23.9.13

Bl-Indipendenza qbadna triqitna



1.                  Ma’ kull jum, il-pajjiż jifhem li l-pass determinanti tal-21 ta’ Settembru 1964 serviena tajjeb.  Il-Partit Nazzjonalista kien, mit-twaqqif tiegħu, dak li ried li dawn il-gżejjer jitmexxew minn dawk li jgħixu fuqhom.  Kellu dejjem il-fiduċja li ladarba nkunu għal rasna nixmu ‘l quddiem.  Ma kenitx deċiżjoni faċli.  Diversi kienu esprimew ix-xettiċiżmu u l-oġġezzjoni tagħhom għal dan il-pass.  Kien hemm min bassar li ser iseħħu t-traġedji, oħrajn tkissir irrimedjabbli.  Biss, illum għandna lkoll ngħidu li dan ma seħħx.

2.                  Ma seħħx prinċipalment għax f’dawn is-snin ta’ indipendenza, il-Partit Nazzjonalista mexxa ‘l quddiem lil dan il-poplu b’għaqal u intelliġenza.  Il-fatti juru li, fid-diversi leġislaturi passati, kien dan il-partit li qiegħed il-pedamenti sabiex ikollna demokrazija u ekonomija sodi.  Ħadd ma jista’ jmeri li aħna ma morniex lura taħt tmexxijiet nazzjoalisti.  Il-pajjż illum mhux biss huwa indipendenti, imma rnexxielu jissoda dan bid-dħul tiegħu bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea.  Il-preżenza ta’ pajjiżna fix-xenarju Ewropew u internazzjonali hemm qiegħed.

3.                  Dan huwa l-wirt li bih għaddejna ‘l-pajjiż lil din l-amministrazzjoni.  Jistgħu jmaqdruna, jippruvaw ikerrħu dak li wettaqna, biss il-Gvern tal-lum jaf li għandu vantaġġi li ebda pajjiż ieħor ma kellu.  U dawn ġew fis-seħħ mertu ta’ ħidma kostanti, determinanti u magħmula favur il-proxxmu.  Il-kredtu li bnejna, il-viżjoni tagħna sabiex jintlaħqu miri ġodda affermaw b’mod ċar u indiskutibbli li dan huwa stat, modern, Ewropew u demokratiku li għandna raġun biex inkunu kburin bih.

4.                  Il-Partit Nazzjonalista m’għadux fil-gvern.  Illum qiegħed fl-oppożizzjoni, iżda dan ma jfissirx li aħna tlifna mill-imħabba lejn pajjiżna u li nibqgħu, kif ilna, niċċelebraw il-Jum tal-Indipendenza.  Anzi, din hija sena importanti għalina li qed nerġgħu nħarsu ‘l-quddiem biex nibnu partit li fl-aħħar elezzjoni ma marx daqshekk tajjeb fil-kunsens popolari.  Il-partit inbidel f’dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jmexxuh ‘il quddiem.  Għalihom il-pożizzjoni mhix assolutament faċli.  Hija waħda diffiċli u kkumplikata.  Waħda li minnha rridu nerġgħu nġibu partit jaħdem fil-kapillari sħaħ tiegħu.

5.                  Dawn il-jiem, f’dawn il-festi, ittieħdet id-deċiżjoni t-tajba li tiġi ċelebrata l-Indipendenza.  L-attivitajiet li ttellgħu saru b’intelliġenza u bl-għarfien li għandna l-aspett finanzjarju tal-partit li jrid jiġi lura fuq saqajh.  Ma kien hemm xejn barra mill-kalkoli, anzi kollox sar b’attenzjoni sabiex dak li noħorġu nieħdu ħsieb li jerġa’ jinġabar lura.  Daħlu lura l-loġika u s-sens li bih il-partit kien imdorri li jaħdem bihom.  Għal diversi bnedmin li taw ħafna mis-sigħat ta’ ħajjithom għal dan il-parit, dawn il-jiem reġgħu tawhom il-messaġġ ċar li erġajna qegħdin lura fuq it-triq it-tajba.

6.                  Il-Partit Nazzjonalista għandu diversi miri li jrid jilħaq.  Irid jerġa’ jkabbar l-organizzazzjoni interna, jissoda t-tixrid tal-ġurnali u l-kotba tiegħu, iwassal aħjar il-messaġġ u l-ideat tagħna u jkun, fuq kollox, Oppożizzjoni soda fil-Parlament u barra.  Wara l-figuri tal-aħħar kampanja elettorali, il-partit irid iżomm saqajh ferm iktar mal-art minn qatt qabel.  Irid jassigura li jimxi ‘l quddiem mhux fuq il-ħolm jew li jħares lejn dak li m’għandux verament kontroll fuqu.  Il-linja tagħna trid tibqa’ dik li nibnu lilna nfusna ma’ kull ġurnata.  Irridu nibqgħu deċiżi li jkollna Oppożizzjoni b’saħħitha.


7.                  Ir-riżultati ta’ dawn l-aħħar jiem, bil-meeting tal-bieraħ, żgur mhux forsi saħħew il-qalb u d-determinazzjoni ta’ diversi.  Ngħarfu li minn hawn ‘il quddiem bdejna triq li ser tiftaħ paġna ġdida f’ħidmet il-partit.  Waħda li ser tassigura li nibqgħu rilevanti, attivi u sodi.  Nibqgħu partit li għandu sehem importanti fl-istorja ta’ dawn il-gżejjer, kif konna tul l-istorja.  Għandna ħames snin quddiemna li tulhom irridu naħdmu sew u nġibu oħrajn magħna.  Fil-jum tal-Indipendenza huwa mill-iktar evidenti li qbadna, b’umiltà, it-triq li tkompli tmexxina ‘l quddiem.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...