1. Bdejna u komplejna ġimgħa fejn il-Prim
Ministru ddeċieda li jinżel fil-kamp tal-battalja u jidħol dritt dritt
għall-kampanja medjatika. F’ħafna, din kienet
ripetizzjoni ta’ dak li seħħ tul in-numru ta’ snin li għaddew. Drajnih mingħajr ma ċekkinnih. Il-persentaġġi tal-opinjoni juru mod, u
allura jrid jidħol sabiex jibdew juru mod ieħor. F’ħafna drabi, mertu tiegħu, rnexxielu. Wassal messaġġ b’ripetizzjonijiet ripetuti
tal-istess punti magħmula fi programmi differenti. Kuljum, kull filgħaxija sibnih jidher iwieġeb
għal domandi differenti jew ixandar waħdu.
Kull darba mmissu mal-kuntrasti bejn il-verità u l-fatti, u fuq in-naħa
l-oħra l-perċezzjonijiet varji li jittieħdu.
2. X’ser
jirnexxilu jwassal din id-darba, ma nafx.
Biss, rajt li niżel kmieni wisq fil-leġislatura u qiegħed jidher li qed
jirreaġixxi mingħajr ma neċessarjament jaf fejn huwa ser iwassal lilu
nnifsu. Għax hemm ċerti regoli li ftit
jistgħu jaħarbu minnhom. Fil-Gvern,
il-partiti politiċi jitilfu mill-udjenza u mill-appoġġ. Ftit huma dawk li jirnexxilhom il-kontra,
imma dan ma jfissirx li hawn f’pajjiżna dan ma jistax iseħħ. Iktar u iktar b’persuna li rnexxielha
tikkonsolida fiha maġġoranza qawwija li ħadd qablu ma rnexxielu. Imma biex verament jirnexxilek, trid
tiċċumbahom bil-preċiż waħda wara l-oħra, u mhux tittama li waħda tpatti għal
diversi oħrajn żbaljati.
3. Hemm
ir-realtà tal-fatti li kull mexxej jista’ jew iżomm magħhom jew jaħrab
minnhom. Jiddependi xi jrid għalih
innifsu u għal dawk li, f’demokrazija, jirrappreżenta. Illum hemm konsolidat li diversi
deċiżjonijiet mhumiex qegħdin jittieħdu mill-Ministri nfushom, imma direttament
miċ-ċentru ta’ Kastilja. Hemm indħil
kontinwu li, fl-aħħar tal-jum, inkwiet ser iġib. Il-ħsieb li f’kull rokna tal-istituzzjonijiet
irid ikun hemm persuni mhux sempliċement lejali, imma lejalissimi, lejn il-Prim
Ministru qed idur fuq ilsien in-nies.
Tidher ċara li hemm fissazzjoni qawwija li kull persuna trid tiġi
mneħħija u flokha tidħol oħra li mhux neċessarjament għandha l-istess
esperjenza jew abbiltà bħal ta’ qabilha.
4. Dejjem
jekk kemm-il darba x-xniegħat isiru realtà, din il-ġimgħa smajna b’numru ta’
tibdiliet oħra, partikolarment fl-amabaxxaturi ta’ pajjiżna. Huwa ċar li l-għażla qegħda ssir mhux fuq
il-merti diplomatiċi jew ta’ konoxxenza diretta tal-affarijiet barranin, imma
fuq dawk politiċi. Ngħid li anqas,
fl-opinjoni tiegħi, ma qegħda ssir b’konvinzjoni mill-Ministru jew
mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Għalhekk, ser nerġgħu nibgħatu barra minn xtutna persuni li ma ġewx
imħarrġa għal dak il-post. Ngħid li,
mingħajr ma tagħmilha regola tad-deheb, aktar ma jkollok diplomatiċi
tal-karriera iktar aħjar għax tissoda l-livell tagħna. Dan għax hemm persuni li mhumiex fis-servizz
li jistgħu jkunu kapaċi jidħlu jitħalltu u jibdlu ċertu impostazzjonijiet.
5.
Biss, tant kollox qiegħed isir malajr malajr li
l-prudenza u l-għaqal qed jinxeħtu ‘l barra mit-tieqa. Mhux biss, imma hawn dan l-indħil kontinwu li
qiegħed iwassal għal dawn it-tipi ta’ reazzjonijiet reazzjonarji. Forsi kien ikun aħjar li għażilna triq iktar
trasparenti, ġdida u progressiva fejn il-mertu jista’ jiġi mkejjel. Wara d-diskors kollu li ntqal fil-kampanja
elettorali kont naħseb li dan il-Gvern kien jippreferi li jġib lil dawk li
beħsiebu jappunta bħala ambaxxaturi quddiem il-Kumitat Parlamentari qabel u,
l-ewwel, isir għarbiel u skrutinju demokratiku.
Dan mhuwiex isir, u wisq inqas ser isir, għax dak li ntqal mhuwiex dak
li ser isir. Dan għax jidher ċar li
f’moħħ uħud mill-partit li l-maġġoranza elettorali qawwija u tagħhom trid
tissarraf b’deċiżjonijiet li jaffermaw b’saħħa, kontra l-forza tar-raġuni, dik
l-impożizzjoni.
6. Hemm
diversi kuntrasti li llum, wara d-9 ta’ Marzu, qed jiġu reġistrati mill-poplu. Altru dak li ntqal fil-kampanja, u altru dak
li qiegħed isir. Altru d-diskors ħelu u
li jiġbdek li sar qabel, u altru dak li qiegħed isir illum. L-impostazzjoni hija lejn impożizzjoni u
affermazzjoni li l-poter qiegħed f’idejhom.
Għad-differenza ta’ żmien ieħor, din tal-lum hija soċjetà demokratika
fejn il-poplu għandu moħħu ferm iktar miftuħ minn qabel. Tista’ tipprova tinfluwenzah minn ħafna
bumbardamenti fejn tidher il-ħin kollu.
Biss mhuwiex ser jibla’ dak kollu li tgħid, issa meta qiegħed jibda’
jingidem. U dan mhuwiex ġej għax xi ħadd
naqas lill-ieħor fl-istima jew fl-apprezzament tal-kwalitajiet tiegħu, imma
għax hemm realtà li kull politiku jrid jiffaċċja. Fosthom, fortunatament, il-Prim Ministru
nnifsu.
No comments:
Post a Comment