27.3.15

KONVINZJONI U ESPERJENZA- diskors tal-Profs.Joseph M. Pirotta.

Ecċellenza, Mistiednin Distinti, Sinjuri,

Qarrejja ifaċċjati b’kotba ta’ ċertu tul, bħal mhu Konvinzjoni u Esperjenza ta’ Dr Ugo Mifsud Bonnici, ħafna drabi għandhom it-tendenza li assoċjaw it-tul ma’ toqol impenetrabbli ta’ ħsieb u stil ta’ kitba peżanti li tgħajjik. Min jagħmel ġuddizzju preliminari ta’ din ix-xorta fuq il-ktieb li qed ikun ippreżentat illejla jiżbalja. Ħsieb fih, u mhux ftit, iżda żgur mhux opak, anzi ċar daqs kemm hu ħafna drabi provokanti. Fuq kollox jagħti lill-qarrej l-opportunità li jixref wara l-kwinti, jidħol fil-kmamar tad-deċiżjoni, bir-riżultat li jikber fl-għarfien tal-grajjiet politiċi kontemporarji ta’ pajjiżna u ta’ xi wħud mill-personaġġi li sawruhom.
Dr Mifsud Bonnici għażel struttura sempliċi imma effettiva. Qasam il-ktieb fi tliet partijiet: tfulitu sar-rebħa elettorali tal-Partit Nazzjonalista fl-1987; is-seba’ snin li dam ministru; u minn meta sar President lil ’hawn. Kull parti tiġġenera interess partikulari. L-ewwel waħda tgħin biex nifmhu x’sawwar lill-awtur biex sar Ugo, maħbub mhux biss fid-distrett tiegħu iżda rrispettat ukoll fil-kumplament tal-pajjiż. Nikkonnoxxu kemm kien influwenzat mill-ġenituri tiegħu. Naħseb li ma nkunx qed nesaġera jekk ngħid li bejnithom għaġnu l-forma mentis tiegħu. Lil missieru Ugo isejjaħlu ‘l-eroj ta’ ħajti’. Tilfu meta kellu biss sittax-il sena, iżda spiraħ permezz ta’ kitbietu u d-diskorsi politiċi tiegħu. Dawn imlewħ b’imħabba lejn pajjiżu u b’fervur biex itejjeb il-qagħda ta’ Malta u niesha. Missieru injettah ukoll b’ġibda lejn il-ġurisprudenza li tmur lil hinn mill-konfini tal-professjoni. Seddaq fih għozza għall-ilsien Malti, għall-letteratura u għall-Università ta’ Malta. Il-Gross ma kienx hekk biss fiżikament. Naraw lill-ommu, bit-tmun tat-trobbija ta’ wliedha f’idejha u għal bosta snin issosten tal-familja, iżżomm dejjem ’l bogħod mill-palk pubbliku. Madankollu sabet il-ħin biex tiżra f’uliedha l-ġibda lejn, u l-apprezzament tal-mużika klassika. Meta taqra u tixtar dwar is-snin bikrin ta’ l-awtur malajr tapprezza l-pedament sod li kellu qabel aċċetta l-istedina biex jittanta jilbes dak li huwa isejjaħ il-mantel ta’ tribun tal-poplu taħt il-bandiera Nazzjonalista.
Ħa d-deċiżjoni li joħroġ għall-politika, kontra l-parir ta’ ommu li kienet imġarrba. Fehem li kienet deċiżjoni li tirrikjedi impenn totali li qatt ma naqas li jagħti. Involva ruħu fil-partit mhux biss fuq livell distrettwali imma ukoll nazzjonali. Ikkontesta l-elezzjoni ta’ l-1966 u tela’. Ħa parti attiva fil-Parlament fejn wera interess partikolari fl-edukazzjoni, għalkemm dejjem baqa’ isegwi żviluppi f’oqsma oħra. Imbotta biex l-iskejjel sekondarji saru aċċessibbli għal kulħadd. Beda jikteb regolarment fil-gazzetti tal-partit u ħabrek biex dawn jikbru u jespandu. Kien parti mit-telfiet elettorali ta’ l-1971 u l-elf 1976, u mis-serqa ta’ l-elezzjoni minn ħalq il-Partit Nazzjonalista fl-1981. Fehem minn kmieni l-ħtieġa ta’ ri-organizzazjoni tal-partit, l-ewwel permezz ta’ eżerċizzju ta’ demokratizzazjoni interna u wara permezz ta’ bidla fit-tmexxijja. Issieħeb u kkolabora ma’ dawk ta’ l-istess ħsieb. Taħt it-tmexxijja ta’ Eddie Fenech Adami, u flimkien ma’ Guido De Marco, Louis Galea, Ċensu Tabone u oħrajn, Ugo ħabrek kemm felaħ biex il-Partit Nazzjonalista jevolvi politika moderna, aġġornata għall-ħtiġiet tal-pajjiż, u lesta biex tqiegħed fil-prattika pjani mirquma wara konsultazzjoni twila ma’ setturi differenti ta’ l-elettorat.  
