4.9.15

Fejn Sejjer dan il-Gvern?




1. Il-politika tul dan ix-xahar t’ Awissu kif rajna baqgħet għaddejja ħajja. Il-Gvern dieħel minn borma ta’ inkwiet għall-oħra u l-Oppożizzjoni, kif huwa dmirha, titkellem. Għalkemm hemm mezzi tax-xandir li qed jipprovaw ipinġu dan kollu bħala xi ħaġa li m’għandekx tagħti każ tagħha għax hija frott ta’ pika, fir-rejaltà hemm ferm iktar. M’hix kwistjoni ta’naħa tgħid abjad u l-oħra iswed. Hija anzi sitwazzjoni fejn hemm bzonn li naħa tibqa tiġbed l-attenzjoni u tnigges il-kuxjenza tal-Gvern. L-Opposizzjoni tirrapreżenta elettoralment dawk li vvutawlha, pero l-vuci tagħha m’hix limitata għal dawk biss. Kliemha jmorru ‘l bogħod iktar għax hemm interess li l-istat demokratiku Malti ma jmurx iktar lura milli huwa sejjer.


2. Għandna interess fil-poplu u għandna wkoll id-dmir li nassiguraw li dak li ħallejna tajjeb warajna ma jitkissirx. Ma kull jum niskopru xi waħda ġdida - aġir żbaljat, xamm ta’ korruzzjoni, preferenzi, bażużlizmu, klijenteliżmu għaddejjin il-ħin kollu fl-arja. Hemm issa sensiela ta’ skandli sħaħ jew li qed jiffurmaw iktar ruħhom li qed jssemmew min-nies fit-triq. Il-pajjiż qiegħed jifhem li l-integrità, l-onestà, il-ġustizzja ma humiex prijoritajiet kbar tal-Gvern. Meta min ikollu f’idejh il-poter jara aġir simili u ma jiċċaqlaqx allura wieħed jibda mingħajr ma jrid jidħol fit-triq mentali li jaħseb li hemm barkiet moħbija.


3. Fil-pajjiż qed jikbru iktar l-każijiet ta’ inġustizzji, ta’ aġir żbaljat, ta’ teħid ta dak li ma għandux jittieħed. Ħafna jitkellmu, pero hemm issa numru li żbaljatament bdew jdawwru wiċċhom u jħallu kollox għaddej. Hemm vuċi qawwija ġewwa ħdan il-pajjiż li qed tibża titkellem. Hemm nies li ħargu bi ħġarhom wara l-Partit Laburista, li vvutawlu, li ħadmulu li qed jsibu ruhhom minn taħt għall-oħrajn. Hawn ħafna persuni tal-affari tagħhom li qed jaraw dak li qatt ma ħasbu li ser ikunu xhieda tiegħu. Hemm wisq persuni li qed japprofittaw irwieħhom b’mod mill-iktar sfaċċat. Hemm bnedmin li bl-iskuża tal-politika qed jaġixxu u jwettqu azzjonijiet ħżiena fil-konfront tal-oħrajn. U dawn m’humiex dawk li kienu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista u issa ma baqgħux, iżda huma wkoll Laburisti magħrufin.


4. Hawn wisq persuni li qed japprofittaw irwiehom, speċjalment f’postijiet fejn titlob x’titlob jgħidulek iva li ser iġibu konsegwenzi ħżiena. Hemm il-konsegwenzi diretti fuq il-bnedmin li qed isofru fis-skiet u hemm dawk fuq il-pajjiż kollu. Din il-ġimgħa wasal f’idejja r-rapport dettaljat li l-uffiċċju tal-Ombudsman fassal b’rejazzjoni għat-twaqqif ta’ Kummissjoni għad-Drittijiet Fundamentali u l-Ugwaljanza. Kelli l-opportunità li naqra biċċiet sew minnu. Huwa dokument li jitlob riflessjoni u attenzjoni pero li qiegħed igib fuq il-ħoġor tas-soċjetà il-kwistjoni fundamentali ta’ min ser jgħati rimedju effettiv lil min jilmenta li naqsulu drittijietu.


