1. F’diversi mumenti, fid-diskors tal-jum nisimgħu dikjarazzjonijiet varji marbuta mal-perċezzjoni pubblika li “s-soċjetà m’għadhiex li kienet”. Hemm f’dan sens ta’ kuntrast kontinwu bejn dak li konna u dak li aħna, bejn soċjetà li tħares lejn passat mimli b’iktar valuri mil-lum. Soċjetà li tqabbel kontinwament lilha nnifisha ma’ kull ġurnata bejn dak li kien u għadu ġust jew inġust, b’saħħtu moralment jew le, liberu jew tiranniku, ċar jew konfużjonarju. Il-varjetajiet ta’ taqbiliet bejn veritajiet passati u preżenti u perċezzjonijiet huma wkoll tal-bieraħ u tal-lum.
2. Dan id-dibattitu huwa wieħed mill-iktar naturali u normali għal soċjetà bħal tagħna. Il-bnedmin minnhom infushom, bil-mod li bih ġew maħluqa, ifittxu kontinwament li jkunu “aħjar” milli huma. Jistgħu jagħmlu din il-ħidma f’direzzjonijiet moralment u soċjalment tajba u jistgħu jagħmlu kompletament bil-kontra. Hi x’inhi d-direzzjoni attwali li tiġi meħuda, il-bniedem jibqagħlu ġewwa fih boxxla ta’ direzzjoni. Jibqagħlu ġewwa fih il-linja t-tajba li l-kuxjenza tiegħu tagħtih. Il-kuxjenza qegħda fil-bniedem. Jista’ jipprova jneħħiha minn fuq spalltu però jaf li, għada pitgħada ser jerġa’ jsibha fi triq, kantuniera jew sqaq.
3. Is-soċjetà tibdel lilha nnifisha fil-kostumi, fil-ħidmiet tal-jum però l-esperjenza umana turi l-ħin kollu li tibqa’ tfittex li tkun aħjar billi ssegwi valuri li taf li huma tajbin. Id-direzzjonijiet li l-bniedem jieħu, inevitabbilment iwassluh lejn l-għarfien tal-bżonn ta’ soċjetà li tħaddan lilha nnifisha ma’ dawn il-ġabriet ta’ kif wieħed għandu jġib ruħu u jistenna li l-oħrajn iġibu ruħhom miegħu. F’dawn il-gżejjer ilna, fortunatament, inħaddnu ġabra ta’ direzzjonijiet ċari li l-Knisja Kattolika għaddiet kontinwament. Huwa evidenti li dawn il-valuri nsara ffurmaw il-qafas demokratiku tagħna, bħalma għamlu f’diversi soċjetajiet oħra. Dak li huwa importanti fil-ħajja, dak li għandu jiġi protett u difiż ġej proprju minn dawn il-valuri.
4. Is-soċjetà diġà għandha qafas legali li huwa minnu nnifsu b’saħħtu f’żewġ direzzjonijiet. L-ewwel għax mill-esperjenza ta’ kuljum is-sistema legali tagħna, bil-prinċipji li fuqhom ġiet imwaqqfa, irreżistiet iż-żmien. Tul dan il-perjodu kollu tħaddmet u baqgħet isservi tajjeb lis-soċjetà. It-tieni, proprju għax din tqegħdet u ġiet ibbażata fuq il-prinċipji nsara li ma ssarrfitx f’mekkaniżmu ta’ inġustizzji. Din l-esperjenza pożittiva welldet aktar fil-qalb u l-moħħ ta’ diversi Maltin u Għawdxin li soċjetà li tabbanduna dawn il-valuri nsara tkun qegħda tintelaq. Tintilef f’toroq li ma jwassluha mkien salv f’diffikultajiet li jitwieldu mill-egoiżmu u li wieħed jagħmel biss dak li jaħseb li jaqbillu u mhux dak li huwa sewwa.
5. Is-soċjetà, għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jingħata f’impressjonijiet differenti, trid li tibqa’ tibbaża ruħha fuq dawn il-valuri u mhix lesta li tirrinunzja għal dan id-dibattitu. Din id-diskussjoni ħajja, bejn dak li hu għaddej u dak li hija trid li tgħaddi minnu. F’dan jibqa’ dejjem tajjeb li ebda stat tal-affarijiet ma jitħalla kif inhuwa, imma nibqgħu nerġgħu niddiskutuh. Id-djalogu nazzjonali jrid jikkonċentra ruħu wkoll fuq dawn is-suġġetti għax il-pajjiż ifittex il-ħin kollu li jidentifika ruħu. Ma nistgħux nirrinunzjaw u b’rassenjazzjoni ngħidu li m’aħniex kapaċi nibdlu jew li hawn xi forma ta’ mewġa li ma tistax tintrebaħ lura.
6. F’kull jum, is-soċjetà tgħaddi mill-għarbiel tal-informazzjoni. L-għarbiel ta’ dak li ssib fil-ħajja diretta ta’ madwarha u dak li tiġi bbumbardata minnu fil-gazzetti. Mhux kollha diretti, anqas kollha veri, però inevitabilment jistimulaw diskussjoni. Is-soċjetà, bħal dejjem, trid tkompli tħares iktar lejn dak li hija trid li jittrijonfa. Għalhekk il-liġijiet li jsiru, il-miżuri li jiġu meħuda minn Stat bħal tagħna jridu huma wkoll joqogħdu għal dan l-għarbiel. Is-soċjetà tikber u tissaħħaħ minn dan. Tikber għax il-proċess lejn is-sewwa u dak li jħares li jkabbar iktar il-valuri li fuqhom inbniet f’kull ma jsir jiggarantiha effettivament.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT
22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f&...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment