1. L-eventi ta’ dawn l-aħħar tlett ġimgħat sarrfu fi gwerra ċivili bejn bnedmin li jgħixu f’din l-art ta’ taħtna. Il-ġlied, il-konflitti, il-qtil ta’ diversi għaddej ma’ kull jum f’passaġġ twil ta’ vjolenza li, aktar ma jmur, aktar qed jikkomplika ruħu. Għalkemm insegwu dak li huwa għaddej minn fuq il-mezzi varji tax-xandir internazzjonali qisu xi parti minn xi serje twila ta’ programm, fir-realtà hemm traġedja umana qegħda sseħħ. Il-persuni qed jisparaw u joqtlu lil xulxin, m’humhiex ser iqumu wara imma jindifnu.
2. Il-ġlied bejn il-bnedmin jitwieled mill-mibgħeda. Rabja għal xulxin li, ġaladarba tiżvoga fil-ġlied estern bi sparar, ħruxijiet u b’atti varji ta’ disprezz ma terġax iġġibha f’postha. Bħalissa qed nassistu għal tixrid ikbar ta’ mibgħeda li jidher ċar li kienet ilha tinġabar is-snin, li però issa ħarġet kompletament barra. Ix-xeni f’dawn il-jiem ta’ kumbattimenti intensivi, ta’ postijiet imfarrka b’marki ta’ artillerija, bombi u sparar qegħdin joħorġu sabiex juru rebħa ta’ naħa fuq oħra, imma fil-verità huma evidenza ħajja ta’ dak li qiegħed iseħħ u li aħna ma nifhmuhx biżżejjed.
3. Is-soluzzjonijiet għal dawn il-konflitti ma jiġux faċli, dejjem jekk wieħed jista’ jitkellem fuq soluzzjoni. Il-partijiet huma tant għal għonq xulxin li jekk ma jieqfux mill-ġlied, ma tkun tista’ qatt iġġibhom madwar mejda ta’ diskussjoni jew medjazzjoni. Anzi, mill-analiżi li qegħda ssir il-ħin kollu, jidher li kull naħa daħħlitha f’rasha li tista’ tgħix billi telimina lill-avversarju fil-kamp tal-battalja. Il-Libjani min-naħa ta’ Bengazi u dawk fuq in-naħa l-oħra ta’ Tripli għandhom diġà f’moħħhom li ser ikun impossibbli li xi ħadd minnhom jgħix taħt l-ieħor. Jekk tirbaħ naħa telimina lill-oħra, ma hemmx dubju, u dan twettqu sistematikament.
4. Min qiegħed fil-kamp tal-battalja jaf li qabad triq li kważi huwa mpossibbli li jerġa’ lura minnha. Dan ifisser iktar ħruxijiet, iktar determinazzjoni ta’ naħa jew oħra sabiex ma ċċedix. Ngħid żgur u mhux forsi li dawn it-tlett ġimgħat sarrfu f’rigress kbir għall-ekonomija, għall-ħajja soċjali u politika tal-pajjiż. Il-miżerja li qiegħed jinżel fiha jrid sforzi kbar sabiex jerġa’ joħroġ minnha, u dan nafuh mill-esperjenza ta’ kull konflitt qawwi li jsir bl-armamenti moderni tal-lum. Diġà t-Tieni Gwerra Dijija ħalliet, u għadha sal-ġurnata tal-lum tħalli effetti negattivi varji ta’ dawk l-atroċitajiet li saru 'l fuq minn sittin sena ilu, aħseb u ara dawn.
5. Id-dinja, il-komunità ta’ pajjiżi fil-Ġnus Magħquda, jridu jirreaġixxu għal dan, però kulħadd japprezza li m’huwa xejn faċli li ssib is-soluzzjonijiet mingħajr ma tispiċċa hija wkoll parti minn din il-vjolenza. Id-diskussjonijiet militari jagħtu soluzzjonijiet ta’ ġlied, sparar u konflitti u huwa diffiċli jsibu toroq differenti. Żona fil-Libja li fuqha ma jistgħux itiru l-ajruplani ma tissarrafx bix-xejn, imma b’interventi militari mill-ajru. Ir-riżultat ser ikun, żgur mhux forsi, komplikazzjonijiet oħra, iktar mewt, iktar tbatija, involviment xejn faċli għal dinja mimlija feriti u problemi varji.
6. Bħala bnedmin jista’ jkollna minn fostna li jimmaġina li l-vjolenza tista’ titwaqqaf bil-vjolenza, però x-xenarju hawn ma tistax tipprevedih. Għalhekk, diversi Stati li narawhom bħala parti mill-forza tal-ordni mondjali qegħdin joqogħdu lura. Dak li qiegħed jiżviluppa fil-Libja huwa parti sħiħa minn tastieri varji li ma jidhirx li għax-xhur li ġejjin ser joqogħdu lura u ma jiċċaqilqux. Ebda Stat waħdu m’għandu s-saħħa militari u ekonomika biex jindaħal f’kull konflitt, f’kull kriżi, iktar u iktar meta l-prezzijiet taż-żejt u ċ-ċereali ndikati fil-passat riċenti jitilgħu jiġru 'l fuq f’temp ta’ ftit siegħat.
7. Il-vjolenza li għaddejja, id-diżastri naturali li qegħdin issa naraw fil-Ġappun, il-kriżi ekonomika mondjali, jekk ma jinħadmux b’attenzjoni jkunu l-bidu ta’ anarkija qawwija. Dak li nafu llum jaf jispiċċa f’daqqa, bħal ma rajna meta waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin u kif qed naraw fid-dinja Għarbija, u għalhekk wieħed jista’ jifhem il-kawtela tal-pajjiżi li, fil-passat, jafu x’ħallsu u x’qed iħallsu għall-intervent tagħhom. X’ser jiġri fl-aħħar tal-ġurnata fil-konflitt li qed isir taħtna ser juruhulna l-jiem li ġejjin. Żgur mhux forsi, il-vjolenza ħarxa u qawwija li għaddejja ser ikollha biss effetti u impatti negattivi għall-poplu Libjan u għall-pajjiżi tal-Mediterran.
Dan l-artikolu deher fil-ħarġa ta' Il-Mument tat-13 ta' Marzu 2011.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment