24.9.15

Fl-interess tal-Poplu.





1.      Jingħad x’jingħad dwar l-Istati Uniti tal-Amerika, ftit huma dawk li jistgħu jmeru l-fatt li dak il-pajjiż għandu waħda mill-aqwa sistemi legali.  Dak li ġie mfassal fid-dokument bażiku tagħhom huma u jaffermaw ruħhom bħala poplu indipendenti u sovran jibqa’ uniku.  Jibqa’ ta’ ispirazzjoni kif kien fis-sekli li ilu jeżisti.  Dak li nkiteb kien frott ta’ ġabra ta’ nies intelliġenti, bil-għaqal, iffurmati fil-kultura klassika li ġiebu magħhom snin ta’ esperjenza u riflessjoni.  Mhux biss il-liġi tixgħel, iżda magħha wkoll id-diversi kitbiet li akkumpanjawha waqt li kienet qed tiġi maħsuba u miktuba.

2.      Wieħed mill-parteċipanti attivi kien James Madison li aktar ‘il quddiem kien ġie elett bħala r-raba’ President ta’ dak il-pajjiż.  Madison kien kiteb diversi biċċiet interessanti li anki llum ftit jiżbaljaw jekk jerġgħu jaqrawhom.  Minn dan nammetti li laqtuni dejjem dawn il-kliem li ġejjin u li għażilt f’dan l-artikolu.  Kull sentenza titlob riflessjoni: “If men were angels, no government would be necessary.  If angels were to govern men, neither internal nor external controls on government would be necessary.  In framing a government which is to be administered by men over men, the great difficulty lies in this: You must first enable the government to control the goverened, and in the next place oblige it to control itself”.

3.      Nikteb fuq dan għax f’dawn l-aħħar ġimgħat saret kampanja żbaljata u li tmur kontra l-ispirtu tad-demokrazija mill-Gvern tal-ġurnata kontra tagħna li qegħdin fl-Oppożizzjoni.  Il-Gvern bagħat il-messaġġ li l-Oppożizzjoni, l-ewwel ma għandhiex id-dritt li titkellem; it-tieni, li meta tagħmel dan qed tkun biss negattiva.  Dan huwa żbaljat għax Gvern mingħajr Oppożizzjoni jispiċċa jaqbad it-triq tad-dittatura.  Huwa fl-interess ta’ min jiggverna u jmexxi li jkollu Oppożizzjoni u li jħalliha taħdem.  Dan għax is-sistema demokratika hekk titlob u nittama li ħadd ma huwa joħlom li pajjiżna għandu jitmexxa b’xi sistema oħra.

4.      Għax meta jkun hemm min juża l-vantaġġi li Gvern għandu sabiex jibda jattakka lil min jikkritikah u ma jħarisx li jispejga, allura jkun qiegħed imur kontra l-interess tal-poplu.  Laqatni b’mod partikolari dak li ntqal mill-kelliem tagħna fuq dan Clyde Puli, li rreaġixxa kontra l-istqarrija li saret mid-Dipartiment tal-Informazzjoni biex jiġi attakkat Beppe Fenech Adami bi kliem spreġjattiv.  Għax huwa diġà gravi li nqabdet il-linja li għal kull ma jingħad minna r-risposta hija li aħna negattivi, però huwa ferm iktar hekk meta d-dipartiment li huwa mħallas biex jinforma lill-pajjiż jispiċċa jiġi użat biex jgħajjar.  Jekk membru tal-Gvern, ministru, segretarju parlamentari jew ħaddieħor irid jagħmel hekk (għalkemm ikun skorrett u jaġixxi kontra l-pożizzjoni tiegħu) jista’, biss ma jużax strument imfassal għal messaġġi differenti.