5. Id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem f’soċjeta demokratika titlob ħafna, iktar u iktar fis-soċjeta tagħna - soċjetà li għad għandha ħajja l-memorja tas-sittax –il sena ta’ gvern soċjalista. Qed tgħaraf dak li huwa għaddej u qed tqabbel. Iktar ma tifhem qegħda iktar toqgħod lura. Id-domandi li jqumu naturali huma, l-ewwel, min huwa lest li jitkellem? It-tieni, min lest li jiddefendi? It-tielet, min ser jagħti rimedju malajr u li minnu ma jkunx hemm konsegwenzi oħra? Il-kwistjoni essenzjalment m’hix fuq l-ewwel tnejn iżda hija aktar marbuta mat-tielet. Il-pajjiż qiegħed jara li ħafna sejjer lura pero m’ hux biżżejjed konvint li jekk jirrikorri lejn l-istituzzjonijiet demokratici ser jkollu l-ewwel rimedju effettiv u t-tieni li mhux ser jaqlagħha fuq ħaġa oħra.


6. Li żżid fid-difiża taċ-ċittadin, kif jgħid sew ir-rapport, huwa tajjeb pero’ irridu nassiguraw iktar u iktar li dak li għandna jaħdem b’iktar veloċità u effettività. Għandna immorru għal toroq oħra mingħajr ma nabbandunaw dak li għandna. Naħdmu b’li għandna u mhux nistennew xi ħaġa ġdida li għad trid tibda tahdem. Ngħid dan deċiżament b’ebda kritika lejn ħadd, imma sempliċement biex wieħed jqiegħed l-affarijiet fil-kuntest u l-perspettiva tagħhom. Għax qabel xejn għandna nduru u naraw x’qiegħed isir u x’qiegħed jaħdem għad-difiża tas-sewwa u l-ġustizzja. Ibda mill-Gvern li ma huwiex hemm biex jikkometti l-inġustizzji u l-inugwaljanzi, iżda biex ikun id-difiża taż-żgħir u l-batut.


7. Is-soċjetà demokratika m’hix xi logħoba bejn min jwettaq dak li ma għandux u l-abbilità ta’ ħaddiehor li jaqbdu wara. Id-demokrazija tagħna hija dik li tagħti lil kull persuna l-garanzija li drittijietu mhux ser jinkisru mill-istess Gvern li huwa mqabbad jipprotegih u jmexxih ‘l-quddiem. Meta l-pajjiż jieqaf jisma u jara dak li għaddej u ma jkunx hemm rejazzjonijiet da parti ta’ min qiegħed fil-poter, allura l-affrijiet jmorru iktar lura u l-Gvern jittaqqab iktar. Diġa ġieb ruħu u dawwar lilu innifsu b’dak li jridhom jgħidulu iva għal kollox, għalhekk kif jista jifhem x’qiegħed isir ħażin? Il-Gvern ttaqqab waħda sew u numru ta’ ministri tiegħu qed ikunu huma stess il-kaġun ta’ dak li għaddej.


8. Jekk meta niġu għax-xahar li ġej ma ssirx taqliba ġenerali fejn min żbalja jitqiegħed f’postu, allura t-triq ta’ dan il-Gvern tibqa nieżla dejjem iktar l-isfel. Gvern li ma jridx jisma’ dak li l-Oppożizzjoni l-ħin kollu tgħidlu, li jrid jaħrab mir-rejaltà li l-poplu qiegħed imiss magħha, qiegħed jikteb paġni suwed fl-istorja ta’ pajjiżna. Il-poplu, l-elettorat huwa l-ewwel interessat iktar f’li l-affarijiet jsiru sewwa iktar milli f’min qiegħed effettivament imexxih. Il-ġudizzju qiegħed f’dan biċċa biċċa jifforma ruħu. Il-pajjiż jgħaraf li t-triq hija lejn l-isfel. Jgħaraf ukoll li hemm bżonn rimedju effettiv u malajr pero m’ huwiex konvint li dan ser isir. Ħidmet l-Oppożizzjoni f’dan hija iktar u iktar kruċjali. Nibqgħu il-vuċi tas-sewwa u tar-raġuni li trid li l-affarijiet jsiru sewwa u għall-iżbalji li saru jkun hemm rimedju.  Biss, billi nafu li hemm min ma jridx jagħti widen, ma għandniex dubju li l-Gvern ser jżid ir-rankatura li tieħu lil pajjiżna iktar u iktar l-isfel.     

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...