Ippermettuli hawn niftaħ parentesi żgħira. Il-ktieb ifakkarna li minħabba li kien iħobb jitkellem fil-Parlament fuq kull suġġett in-naħa Laburista kienu laqqmhu lil Ċensu Tabone ‘il-melħa’. Jien u naqra l-ktieb u niltaqa’ mal-bosta personalitajiet qawwija li kienu jimilittaw fil-Partit Nazzjonalista għaddieli l-ħsieb li Eddie Fenech Adami ma kellhux għalfejn jitħabat wisq f’każ li jkollu bżonn ta’ niskata melħ.
It-tieni parti tal-ktieb tittratta l-ħidma ta’ Dr Mifsud Bonnici bħala Ministru. Fl-1987 kellu portafol mifrux li kien jinkludi barra l-Edukazzjoni, l-Libreriji, il-Mużewijiet, l-Isport, il-Kultura, iż-Żgħażagħ, l-Ambjent u x-Xandir. Fl-1992 ma’ l-Edukazzjoni kien mgħoti ukoll l-portafol ta’ l-Intern. Ikun tedjanti jekk hawn nipprova nagħti rendikont tal-ħidma mifruxa u ma’ taqta xejn ta’ l-awtur bħala Ministru. Biżżejjed ngħid li s-Sibtijiet kienu ukoll ġranet ta’ xogħol. Iżda lanqas ma nkun ġust jekk ma nfakkarx li meta Dr Mifsud Bonnici sar Ministru, l-Edukazzjoni kienet tinħtieġ taqliba mill-qiegħ. Ma kienx kwistjoni ta’ irtokki. L-iskejjel kienu għadhom ibagħtu mit-tilwima ma’ l-għalliema u mit-taqlib fl-edukazzjoni sekondarja. L-għalliema, bosta drabi disprezzati, kienu tilfu l-motivazzjoni. L-Università kienet ġiet ridotta għal rwol utilitarju strett li faga l-aspirazzjoni ta’ eluf ta’ żgħażaġħ. Li kien hemm meħtieġ ma’ kienx sempliċiment ‘il-bidla’, leit motif politiku tat-tmeninijiet, iżda revolużżjoni biex paradossalment tissostitwixxi l-kaos bil-kalma u l-armonija. Illum l-Universita kisbet għarfien internazzjonali wiegħsa u qed tfur bl-istudenti. Parti kbira mill-krettu trid tingħata lil Dr Ugo Mifsud Bonnici u lil mibki Professur Peter Serracino Inglott. Sar ħafna iżjed xoġħol f’ħafna oqsma, iżda nillimita ruħi għal żewġ referenzi oħra biss. Il-ftehim mal-Knisja dwar l-iskejjel u l-artijiet, li intlaħaq wara snin ta’ negozjati iebsin, u xogħol ta’ restwar f’bini u monumenti li xpruna l-ħidma li llum noħduha for granted.