5.      Il-Gvern li ma huwiex kapaċi jifhem u jaffronta l-argumenti tal-Oppożizzjoni jkun qabad triq f’direzzjoni ħażina.  L-Oppożizzjoni qegħda hemm biex tikkontrolla ħidmet il-Gvern.  Biss dak ma huwiex xkiel iżda assikurazzjoni lejn is-sewwa.  Iktar u iktar meta tkun ġejja minn diversi minna li għandhom għal qalbhom l-interess tal-poplu u tal-pajjiż tagħna.  Ħadd ma jista’ jippretendi minna li naraw l-affarijiet li ma humiex tajba u ma nitkellmux.  L-ewwel inkunu qed naġixxu kontra s-sewwa; it-tieni nkunu qed immoru kontra dmirna, u t-tielet inkunu qed nirrelegaw pajjiżna għal wieħed tar-raba’ dinja.  Nafu li aħna bnedmin, mhux kif qal Madison, anġli u allura bżonn ta’ xulxin fl-interess tal-poplu u mhux għall-interess partikolari ta’ xi ħadd.

6.      Il-problema li llum qegħda iktar u iktar tiżviluppa mhix tant ħidmet l-Oppożizzjoni bil-kumplikazzjonijiet u d-diffikultajiet li għandha, iżda fl-inabilità tal-Gvern li jaħdem magħha.  L-eżami għal kull min għandu l-poter qiegħed mhux biss f’li jifhem li għandu jiġi kontrollat sabiex jikkontrolla aħjar lilu nnifsu, iżda li jikkollabora mal-Oppożizzjoni.  Jekk min qiegħed imexxi jġib lilu nnifsu f’pożizzjoni li jieqaf jiddjaloga u jirraġuna mal-Oppożizzjoni, allura jkun qabad it-triq għal isfel.  Jekk dak li qiegħed iwettaq għalih huwa daqshekk tajjeb, allura għala għandu jkollu daqshekk problema biex jispjega barra u jirbaħ l-argument?

7.      Ngħarfu li r-raġuni ma tridx forza u daqshekk ieħor nifhmu li meta tintuża l-forza ma jkunx hemm raġuni warajha.  Kull nhar ta’ Ħadd, min qiegħed imexxi pajjiżna jħoss li għandu jibgħat il-messaġġ li kull min b’xi mod ma jaqbilx miegħu huwa kontra tiegħu u allura kontra l-pajjiż.  Dan huwa viċin dak li kienu jagħmlu l-monarki u dittaturi passati.  Dawn huma atti żbaljati għax ħadd ma jkollu raġun sħiħ fuq ħaġa u wisq inqas ma jkun għamel kollox perfett.  Jekk ma jridx jisma’ lill-Oppożizzjoni, allura ma jkunx qiegħed jaġixxi f’isem il-poplu kollu.  Il-Gvern għandu d-dmir li jisma’, u sew, dak li jingħadlu.  Iktar u iktar f’din il-leġislatura li għandha fuq il-bank tal-Oppożizzjoni diversi membri li servew lill-pajjiż u għalhekk għandhom l-esperjenza li ħaddieħor m’għandux.

8.      Dan kollu huwa iktar u iktar importanti f’dan il-mument tal-istorja parlamentari tagħna.  Għax għalkemm hemm min ra ċ-ċaqlieqa tal-post fejn konna qed niltaqgħu bħala parlament bħala kwistjoni loġistika, hemm iktar warajha.  Ma’ kull jum, b’dak li qed nara u nisma’, b’mod partikolari dak li l-Ispeaker iddikjara diversi drabi, sejrin lejn iktar tisħiħ tal-leġislatura.  Tisħiħ ta’ din it-tielet id tal-Istat demokratiku li titlob li min qiegħed imexxi jkun mhux biss sensittiv iżda li ma jżommx lura.  Il-pajjiż jirbaħ b’dan l-organu leġislattiv, iktar separat, awtonomu u indipendenti.  Huwa fl-interess tal-poplu li dan jibqa’ jiġi msaħħaħ.  Huwa fl-interess nazzjonali li d-demokrazija tibqa’ tiġi ssudata.  Għax huwa f’din il-linja li l-Gvern għandu jifhem dak li qiegħed għaddej u ma jżommx lura proċess normali li l-Partit Nazzjonalista ma opponiex, anzi saħħaħ.  Għax bħala partit ħarisna diversi drabi fit-tul u mhux għall-interess partikolari tal-mument.  Għalhekk, minkejja kollox, nibqgħu nħossu li għandna nitkellmu għax huwa fl-interess tal-poplu u minn dan m’għandniex il-ħsieb li mmorru lura.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...