12.9.13

Prepotenza, arroganza, awtorità u verità



1.            Waqt li l-pajjiż għamel il-ġimgħa li għaddiet iħoss l-istaġun tas-sajf jonqos bid-dħul tal-ewwel ħalbiet tax-xita, ġie mmarkat punt determinanti mill-Oppożizzjoni.  Punt li minnu diġà beda jitneħħa l-paraventu sabiħ u mpitter mill-partit, illum fil-Gvern, fis-snin li għaddew fl-oppożizzjoni.  Jitneħħa sabiex naraw, l-ewwel, li altru dak li kienu jgħidu, u altru dak li qed iwettqu.  It-tieni, li ma kien hemm ebda forma ta’ preparazzjoni jew pjan f’xi settur; u t-tielet, li l-awtorità leġittima ta’ min qiegħed fil-poter bdiet tinbidel daqqa fi prepotenza u oħra f’arroganza.

2.            Nhar il-Ħamis 5 ta’ Settembru, ġewwa l-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar, magħrufa bħala “l-MEPA”, rat membri tal-Oppożizzjoni jikkumbattu biċċa minn din l-istrateġija.  Jikkumbattu sabiex, bil-forza solitarja li Oppożizzjoni għandha, tikxef u tqiegħed quddiem il-pajjiż u l-poplu dak li huwa għaddej baxx baxx.  Il-ġlieda, il-punt ta’ konfront seħħ bil-kollegi George Pullicino u Ryan Callus jieħdu sehem determinanti biex iressqu r-realtà, biċċa gabirjola tal-prima klassi, fejn il-verità ġiet feruta.

3.            F’dik il-laqgħa ħarġet fil-beraħ talba li għamel il-Gvern li l-MEPA tawtorizzah ikompli juża ‘l hekk imsejjaħ “heavy fuel oil” fl-estensjoni tal-power station ta’ Delimara sa’ Marzu 2014.  Forsi wħud, fix-xmara ta’ kliem li kien jingħad, insew kemm dan il-punt kien żiemel tal-battalja għall-Partit Laburista fil-kampanja elettorali.  Għamilna xhur nisimgħu kemm kellna qalbna iebsa, kemm ma ridniex ġid lill-persuni li jgħixu fil-parti t’isfel ta’ pajjiżna, b’mod partikolari x-Xlukkajri.  Kemm smajna pampaluni jgħidulna fuq studji, mard u kull forma ta’ kumplikazzjonijiet.

4.            Minn dak li qed naraw, kien kollu diskors vojt u intenzjonat biss biex jidħak bin-nies.  Fuq naħa tibni mostru, u fuq l-oħra tidher li int ser tkun il-partit tal-liberazzjoni.  Tant qajmu biża’,li din l-istess MEPA kienet ġustament f’Diċembru 2012, fl-użu leġittimu tal-poteri mogħtija bil-liġi, ħarġet permess biex il-“heavy fuel oil” jiġi użat sal-aħħar ta’ Ġunju 2013 bil-kundizzjoni li jiġi ppreżentat rapport ta’ x’kien qed ikun hemm fl-arja f’dawn l-aħħar xhur.  Ir-rapport ma ġiex preżentat.  Terġa’, għaddew Lulju, Awwissu u l-ewwel jiem ta’ Settembru ta’ użu mingħajr awtorizzazzjoni tal-“heavy fuel oil”, u għalhekk illegali, u issa ġew għall-awtorizzazzjoni ġdida.

5.            Ammirajt il-kuraġġ, id-determinazzjoni ta’  George Pullicino li għamel il-kumbattiment sabiex il-punti neċessarji jinkixfu.  Jinkixef li l-Prim Ministru illum mhux qed jgħid, imma jwettaq il-kontra ta’ dak li kien qal meta kien Kap tal-Oppożizzjoni.  Proprju f’Diċembru 2011, ta lil kull min semgħu x’jifhem li ma riedx li jiġi
użat dan il-“heavy fuel oil” minn dak li hu stess sejjaħ “il-fabbrika tal-kanċer”.  It-tieni, kixef li min ħa l-poter m’għandux pjan jew direzzjoni vera u ħalla sitt xhur jgħaddu fejn la assigura li r-rapport jiġi preżentat pubblikament, anzi sab ruħu mikxuf fl-illegalità, u terġa’ nsista li jibqa’ jużah għal seba’ xhur oħra.

6.            Quddiem dan kollu l-Bord tal-MEPA approva.  Ta t-timru lil dak li ma kellux.  L-ewwel, għax kien iffaċċjat b’applikazzjoni tard u li ma turix kura u attenzjoni għal kwistjoni daqshekk delikata u sensittiva.  It-tieni, għax kienet il-kontra ta’ dak li kien rabat lilu nnifsu l-applikant sabiex iwettaq.  Dan huwa mill-iktar gravi għalina fl-Oppożizzjoni.  Serju, l-ewwel, għall-mod ta’ kif sar użu mill-poter leġittimu u demokratiku; it-tieni għax il-verità baqgħet ma ħarġitx.

7.            Il-poplu għandu d-dritt sagrosant li jkun jaf jekk huwiex minnu li l-użu tal-“heavy fuel oil” kien, u għadux, jagħmel ħsara lis-saħħa tant kbira li min huwa l-Prim Ministru kien iddeskriviha bil-miktub f’ittra tat-18 ta’ Jannar 2013 “magna tal-kankru”.  Minflok, il-Gvern jidher ċar li qiegħed jaħrab u jaħbi fuq dan.  Maqsum jaħdem f’direzzjonijiet kuntrarji.  Minn naħa jitlob estensjoni għall-użu, u fuq l-oħra ma jridx jippubblika r-rapporti li diġà għandu f’idejh.  Rapporti li juru, iswed fuq l-abjad, jekk hemmx il-ħsara li kien qal, jew le.  Rapporti li għandhom dritt ikollhom dawk kollha li jgħixu fil-parti t’isfel ta’ pajjiżna.

8.            F’kull direzzjoni, il-Gvern qed jitlef il-kredibilità u l-fiduċja. Il-punt hu li jekk juri li l-arja ma kienetx u mhix imniġġża, allura għamel montatura mill-iktar kundannabbli.  Fuq in-naħa l-oħra, jekk hija hekk, allura huwa irresponsabbli li qed jitlob estensjoni ta’ effettivament sena oħra għall-użu ta’ dan il-materjal li jġib it-tbatija u l-mewt.

9.            Nagħlaq billi ngħid li aħna nafu li dan il-Gvern għandu maġġoranza kbira.  Nafu li ġieb l-ikbar numru ta’ voti u l-iktar siġġijiet fil-Parlament.  Dan għalina jfisser li jista’ jiggverna, li għandu d-dritt u dmir li jeżerċita l-poter li l-awtorità leġittima tagħtih.  Għal diversi oħra li ħadu l-kmand f’diversi karigi, qed tinbidel minn awtorità għal prepotenza  u arroganza.  Kif rajna, is-sajf kien u baqa’  miżgħud b’eżempji bħal dawn.  Mar-radda tas-salib issib waħda ġdida, iktar kreattiva u traġika minn dik ta’ qabilha.  Din, sfortunatament, daħlet hija wkoll f’din il-kategorija b’piż mill-iktar gravi u serju fejn, għal darb’oħra, huwa l-poplu li ser ibati minħabba fiha.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...