L-aħħar parti tal-ktieb jittratta l-Presidenza. Dr Mifsud Bonnici isemmi is-sens ta’ xokk li ħass meta l-Prim Ministru insista li għandu jaċċetta l-ħatra. Jagħtina r-reazzjoni tiegħu meta kien avviċinat biex isir President. Jġħidilna, ‘Jien ksaħt’. Aktar tard, meta wasal is-siġil bil-vot tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari, Ugo iżid, ‘Niżluli msarni f’saqajja’. Minkejja kollox la darba ħa l-ġurament tal-ħatra mhedd għonqu għax xogħol bl-istess determinazzjoni u applikazzjoni li dejjem wera. Din il-parti tal-ktieb għandha l-interess partikulari tagħha. Jinfetħulna sensiela ta’ twieqi li minnhom nistgħu napprezzaw aħjar ix-xogħol utli li jagħmel il-President ta’ Malta. Għalkemm ma hiex ħatra li ġġorr magħha setgħa ezekuttiva, xorta waħda jekk użata bil-għaqal, tista tagħti kontribut ferm siwi għall-ħajja politika tal-pajjiż. Naħseb li wassal iż-żmien li l-pajjiż ma jitlifx l-esperienza kollettiva tal-Presidenti tagħna u tingħata l-opportunità fuq bażi kostituzzjonali biex ikomplu jagħtu kontribut lill-pajjiżna.
Konvinzjoni u Esperjenza hija awtobijografija, klassifikazzjoni letterarja li fiha l-awtur, permezz ta’ monologu, ipperreċ ħajtu, jew parti sostanzjali minnha, għall-eżami u l-kritika tal-qarrej. Dan hu eżerċizzju li jmur kontra l-istint uman, li jwasslu biex ’lil hinn mill-intimità taċ-ċrieki familjari, jibni ħajt ta’ difiża għall-privatezza tiegħu. Awtobijografija hija qrara pubblika li teħtieġ ammont sostanzjali ta’ onestà u kuraġġ għax is-siwi tagħha jista’ jkun kbir. Taf tagħti kontribut lejn l-istudju tal-letteratura, tal-filosofija, tax-xjenza naturali u fiżika, u ta’ l-istorja soċjali u politika ta’ pajjiż, fost oħrajn. Imma s-siwi aħħari tal-kontribut ta’ awtobijografija jistrieħ fuq il-ġudizzju li jagħmlu l-qarrejja dwar l-awtur u dwar il-valur ta’ dak li kiteb. L-ewwel ġudizzju x’aktax ikun influenzat mir-reputazzjoni, tajba jew ħażina, li diġa jkollu l-awtur. Reputazzjoni li tibqa’, tissaħaħħ jew tinbidel f’għajnejn il-qarrej waqt li jaqra dak li għandu xi jgħid il-protagonista. Ħafna jiddependi fuq il-frekwenza ta’ l-użu tal-maskri. Ikbar ma tkun it-trasparenza iktar soda tkun il-fiduċja tal-qarrej f’dak li għandu x’għid l-awtur. Fuq dan tiddependi l-valutazzjoni dwar is-siwi tal-ktieb bħala kontribuzzjoni lejn, per eżempju, għarfien aħjar ta’ l-istorja. Fuq dak li jgħid l-awtur, u ferm aktar importanti, fuq kif jgħidu, isir l-eżami tas-sinċerità u tal-kredibilità tiegħu.  Fi kliem ieħor il-qarrej jiddeċidi jekk hux ta’ min wieħed joqgħod fuq dak li hemm miktub jew le. L-istil ta’ kitba flimkien ma’ l-awtentiċità tal-vuċi jikkontribixxu b’mod qawwi lejn dan l-eżami ta’ fiduċja li minnu irid jgħaddi l-awtur.  
Dr Mifsud Bonnici jew Ugo, kif kulħadd kien isejjaħlu lil hinn mill-konfini formali, qatta’ tlieta u tletin sena fil ħajja pubblika – ‘deputat tal-poplu għal tmienja u għoxrin sena, ministru għal seba’ snin u President ta’ Malta għal ħames snin’. Iġorr miegħu perċezzjoni pubblika pożittiva anki fost l-ex avversarji politiċi tiegħu. Iżda l-iskrutinju ta’ l-awtobijografija tiegħu trid xorta tibda minn mistoqsija ċentrali: Kemm jista’ wieħed joqgħod fuq il-kontentut?
