’ sekli ilu, San Efrem,
f’kitbietu għandu siltiet twal u sbieħ proprju b’dan. Kull sentenza twaqqfek taħseb. Bħal meta jgħid: “Even the Pharisees, sons of
darkness, were awake an entire night; the dark ones kept vigil to conceal the
incomprehensible light. Keep vigil as
bright oneson this bright night; for even if its colour is black, still it is
splendid in its power. One who
splendidly watches and prays in the darkness is wrapped in hidden brilliance in
the midst of this visible darkness”.
Tradizzjoni ħajja
9. Il-Milied huwa wkoll ċelebrazzjoni
tat-tradizzjonijiet ħajja tagħna.
Għandna tant għad-dispożizzjoni tagħna li għandna nagħmlu ħilitna biex
ma nitilfuhx. Għandna nkunu xhieda ma’
oħrajn biex il-wirt li rċevejna ngħadduh tajjeb lil dawk li ġejjin
warajna. F’dan għalhekk nittama li waqt
li intom qegħdin taqraw din il-kitba, diġà smajt il-kant tat-tfal għaddejjin
fil-purċissjoni lis-soċjetà tal-MUSEUM jorganizzaw tant tajjeb u li lħaqt
ipparteċipajt fil-quddies ta’ nofs il-lejl li s-soriejiet tereżjani
jaqsmu. F’dan, u b’dan l-ispirtu nsellem
u nawgura minn qalbi l-Milied u s-Sena t-Tajba lilek Sur Editur, u
lill-ħaddiema kollha tagħna u dawk kollha li jsostnu l-ħidma u l-qari ta’
kitbietna.