9.6.13

Dak li fuqu taħdem il-politika.



1.         Hemm, sfortunatament, diversi persuni fil-politika li jaħsbu li elezzjonijiet jintrebħu u jintilfu skont kemm partit jirnexxilu jwettaq pjaċiri individwali, skont kemm ikun qeda nies.  Ma naqbilx ma’ dan.  Il-poplu jħares, fil-maġġoranza tiegħu, lejn dak li huwa għaddej fil-pajjiż u jekk taħt tmexxija jew oħra huwiex sejjer jimxi ‘l quddiem.  Ifittex il-boxxla politika ta’ partit minn ieħor u jara jekk huwiex sejjer jara l-pajjiż jimxi u javvanza fit-toroq it-tajba li jsawru aktar ġid u progress soċjo-ekonomiku.  Ifittex jara jekk il-kelma tal-irġulija jżommhiex jew le.  Meta din il-verità tintilef, il-linja politika li toħroġ tkun waħda li ma trebbaħx, anzi tnaqqas mill-valur u s-sustanza tagħha.

2.         Il-poplu jħares lejn il-valuri li partit iħaddan.  Iħares ukoll u jara minn min huwa magħmul il-partit.  Min huma l-bnedmin li jiffurmawh u dak li jgħaqqadhom flimkien.  Il-kredibilità politika tagħna tiddependi proprju minn dan.  Tiddependi kemm aħna kapaċi naħdmu lejn ideali, lejn prinċipji li huma ċari.  Valuri li kapaċi nfissru u nuru li l-politika tagħna hija msawra fuqhom.  Meta partit jitlef din il-linja ta’ ħidma, bħalma naħseb li tlifna fl-aħħar elezzjoni ġenerali, allura ma jirbaħx il-fiduċja u minflok jitlef il-kredibilità elettorali tiegħu.

3.         Meta partit jarmi l-importanza tal-prinċipji, jarmi wkoll id-direzzjoni politika tiegħu.  Jiġi li ma hemmx differenzi bejnu u bejn oħrajn.  Isib lilu nnifsu fil-pożizzjoni li la hu u lanqas oħrajn ma jafu x’inhuwa u x’jirrappreżenta.  Fil-politika hemm dawk li jidħlu għaliha u jkunu lesti jduru ma’ kull riħ, l-aqwa li jkunu fil-poter, u oħrajn li jħarsu lejn direzzjoni soda.  Hemm min jaħseb li tal-ewwel jirbħu, mentri tat-tieni jitilfu, imma dan mhuwiex il-każ.  Il-poplu f’demokrazija jippreferi dawk li għandhom idejal, prinċipju, valur u direzzjoni.  Jippreferi jkun jaf fejn huwa ma’ min ivvota milli ma’ dawk li jafx.  Jippreferi jkollu bnedmin li jiddikjaraw minn qabel x’sejrin iwettqu u jifhem għala jridu jwettquh qabel jivvutalhom.  Irid bnedmin retti u onesti f’għemilhom, sija fil-pubbliku kif ukoll fil-privat, biex verament jafdahom.

4.         Dawn il-lezzjonijiet, dawn il-veritajiet, il-partit meta ma tahomx l-importanza li ħaqqhom, ma kellux suċċessi elettorali.  Inqajjem dan issa għax wara snin fil-gvern, hemm bżonn li nirriflettu fuq l-esperjenzi passati li għadda minnhom il-partit u nħarsu lejn kif ser nibnu l-futur.  Il-partit għandu issa l-opportunità u l-ħin li jibni tajjeb.  Għandu l-mument meta jrid jirrifletti u jara li jerġa’ jirbaħ lura ħafna mill-kredibilità li tilef.  Irid jassigura li jkollu iktar għaqda ġewwa fih milli kellu fl-aħħar leġislatura, ma hemmx dubju.  Però hemm iktar li jrid jifhem.  Irid japprezza li l-poplu naqqas sew il-fiduċja fih proprju għax hemm barra kien qiegħed jibgħat il-messaġġ li tilef melħtu.

5.         M’għadniex fil-gvern u dan hemm bżonn li diversi jifhmuh sewwa.  Bħalma hemm bżonn li japprezzaw li fl-Oppożizzjoni, fl-ewwel sena tagħna, l-affarijiet ser ikunu iktar diffiċli.  Il-ħidma tagħna fil-Parlament u fis-soċjetà bħala Oppożizzjoni titlob preparazzjoni differenti.  Hija ħidma kostituzzjonali, demokratika li hija vitali għal din is-soċjetà.  Iktar ma ssir tajjeb, iktar aħjar.  Biss ma tridx tkun sempliċement reazzjonarja, imma trid tkun waħda pro-attiva, anke jekk fiha s-sogru li dak li tkun qed tipproponi jittieħed u jiġi mwettaq mill-Gvern.  L-intelliġenza tagħna, il-formazzjoni politika li għandna, jridu jiġu utilizzati tajjeb għas-servizz tal-poplu.  Issa jiddependi minna kemm ser inkunu effettivi fiha.

6.         Jekk hemm min qiegħed jaħseb li dan mhuwiex ser jiġi apprezzat, ngħid li għandu tort.  Fl-aħħar elezzjoni, parti sostanzjali tal-elettorat bagħat messaġġ ċar liż-żewġ partiti.  Wera biċ-ċar li huwa jħossu liberu li jeżerċita d-dritt tal-vot mingħajr rabtiet passati jew futuri.  Diversi ħarġu mill-iskemi passati proprju għax għandhom dritt li jagħtu l-preferenza politika tagħhom kif iridu.  Din, nammettu, kienet mira tal-partit tagħna u ntlaħqet verament kontra tagħna.  Imma hekk ridna: li jkollna poplu li jivvota fil-libertà assoluta tiegħu.  Żidna b’aktar edukazzjoni għax id-demokrazija tikber magħha u biha.  Din il-parti, din il-mewġa elettorali mhux tonqos sejra, imma tiżdied f’elezzjonijiet ġenerali oħra.

7.         Il-partit għandu quddiemu sfidi ġodda, ċirkostanzi differenti u ferm iktar favorevoli milli kellu fi snin ilu meta kien fl-Oppożizzjoni.  Biss, irid jagħraf jeħodhom billi jifhimhom.  Jekk ma nersqux b’umiltà u ma nifhmux li l-pajjiż irid iktar sustanza politika vera, allura nassiguraw għalina nfusna iktar snin fl-Oppożizzjoni.  Proprju għalhekk li rridu, f’dan il-perjodu, nirriformaw lilna nfusna: l-ewwel, fl-ideat u fid-direzzjoni tagħna; u t-tieni, fl-organizzazzjoni tal-partit sabiex iwassal il-messaġġ u l-programm tiegħu fl-irkejjen kollha fejn hemm il-poplu.  Biex inkunu Oppożizzjoni soda, serja u nżidu fl-appoġġ elettorali tagħna rridu nimxu f’din il-linja.  Iktar u iktar meta l-partit fil-Gvern qiegħed juri dejjem iktar li valuri u prinċipji m’għandux, u anzi, qiegħed jagħmel il-kontra ta’ dak li kien qiegħed jiddikjara.




CARMELO MIFSUD BONNICI

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...