L-awtur ta’ xogħol awtobijografiku għandu kull dritt li jistabbilixxi l-parametri tal-wesgħat li se jimraħ fihom. Hekk jagħmel Dr Mifsud Bonnici meta fl-Apologia pro liber meus jiddikjara: ‘Dan il-ktieb fih mill-anqas dettalji dwar il-ħajja privata tieghi. Fih ħafna fuq l-ideat tieghi u ħafna iktar fuq il-ġrajja li għaddejt minnhom’. Jgħidilna ukoll li ‘hemm ġrajja li ma jkun ġara xejn jekk jibqgħu privati u xi ftit mistura’ iżda li hemm ‘oħrajn illi l-poplu għandu dritt li jkun jaf sewwa kif ġraw’. Iżid li ‘l-poplu għandu dritt ikun jaf dak li wettaq politiku li jkun ġie fdat bir-rappreżentanza, u iktar u iktar dak, li jkun b’xi mod eżerċita is-setgħa’. Għalhekk il-qarrej jaf x’għandu jistenna u x’mgħandux.
Kull min hu familjari ma’ l-istil ta’ kitba ta’ Dr Mifsud Bonnici, minkejja xi varjazzjonijiet minn żmien għal żmien, jaf li juża stil dirett, lineari fil-ħsieb u mingħajr ekwivoku. Dak li għandu jgħid dejjem qalu ċar, mingħajr diffikulta biex jinftiehem, dejjem mingħajr animożità personali. Jesponi l-ideat tiegħu, jikkritika dawk li ma jaqbilx magħhom, imma dejjem jattakka l-argument mhux il-persuna. Il-ktieb li qed ikun varat illejla jibqa’ fidil għal dan l-istil. Kull min jaf lil Dr Mifsud Bonnici, ddiskuta miegħu, semgħu jitkellem fil-Parlament, f’konferenzi jew f’meetings, jerġa jisma’ f’dan il-ktieb l-istess vuċi; tirrakonta, tispjega, tasal għall-konklużjonijiet waqt li żżomm lura mill-kliem iebes. Huwa ġeneruż fl-għarfien tal-kwaltijiet tajba ta’ bosta individiwi li ħadem magħhom mill-qrib jew li jafhom sewwa. Juri rispett partikulari lejn Eddie Fenech Adami meta jorbot ma’ l-elezzjoni tiegħu bħala mexxej tal-partit  din il-kwotazzjoni mill-poeżija Maud ta’ Lord Alfred Tennyson.
Ah God, for a man with heart, hand, head,
Like some of the simple great ones gone
For ever and ever by,
One still strong man in a blatant land,
Whatever they call him, what care I,
Aristocrat, democrat, plutocrat – one
Who can rule and dare not lie.

Fl-istess waqt Dr Mifsud Bonnici huwa ġentili fil-kritika ta’ l-avversarji politiċi tiegħu.
Fil-letteratura dak li bl-Ingliż jissejjaħ understatement ħafna drabi jintuża bħala kritika fina imma li taqta’. Għandna numru ta’ understatements fil-ktieb ta’ Dr Mifsud Bonnici iżda li jibqgħu biss mod ta’ espressjoni. M’humiex użati la biex inigżu u lanqas iweġġħu. Ħa nagħti eżempju. Dawk li għexu s-snin sebgħin u tmenin f’pajjiżna jafu li qabel ma sar Ministru l-awtur qatta sittax-il sena jikkumbatti, ħafna drabi f’ambjent ferm ostili, politika li aktar ma għadda ż-żmien aktar saret kuntrarju għall-prinċipji politiċi tiegħu. Politika u deċiżżjonijiet li kkawżaw tant firda u mibegħda fil-pajjiż, u li Dr Mifsud Bonnici ssielet kontra tagħhom b’ħiltu kollha. Jitkellem bla tlaqliq dwar bosta elementi ta’ diverġenza mal-politika ta’ Mintoff u l-partit immexxi minnhu. Opportunità bla qies, kieku ried, biex l-awtur idoqq il-kordi varji tal-kundanna. Mhux biss ma jagħmilx hekk iżda meta jirrifferi għal dak li seħħ f’dawk is-snin imqallba jirrikorri għal understatement par execellance. Imma understatement nieqes mix-xafra. Dawk l-azzjonijiet u dawk id-deċiżżjonijiet li kkawżaw tant saram isejjħilhom ‘xi ħwejjeġ li l-gvern preċedenti u xi nies tiegħu kienu għamlu fl-istorja politika tagħna’. Kważi kważi jistedinna biex infittxu l-intenzjoni tajba li mmotivat dawn ‘il-ħwejjeġ’. Għalhekk meta Dr Mifsud Bonnici jistqarr nuqqas ta’ ‘disprezz jew mibegħda lejn il-Partit Laburista’, il-qarrej jemmnu. U meta jisma’ lil Dr Mifsud Bonnici jilmenta li l-Presidenza kienet tfisser li se jitlaq it-tessera, li se jitlef ‘parti sostanzjali mill-libertà’ li jfisser ħsibijitu u ‘dan sa ċertu pont għal dejjem’, għax kif jispjega ‘la darba tkun President trid tkun ’il fuq mill-politika, anki wara’, jifhem għaliex dak l-understatement kolossali. Il-qarrej jemmnu. Jisma’ n-noti tal-verità u ta’ l-onestà, noti li jidwu tul il-ktieb kollu. L-artifiċjalità m’għandiex post f’dan il-ktieb. Fih Ugo jidher bil-karattru awtentiku tiegħu mdawwal minn kultura u valuri Kristjani u demokratiċi li hu iddefenda u ppromova b’ħiltu kollha.
Dr Mifsud Bonnici jelenka b’mod dettaljat dak li rnexxilu jagħmel mingħajr ftaħir narssistiku. B’jekk jiskarta n-nassa l-aktar komuni ta’ l-awtobijografija. L-ewwelnett qatt ma joqgħod lura biex jagħraf il-kontribut ta’ ħaddieħor. Nies fi ħdan il-partit, fiċ-Ċivil, professjonisti, nies tas-sena u membri tal-Kabinett, li kellhom parti jew kienu ta’ għajnuna biex l-idea, l-proġett jew il-leġiżlazzjoni li kien qed jimbotta iseħħu. Apprezzament li qatt ma hu mqanżaħ, dejjem sinċier u spontanju. Mhux hekk biss. Bħal ma joqgħodx lura milli jsemmi dak li sar b’suċċess, anqas ma jaħsibha darbtejn biex jgħidilna dwar inizjattivi li ma waslux sa fejn xtaq, jew li fallew, jew li baqgħu pjanijiet fuq il-karta, tir għall-futur. Dan ikompli jżid il-kredibilità tal-ktieb u ukoll l-importanza tiegħu.
Insemmi biss żewġ materji li fil-ġudizzju tiegħi iżejnu dan il-ktieb, ta’ l-ewwel anqas tanġibbli mit-tieni. Iserrep minn kapitlu għall-ieħor għandek issib l-istimulu kontinwu tal-ħsieb. Il-ktieb jipprovoka evalwazzjoni kontinwa dwar l-importanza tal-letteratura, l-mużika, l-arti u forom oħra ta’ kultura u dwar l-valur tagħhom fil-ħajja tal-bniedem. Iġgħielek taħseb dwar is-sistema tal-ġustizzja, dwar l-edukazzjoni, dwar s-soċjetà, dwar l-politika Maltija u dwar l-valuri li jżejnu lill-bniedem. Anki dikjarazzjonijiet li mad-daqqa ta’ għajn jistgħu jidhru ovvji jqanqlu l-ħsieb. Nikkwota eżempju wieħed minn bosta. ‘Min ikun għadu tiela fil-Gvern, ikun għadu ma nessiex il-krib taċ-ċittadin li jisma’ min ikun fl-Oppożizzjoni. Min jilleġisla jeħtieġ li jħares miż-żewġ naħat’. Il-qarrej ta’ dan il-ktieb jista’ jikseb għarfien aħjar tal-komplikazzjonijiet burokratiċi, mhux dejjem bla neċessità, li ħafna drabi joħolqu frustrazzjoni għaċ-ċittadin imma ukoll għall-leġislatur. Il-ktieb jista’ jwassal ukoll biex aktar nies japprezzaw is-sagriffiċju li l-impenn għall-ħajja politika jesiġi minn min jidħol għaliha u, żgur mhux anqas, mill-familji tagħhom.
Konvinzjoni u Eserperjenza jikkontribbwixxi b’mod importanti għal għarfien aħjar ta’ l-istorja ta’ pajjiżna. Huwa l-aħħar f’sensiela qasira, imma li qed titwal, ta’ memoires, awtobijografiji u bijografiji, minn u dwar politiċi. Kollha jgħinu biex aħna nagħmlu ġudizzju aktar sħiħ u ġust dwar il-motivazzjoni, il-ġustifikazzjoni, l-viżjoni u l-aġir tal-politiċi tagħna. F’dan il-ktieb hemm, fost ħwejjeġ oħra, ħafna xenetti li jitfgħu dawl fuq it-tensjoni li kemm-il darba timmanifesta ruħha fir-relazzjonijiet bejn membri ta’ l-istess partit. Iktar ma tkun b’saħħitha l-personalità ta’ l-individwi konċernati, ikbar it-tensjoni. Kontribut ieħor li jgħin biex nifmhu aħjar ġrajjiet artna. Nistqarr li bħala wieħed li l-istorja ta’ Malta tinterressani ħafna għall-bidu kont sorpriż kif inċidenti mportanti li wasslu biex pajjiżna jibdel ir-rotta, bħal l-incidenti ta’ tal-Barrani, l-qtil ta’ Raymond Caruana, l-ħruq tat-Times of Malta u issakeġġ tad-dar ta’ Dr Eddie Fenech Adami, ma jissemmewx. Iżda meta spiċċajt il-ktieb fhimt. Irrid nirreġistra ukoll kif f’dan il-ktieb naraw l-iżvolġiment fil-prattika ta’ ideologijja u ta’ viżjoni politika li wasslet għal tibdil mill-għeruq fis-soċjetà Maltija, fil-livell ta’ l-għixien tagħna, fil-perspettiva u l-aspettativa kollettiva. Jipprovdina bl-opportunita biex naraw mnejn tlaqna u fejn wasalna u biex nirriflettu sew fuq fejn nixtiequ naslu. Kull min għandu l-iċken interess fl-istorja ta’ Malta għandu jaqrah.
Lejn l-aħħar tal-ktieb l-awtur jikkwota d-definizzjoni tad-demokrazija ta’ Albert Camus: ‘Id-demokrazija hija l-eżerċizzju soċjali u politiku tal-modestja’. Ftakart fil-ktieb, Albert Camus. The Artist in the Arena ta’ Emmet Parker. Parker targumenta li Camus kien jemmen li ‘l-ħsieb primarju ta’ l-azzjoni politika għandha tkun li tissalvagwardja dawk id-drittijiet li jippermettu lill-individwu l-liberta massima kompattibbli mal-ġustizzja biex l-individwu jkun jista jieħu vantaġġ mill-potenzjalita sħiħa għal kuntentizza’. L-awtobijografija ta’ Dr Mifsud Bonnici turina li missjoni prinċipali ta’ ħajtu kien l-attentat biex jirrendi d-demokrazija, l-ħelsien u l-ġustizzja permanentament kompatibbli. Nissuġġerrixxi ukoll li l-esperjenza politika tiegħu twasslu biex jaqbel ma’ dak li qal George C. Marshall li ‘d-demokrazija hija mod ta’ gvern li l-aktar li titlob mingħand l-individwu enerġija, immaġinazzjoni u spirtu pubbliku’. Kien ta’ ġid għall-kostitwenti tat-Tieni Distrett u għall-pajjiż kollu li Dr Ugo Mifsud Bonnici kellu abbundanza tat-tliet kwalitajiet.
Il-President Emeritus Dr Ugo Mifsud Bonnici huwa bniedem ta’ kultura kbira, letterarjja, artistika u mużikali; ħassieb oriġinali li qatt ma jieqaf jistaqsi; bniedem mixgħul mis-sens ta’ vokazzjoni u missjoni, li jistmerr l-inġustizzja, soċjali u ġuridika, u dejjem lest biex jiġġildilha; bniedem li ta kontribut sostanzjali lejn l-iżvilupp ta’ Malta. Bniedem li għamel differenza. Konvinzzjoni u Esperjenza huwa xhiedha affaxxinanti dwar il-bniedem li għamel din id-differenza u l-metodi li jagħżel biex jaraha sseħħ. Grazzi lill-awtur. Grazzi lil Klabb Kotba Maltin għall- pubblikazzjoni.
Grazzi lilkom sinjuri li segwejtuni.


Joseph M. Pirotta

18 ta’ Marzu, 2015

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...